Levitiku
19 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Kellem lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin u għidilhom, ