Eżodu
2 Sadanittant, ċertu raġel minn dar Levi mar u ħa waħda mill-bniet taʼ Levi.+ 2 U l-mara ħarġet tqila u wildet iben. Meta rat kemm kien sbejjaħ, żammitu moħbi+ għal tliet xhur qamrin.+ 3 Meta ma setgħetx taħbih iktar,+ ħadet kaxxa* tal-papiru u ksietha bil-qatran u biż-żift+ u poġġiet it-tifel fiha u qegħditha qalb il-qasab+ qrib ix-xatt tax-xmara Nil. 4 Barra minn hekk, oħtu qagħdet ftit ’il bogħod biex tara x’se jsir minnu.+
5 Wara ftit niżlet bint il-Fargħun biex tinħasel fix-Xmara Nil, u l-qaddejja nisa tagħha kienu mexjin mal-ġenb tax-Xmara Nil. U hi lemħet il-kaxxa f’nofs il-qasab. Fil-pront bagħtet lill-ilsira tagħha biex iġġibhielha.+ 6 Meta fetħitha rat it-tarbija, u, ara, it-tifel kien qed jibki. Hi tħassritu,+ għalkemm qalet: “Dan wieħed minn ulied l-Ebrej.” 7 Imbagħad oħtu qalet lil bint il-Fargħun: “Tridx immur insejjaħlek mara li treddaʼ min-nisa Ebrej biex treddagħlek it-tifel?” 8 Għalhekk, bint il-Fargħun wiġbitha: “Mur!” Minnufih it-tfajla marret u sejħet lil omm it-tifel.+ 9 Bint il-Fargħun imbagħad qaltilha: “Ħu lil dan it-tifel miegħek u reddagħhuli, u jien inħallsek.”+ Għaldaqstant, il-mara ħadet it-tifel u reddgħetu. 10 U t-tifel kiber. Imbagħad ġabitu għand bint il-Fargħun, u b’hekk sar bħal iben għaliha;+ u semmietu Mosè* u qalet: “Għaliex tellajtu mill-ilma.”+
11 Issa ġara li, hekk kif kien qed isir b’saħħtu, Mosè ħareġ ħdejn ħutu biex jara t-tagħbijiet li kienu qed iġorru;+ u lemaħ lil wieħed Eġizzjan isawwat lil wieħed minn ħutu l-Ebrej.+ 12 Għalhekk, ħares madwaru u ra li ma kien hemm ħadd. Imbagħad qatel lill-Eġizzjan u ħbieh fir-ramel.+
13 Madankollu, l-għada ħareġ, u, ara, kien hemm żewġt irġiel Ebrej jissieltu maʼ xulxin. Għalhekk, hu qal lil dak li kellu t-tort: “Għala għandek issawwat lil sieħbek?”+ 14 U dak wieġbu: “Min ħatrek bħala prinċep u mħallef fuqna?+ Jaqaw bi ħsiebek toqtolni bħalma qtilt lill-Eġizzjan?”+ Mosè issa beżaʼ u qal: “Żgur li din il-ħaġa saret magħrufa!”+
15 Wara dan, il-Fargħun semaʼ b’din il-ħaġa, u pprova joqtol lil Mosè;+ imma Mosè ħarab+ mill-Fargħun sabiex jgħammar fl-art taʼ Midjan;+ u qagħad bil-qiegħda ħdejn bir. 16 Issa l-qassis+ taʼ Midjan kellu sebat ibniet, u bħas-soltu dawn ġew itellgħu l-ilma u mlew il-ħwat biex jisqu l-merħla taʼ missierhom.+ 17 U bħas-soltu ġew ir-rgħajja u keċċewhom. X’ħin ra dan, Mosè qam u għen lin-nisa u sqielhom il-merħla tagħhom.+ 18 Għalhekk, meta marru d-dar għand missierhom Regħwel,+ dan staqsiehom: “Kif ġejtu d-dar daqshekk malajr illum?” 19 Huma wiġbuh: “Wieħed Eġizzjan+ ħelisna minn id ir-rgħajja u, barra minn hekk, saħansitra tellgħalna l-ilma sabiex jisqi l-merħla.” 20 Imbagħad hu qal lill-bniet tiegħu: “Imma fejn hu? Għala ħallejtuh warajkom ir-raġel? Sejħulu, sabiex jiekol biċċa ħobż.”+ 21 Wara dan, Mosè wera li kien lest li jgħammar mar-raġel, u dan ta lil bintu Sefora+ lil Mosè. 22 Iktar tard hi wildet iben u hu semmieh Gersom,*+ għaliex qal: “Sirt resident barrani f’art barranija.”+
23 U ġara li, matul dak iż-żmien, is-sultan taʼ l-Eġittu fl-aħħar miet,+ imma wlied Israel baqgħu jitniehdu minħabba l-jasar u jgħajtu minħabba n-niket,+ u l-għajta tagħhom għall-għajnuna minħabba l-jasar baqgħet tielgħa għand l-Alla l-veru.+ 24 U Alla semaʼ+ l-krib tagħhom+ u Alla ftakar fil-patt tiegħu m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb.+ 25 Għalhekk, Alla ħares lejn ulied Israel u Alla ta kashom.