Eżodu
28 “U int ġib ħdejk lil ħuk Aron u lil uliedu miegħu minn fost ulied Israel sabiex jaqdu bħala qassisin għalija,+ Aron+ u wliedu Nadab u Abiħu,+ Elegħażar u Itamar.+ 2 U agħmel ilbies qaddis għal ħuk Aron biex jagħtuh glorja u ġmiel.+ 3 U int għandek tkellem lill-għorrief kollha li qalbhom jien imlejthielhom bl-ispirtu taʼ l-għerf,+ u jridu jagħmlu l-ilbies t’Aron biex iqaddsuh, ħalli jaqdi bħala qassis għalija.+
4 “U dan hu l-ilbies li jridu jagħmlu: pettoral,+ efod,+ libsa bla kmiem,+ libsa twila ċċangjata, turbant,+ u terħa;+ u jridu jagħmlu l-ilbies qaddis għal ħuk Aron u għal uliedu, sabiex hu jaqdi bħala qassis għalija. 5 U huma jieħdu d-deheb, il-ħajt blu, is-suf miżbugħ vjola ħamrani, il-materjal lewn l-iskarlat,* u l-għażel fin.
6 “U l-efod iridu jagħmluh tad-deheb, ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum, ix-xogħol taʼ wieħed li jirrakkma.+ 7 U jrid ikollu biċċtejn għal fuq l-ispallejn biex jintrabtu fiż-żewġt itruf tiegħu, u jrid jintrabat.+ 8 U l-ħżiem,+ li qiegħed fuq l-efod biex jorbtu sew, irid jinħadem bl-istess mod, bl-istess materjal, tad-deheb, ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum.
9 “U ħu żewġ ħaġriet taʼ l-oniċi+ u onqox+ fuqhom l-ismijiet taʼ wlied Israel,+ 10 sitt ismijiet minnhom fuq ħaġra waħda u l-ismijiet tas-sitta li jibqaʼ fuq il-ħaġra l-oħra skond l-ordni taʼ twelidhom.+ 11 Bix-xogħol taʼ bniedem tas-sengħa fil-ħaġar, bħalma jsir it-tinqix taʼ siġill, għandek tonqox iż-żewġ ħaġriet bl-ismijiet taʼ wlied Israel.+ Tagħmilhom ingastati fid-deheb.+ 12 U tqiegħed iż-żewġ ħaġriet fuq il-bċejjeċ taʼ fuq l-ispallejn taʼ l-efod bħala ħaġar taʼ tifkira għal ulied Israel;+ u Aron irid iġorr l-ismijiet tagħhom quddiem Ġeħova fuq il-biċċtejn taʼ fuq spallejh bħala tifkira. 13 U agħmel ingasti tad-deheb, 14 u żewġ ktajjen tad-deheb pur.+ Bħala qfieli tagħmilhom, maħdumin b’sengħa bħal ħabel; u trid twaħħal il-ktajjen li huma bħal ħabel maʼ l-ingasti.+
15 “U agħmel il-pettoral tal-ġudizzju+ maħdum bis-sengħa taʼ wieħed li jirrakkma. Tagħmlu maħdum bis-sengħa bħall-efod. Tagħmlu tad-deheb, ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum.+ 16 Għandu jkun kwadru meta jkun mitwi fi tnejn, twil xiber u wiesaʼ xiber.+ 17 U imlieh bil-ħaġar, u jkun hemm erbaʼ ringieli ħaġar.+ L-ewwel ringiela jkun fiha rubin,+ topazju,+ u żmerald.+ 18 U t-tieni ringiela turkina,+ żaffir,+ u djaspru.+ 19 U t-tielet ringiela ħaġra tal-lesem,* agata,+ u ametist.+ 20 U r-rabaʼ ringiela krisolitu,+ oniċi,+ u ġada. Ingasti tad-deheb għandu jkun hemm fid-dwawar tagħhom.+ 21 U l-ħaġar għandu jkun skond l-ismijiet taʼ wlied Israel, tnax skond ismijiethom.+ Bħalma jsir it-tinqix taʼ siġill, kull waħda għandha tkun minquxa bl-isem taʼ kull wieħed mit-tnax-il tribù.+
