Li Tagħraf il-Prinċipju Jirrifletti l-Maturità
SĦUBIJA ħażina tħassar id-drawwiet tajbin. Dak li tiżraʼ taħsad. (1 Korintin 15:33; Galatin 6:7) Kemm jekk fiżikament u kemm jekk spiritwalment, kull waħda minn dawn l-istqarrijiet hija eżempju taʼ verità fundamentali—taʼ prinċipju—u kull waħda tipprovdi bażi għal liġijiet. Il-liġijiet, iżda, jistgħu jiġu u jmorru, u dawn ġeneralment ikunu speċifiċi. Il-prinċipji, mill-banda l-oħra, huma vasti, u jistgħu jservu għal dejjem. B’hekk, il-Kelma t’Alla tinkuraġġina naħsbu f’termini taʼ prinċipji fejn hu possibbli.
Webster’s Third New International Dictionary jiddefinixxi prinċipju bħala “verità ġenerali jew fundamentali: liġi, duttrina, jew ħsieb komprensiv u fundamentali li fuqhom oħrajn huma bbażati jew li ġejjin minnhom.” Per eżempju, lil tifel żgħir, wieħed jistaʼ jagħtih il-liġi: “Tmissx il-forn.” Imma lil xi ħadd adult ikun biżżejjed li tgħidlu: “Il-forn jaħraq.” Innota li t-tieni waħda hija stqarrija iktar fundamentali. Peress li din għandha x’taqsam maʼ x’wieħed jistaʼ jagħmel—forsi jsajjar, jaħmi, jew jitfi l-forn—f’ċertu sens din issir prinċipju.
Il-prinċipji bażiċi tal-ħajja, m’għandniex xi ngħidu, huma spiritwali; dawn jiggvernaw il-qima tagħna lejn Alla u l-hena tagħna. Xi wħud, iżda, joqogħdu lura milli jagħmlu l-isforz meħtieġ biex jirraġunaw fuq prinċipji. Jippreferu l-konvenjenza taʼ xi regola meta jkunu jridu jieħdu xi deċiżjoni. Dan m’huwiex għaqli u huwa f’kuntrast maʼ l-eżempju stabbilit minn irġiel leali tal-qedem fi żminijiet Bibliċi.—Rumani 15:4.
Irġiel Taʼ Prinċipju Divin
Fost il-bnedmin imperfetti, Abel setaʼ jissejjaħ l-ewwel raġel taʼ prinċipju divin. X’aktarx li hu ħaseb ħafna fuq il-wegħda rigward in-‘nisel’ u fehem li l-fidwa mid-dnub kellha tinvolvi sagrifiċċju bid-demm. (Ġenesi 3:15) B’hekk hu offra ’l Alla “mill-bikri tal-merħla tiegħu.” Il-frażi “mill-grass tagħhom” turi li Abel ta lil Jehovah l-aħjarnett tiegħu. Madankollu, kellhom jgħaddu ’l fuq minn elfejn sena wara l-mewt t’Abel qabel ma Alla għall-ewwel darba ddetta b’mod ċar il-ħtiġijiet dettaljati li għandhom x’jaqsmu mas-sagrifiċċji. B’kuntrast m’Abel, li kien raġel taʼ prinċipju u li kellu l-biżaʼ t’Alla, ħuh Kajjin deher li għamel speċi taʼ sagrifiċċju lil Alla. Imma l-attitudni tiegħu ma tantx kienet kif għandha tkun. Kien hemm xi ħaġa dwar l-offerta tiegħu li indikat qalb nieqsa minn prinċipju.—Ġenesi 4:3-5.
Noè wkoll kien raġel taʼ prinċipju divin. Fil-waqt li r-rakkont tal-Bibbja juri li Alla kkmandah speċifikament biex jibni arka, ma naqraw dwar l-ebda kmand li hu kellu jippriedka ’l oħrajn. Safrattant, Noè hu msejjaħ “il-ħabbâr tal-ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Avolja Alla x’aktarx li dderieġa lil Noè biex jippriedka, is-sens tiegħu taʼ prinċipju u l-imħabba tiegħu għal għajru bla dubju qanqluh ukoll biex jagħmel hekk. Ladarba aħna ngħixu fi żminijiet bħal taʼ Noè, ejjew nimitaw l-attitudni u l-eżempju mill-aħjar tiegħu.
Ġesù għallem lin-nies jaħsbu f’termini taʼ prinċipji, mhux bħall-kleru taʼ żmienu. Il-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja hija eżempju wieħed. Din tisħaq mill-bidu sa l-aħħar fuq il-prinċipju. (Mattew, kapitli 5-7) Ġesù għallem b’dan il-mod għax, bħal Abel u Noè taʼ qablu, hu verament kien jafu lil Alla. Saħansitra bħala tfajjel, hu rrispetta l-verità fundamentali: “Mhux bil-ħobż biss . . . imma b’dak kollu li joħroġ minn fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.” (Dewteronomju 8:3; Luqa 2:41-47) Iva, il-qofol taʼ li tkun persuna taʼ prinċipju divin huwa li tassew tkun taf lil Jehovah, tkun taf x’jogħġbu u x’ma jogħġbux, u taf l-iskopijiet tiegħu. Meta dawn l-affarijiet fundamentali dwar Alla jiggvernaw ’il-ħajjiet tagħna, dawn isiru, fil-fatt, prinċipji ħajjin.—Ġeremija 22:16; Lhud 4:12.
Il-Prinċipji u L-Qalb
Huwa possibbli li wieħed jobdi l-liġi biss kontra qalbu, forsi minħabba li jibżaʼ minn xi kastig għad-diżubbidjenza. Li wieħed ikun fi qbil maʼ prinċipju, madankollu, jeskludi attitudni bħal din, għaliex hija fin-natura nfisha tal-prinċipji li biex wieħed ikun iggvernat minnhom irid jaġixxi mill-qalb. Ikkunsidra lil Ġużeppi li, bħal Abel u Noè, għex qabel ġie stabbilit il-patt tal-Liġi Mosajka. Meta mart Putifar ipprovat tisseduċih, Ġużeppi wieġeb: “Kif nistaʼ nagħmel dan il-ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla[?]” Iva, Ġużeppi kien jaf il-prinċipju li raġel u mara miżżewġin huma “ġisem wieħed.”—Ġenesi 2:24; 39:9.
Illum id-dinja m’għadx baqgħalha prinċipji retti. Din titħanżer fuq il-vjolenza u l-immoralità. Il-periklu huwa li Kristjan jistaʼ jiġi ttantat biex inaqqar, forsi bil-moħbi, mill-istess ikel bla sustanza—il-films, videos, jew kotba. Kemm ikun jistħoqqilna tifħir, mela, meta aħna bħal Ġużeppi nirrifjutaw minħabba l-prinċipji dak li hu ħażin, billi niftakru li Alla se jippreserva minn ġod-“diqa kbira” li ġejja lil dawk biss li huma leali. (Mattew 24:21) Iva, huwa primarjament dak li aħna fil-privat, mhux fil-pubbliku, li jikxef x’aħna verament minn ġewwa.—Salm 11:4; Proverbji 15:3.
Jiġri li, jekk inkunu ggwidati minn prinċipji Bibliċi, m’aħniex se nfittxu dawk li forsi wieħed jaħsibhom toqob fil-liġijiet t’Alla; lanqas ma se nipprovaw naraw sa fejn nistgħu naslu mingħajr ma attwalment niksru l-liġi. Tkun qed tqarraq bik innifsek jekk taħseb hekk; fl-aħħar mill-aħħar int se tweġġaʼ.
Ħares Lil Hinn Mil-Liġi
M’għandniex xi ngħidu, il-liġijiet għandhom irwol vitali fil-ħajja taʼ Kristjan. Qishom għassiesa li jgħinu biex jipproteġuna, u fil-qalba tagħhom hemm ħafna prinċipji importanti. Jekk nonqsu li nifhmu dawn il-prinċipji, l-imħabba tagħna għal liġijiet relatati tistaʼ tibred. Dan nistgħu narawh mill-ġens antik taʼ Iżrael.
Lil Iżrael Alla tahom l-Għaxar Kmandamenti, li l-ewwel wieħed minnhom ipprojbixxa l-qima taʼ kull alla ieħor għajr Jehovah. Li Jehovah ħalaq kull ħaġa hija verità fundamentali wara din il-liġi. (Eżodu 20:3-5) Imma l-ġens għex skond dan il-prinċipju? Jehovah stess iwieġeb: “Lil biċċa għuda jgħidulha: ‘Int missieri!’ u lill-ġebla: ‘Int wilidtni![’] Għax huma tawni daharhom, u ma tawnix wiċċhom!” (Ġeremija 2:27) Xi bluha kiefra u bla prinċipju! U kemm weġġgħatlu qalbu lil Jehovah.—Salm 78:40, 41; Isaija 63:9, 10.
