Eżodu
3 U Mosè sar ragħaj tal-merħla taʼ Ġetro,*+ il-qassis taʼ Midjan, li kien il-kunjatu tiegħu.+ Waqt li kien qed jieħu l-merħla lejn in-naħa tal-punent tax-xagħri, sa fl-aħħar wasal ħdejn il-muntanja taʼ l-Alla l-veru,+ fil-Ħoreb.+ 2 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova deherlu fi fjamma tan-nar f’nofs għollieqa.+ Hekk kif baqaʼ jħares, ara, l-għollieqa kienet qed taqbad bin-nar, u madankollu ma bdietx tinħaraq. 3 U Mosè qal: “Ħa nersaq viċin sabiex nara x’inhu dan il-fenomenu kbir, għala l-għollieqa ma nħarqitx.”+ 4 Meta Ġeħova rah jersaq viċin biex jara x’inhu, Alla minnufih sejjaħlu minn nofs l-għollieqa u qallu: “Mosè! Mosè!” u dan wieġbu: “Hawn jien.”+ 5 Qallu: “Tersaqx qrib hawnhekk. Neħħi s-sandli minn saqajk, għax il-post fejn int wieqaf hu art qaddisa.”+
6 U ssokta jgħidlu: “Jien l-Alla taʼ missirijietek, l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.”+ Imbagħad Mosè ħeba wiċċu, għax beżaʼ jħares lejn l-Alla l-veru. 7 U Ġeħova żied: “Bla dubju jien rajt is-sofferenza tan-nies tiegħi li qegħdin l-Eġittu, u smajt l-għajta tagħhom minħabba dawk li jġegħluhom jaħdmu iebes; għaliex naf tajjeb kemm qed isofru.+ 8 U se ninżel neħlishom minn id l-Eġizzjani+ u ntellagħhom u noħroġhom minn dik l-art għal ġo art tajba u spazjuża, art li tnixxi ħalib u għasel,+ lejn il-post tal-Kangħanin, tal-Ħittin, taʼ l-Amurrin, tal-Pereżin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin.+ 9 U issa, ara, l-għajta taʼ wlied Israel waslet għandi, u rajt ukoll il-moħqrija li biha qed jaħqruhom l-Eġizzjani.+ 10 U issa ejja ħalli nibagħtek għand il-Fargħun, u toħroġ il-poplu tiegħi wlied Israel mill-Eġittu.”+
11 Madankollu, Mosè qal lill-Alla l-veru: “Jien min jien biex immur għand il-Fargħun u noħroġ lil ulied Israel mill-Eġittu?”+ 12 Hu wieġbu: “Għaliex jien inkun miegħek,+ u dan hu s-sinjal għalik li jien bgħattek:+ Wara li tkun ħriġt il-poplu mill-Eġittu, intom se taqdu lill-Alla l-veru fuq din il-muntanja.”+
13 Minkejja dan, Mosè qal lill-Alla l-veru: “Issa suppost li mmur għand ulied Israel u ngħidilhom, ‘L-Alla taʼ missirijietkom bagħatni għandkom,’ u huma jgħiduli, ‘X’jismu?’+ X’ngħidilhom?” 14 U Alla qal lil Mosè: “JIEN SE NSIR DAK LI RRID INSIR.”+ U żied: “Dan għandek tgħidilhom lil ulied Israel, ‘JIEN SE NSIR bagħatni għandkom.’”+ 15 Imbagħad Alla qal għal darb’oħra lil Mosè:
“Dan għandek tgħidilhom lil ulied Israel, ‘Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, l-Alla t’Abraham,+ l-Alla taʼ Iżakk,+ u l-Alla taʼ Ġakobb,+ bagħatni għandkom.’ Dan hu ismi għal dejjem,*+ u din hi t-tifkira tiegħi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+ 16 Mur u iġbor ix-xjuħ taʼ Israel, u għidilhom, ‘Deherli Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom,+ l-Alla t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb, u qalli: “Jien żgur li se ndawwar l-attenzjoni+ tiegħi lejkom u lejn dak li qed jagħmlulkom fl-Eġittu. 17 U għalhekk ngħid, se noħroġkom mis-sofferenza+ li qed jagħmlulkom l-Eġizzjani u ntellagħkom lejn l-art tal-Kangħanin, tal-Ħittin, taʼ l-Amurrin,+ tal-Pereżin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin,+ lejn art li tnixxi ħalib u għasel.”’+
18 “U żgur li se jisimgħu minn kliemek,+ u int u x-xjuħ taʼ Israel tridu tmorru għand is-sultan taʼ l-Eġittu u tgħidulu, ‘Ġeħova, l-Alla taʼ l-Ebrej,+ dehrilna,+ u issa, jekk jogħġbok, irridu mmorru vjaġġ taʼ tlett ijiem fix-xagħri, u noffru sagrifiċċji lil Ġeħova Alla tagħna.’+ 19 U jien, iva, jien, naf tajjeb li s-sultan taʼ l-Eġittu mhux se jagħtikom permess li tmorru jekk mhux bil-forza.+ 20 U jien ikolli mmidd idi+ u nolqot lill-Eġittu bl-għemejjel taʼ l-għaġeb kollha li se nagħmel f’nofsu; u mbagħad jibgħatkom.+ 21 U lil dan il-poplu se nagħtih li jsib il-ħniena f’għajnejn l-Eġizzjani; u jiġri li meta tmorru, ma tmorrux b’idkom vojta.+ 22 U kull mara trid titlob mingħand il-ġâra tagħha u mingħand il-mara li qed tgħammar bħala barranija f’darha oġġetti tal-fidda u oġġetti tad-deheb u lbies, u tridu tlibbsuhom lil uliedkom subien u bniet; u tneżżgħu lill-Eġizzjani.”+