22 “U fuq il-pettoral agħmel ktajjen minsuġin, maħdumin bħal ħabel, tad-deheb pur.+ 23 U fuq il-pettoral agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb,+ u qiegħed iż-żewġ ħolqiet fuq iż-żewġt itruf tal-pettoral. 24 U għaddi ż-żewġ ħbula tad-deheb miż-żewġ ħolqiet li hemm fit-truf tal-pettoral.+ 25 U trid tgħaddi ż-żewġt itruf taż-żewġ ħbula miż-żewġ ingasti, u poġġihom fuq il-bċejjeċ taʼ fuq l-ispallejn taʼ l-efod, fuq il-quddiem tiegħu.+ 26 U agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb u qegħedhom fiż-żewġt itruf tal-pettoral fuq it-tarf tiegħu li qiegħed fuq in-naħa taʼ ġewwa li tmiss maʼ l-efod.+ 27 U agħmel żewġ ħolqiet tad-deheb u qegħedhom fuq il-biċċtejn taʼ fuq l-ispallejn taʼ l-efod minn taħt, fuq il-quddiem tiegħu, ħdejn il-post fejn jintrabat, ’il fuq mill-ħżiem taʼ l-efod.+ 28 U jorbtu l-pettoral mill-ħoloq tiegħu mal-ħoloq taʼ l-efod b’lazz blu, biex jibqaʼ ’l fuq mill-ħżiem taʼ l-efod, u b’hekk il-pettoral ma jiċċaqlaqx minn fuq l-efod.+
29 “U Aron irid iġorr l-ismijiet taʼ wlied Israel fuq il-pettoral tal-ġudizzju fuq qalbu meta jidħol fil-Qaddis bħala tifkira dejjiema quddiem Ġeħova. 30 U int qiegħed l-Urim+ u t-Tummim fil-pettoral tal-ġudizzju, u jkunu fuq qalb Aron meta jidħol quddiem Ġeħova; u Aron irid iġorr il-pettoral tal-ġudizzju+ għal ulied Israel fuq qalbu quddiem Ġeħova l-ħin kollu.
31 “U agħmel il-libsa bla kmiem li tintlibes taħt l-efod kollha kemm hi tal-ħajt blu.+ 32 U jrid ikun hemm skollatura n-naħa taʼ fuq fin-nofs tagħha. L-iskollatura tagħha għandu jkollha bordura dawramejt, maħduma bis-sengħa taʼ wieħed li jinseġ bin-newl. Bħall-iskollatura taʼ kurazza għandha tkun, sabiex ma titqattax.+ 33 U mal-keffa tagħha agħmlilha rummien tal-ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, u materjal lewn l-iskarlat, mal-keffa tagħha dawramejt, u ġlieġel+ tad-deheb bejniethom dawramejt; 34 ġolġol tad-deheb u rummiena, ġolġol tad-deheb u rummiena mal-keffa tal-libsa bla kmiem dawramejt.+ 35 U jilbisha Aron sabiex jaqdi, u l-ħoss li jagħmel irid jinstemaʼ meta jidħol fis-santwarju quddiem Ġeħova u meta joħroġ, għax inkella jmut.+
36 “U agħmel strixxa tleqq tad-deheb pur u onqox fuqha, bħalma jsir it-tinqix taʼ siġill, ‘Il-qdusija hi taʼ Ġeħova.’+ 37 U aqfilha b’lazz blu, u trid tkun fuq it-turbant.+ Fuq il-quddiem tat-turbant għandha tkun. 38 U trid tkun fuq ġbin Aron, u Aron irid iwieġeb għall-ħtija li ssir kontra l-oġġetti mqaddsin,+ li wlied Israel se jqaddsu, jiġifieri, l-għotjiet imqaddsin kollha tagħhom; u trid tibqaʼ fuq ġbinu l-ħin kollu, biex tinkiseb l-approvazzjoni għalihom+ quddiem Ġeħova.
39 “U inseġ il-libsa twila taʼ l-għażel fin u agħmilha ċċangjata u agħmel turbant taʼ l-għażel fin,+ u agħmel terħa,+ ix-xogħol taʼ nissieġ.
40 “U għal ulied Aron tagħmel ilbiesi twal,+ u agħmlilhom it-trieħi, u tagħmlilhom għata tar-ras+ għall-glorja u l-ġmiel.+ 41 U libbishom lil ħuk Aron u lil uliedu miegħu, u idlikhom+ u agħtihom is-setgħa f’idhom+ u qaddishom, u jridu jaqdu bħala qassisin għalija. 42 U agħmlilhom qliezet taʼ taħt taʼ l-għażel biex jgħattu l-ġisem għeri.+ Għandhom ikunu twal minn ġenbejhom sa koxxtejhom. 43 U Aron u wliedu jridu jilbsuhom meta jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew meta jmorru ħdejn l-artal biex jaqdu fil-post qaddis, sabiex ma jiżbaljawx u jmutu. Dan hu statut għal żmien indefinit għalih u għal uliedu warajh.+