Il-Kristjani wkoll għandhom liġijiet minn Alla. Per eżempju, huma għandhom jevitaw l-idolatrija, l-immoralità sesswali, u l-użu ħażin tad-demm. (Atti 15:28, 29) Meta toqgħod taħseb dwar dan, nistgħu naraw xi prinċipji hemm warajhom, bħalma huma: Alla jistħoqqlu d-devozzjoni esklussiva tagħna; aħna rridu nkunu leali lejn is-sieħeb jew is-sieħba tagħna; u Jehovah huwa d-Donatur tal-Ħajja tagħna. (Ġenesi 2:24; Eżodu 20:5; Salm 36:9) Jekk nifhmu kif ukoll napprezzaw b’mod profond il-prinċipji wara dawn id-direttivi, naraw li dawn qegħdin għall-ġid tagħna stess. (Isaija 48:17) Għalina, “il-kmandamenti tiegħu [t’Alla] m’humiex tqal.”—1 Ġwann 5:3.
Fil-waqt li l-Iżraeliti darba kienu jinjoraw il-kmandamenti t’Alla, sa żmien Ġesù “d-dutturi tal-liġi,” l-iskribi, kienu marru fl-estrem l-ieħor. Dawn kienu fformulaw muntanja taʼ regoli u tradizzjonijiet li fixklu l-qima pura u ħbew il-prinċipji divini. (Mattew 23:2, New English Bible) In-nies irrassenjaw ruħhom għall-falliment, għan-nuqqas taʼ tama jew għall-ipokresija. (Mattew 15:3-9) U ħafna mir-regoli magħmulin mill-bniedem kienu krudili. Hekk kif kien se jfejjaq raġel b’idu niexfa, Ġesù staqsa lill-Fariżej li kienu preżenti: “X’jiswa li tagħmel nhar taʼ Sibt, ġid jew deni?” Is-skiet tagħhom wera li ħassew li ma kienx jiswa li tagħmel il-ġid, u dan ġiegħel lil Ġesù jħossu “mnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija taʼ qalbhom.” (Mark 3:1-6) Il-Fariżej għandhom mnejn kienu jgħinu lil xi annimal domestiku (investiment finanzjarju) mitluq jew ferut fis-Sabat imma qatt lil xi raġel jew xi mara—sakemm ma kienx każ taʼ ħajja jew mewt. Tabilħaqq, kienu tant ossessjonati b’regoli umani u teknikalitajiet li, bħal nemel jiġru ’l hemm u ’l hawn fuq pittura, naqsu li jaraw l-istampa kollha kemm hi—il-prinċipji divini.—Mattew 23:23, 24.
Iż-żgħażagħ, madankollu, meta qlubhom ikunu sinċieri, ukoll jistgħu jġibu unur lil Jehovah permezz taʼ l-apprezzament tagħhom għal prinċipji tal-Bibbja. L-għalliema taʼ Rebecca, tfajla taʼ tlettax-il sena, staqsiet lill-klassi min minnhom kien lest jieħu sehem f’logħob taʼ l-ażżard. Il-maġġuranza qalu le. Madankollu, meta ssemmew diversi sitwazzjonijiet, kollha kemm huma, minbarra Rebecca, ammettew li kienu jittantaw xortihom b’xi mod jew ieħor. L-għalliema staqsiet lil Rebecca jekk kinitx lesta tixtri biljett tal-lotterija t’20 ċenteżmu għal skop taʼ siwi. Rebecca qalet le u tat ir-raġunijiet Skritturali għala li tagħmel hekk kien ikun forma taʼ logħob taʼ l-ażżard. L-għalliema tagħha qalet lill-klassi sħiħa: ‘Fl-opinjoni tiegħi, Rebecca hija l-unika waħda hawn li għandha dak li jien insejħilhom “prinċipji” fil-veru sens tal-kelma.’ Iva, Rebecca setgħet sempliċement wieġbet, “Huwa kontra r-reliġjon tiegħi,” imma hi ħasbet iżjed fil-fond minn hekk; hi kienet kapaċi twieġeb għala l-logħob taʼ l-ażżard huwa ħażin u għala hi rrifjutat li tieħu sehem fih.
Eżempji bħal Abel, Noè, Ġużeppi, u Ġesù juruna kif nibbenefikaw milli nużaw l-abbiltà tal-“ħsieb” tagħna u l-“qawwa tar-raġuni” tagħna f’li nqimu lil Alla. (Proverbji 2:11, KŻ; Rumani 12:1, NW) Anzjani Kristjani jagħmlu tajjeb li jimitaw lil Ġesù waqt li “[j]irgħu l-merħla taʼ Alla fdata f’idej[h]om.” (1 Pietru 5:2) Bħalma Ġesù b’mod tajjeb ta l-eżempju, dawk li jħobbu l-prinċipji divini huma dawk li jiffjorixxu taħt is-sovranità taʼ Jehovah.—Isaija 65:14. (w97 10/15)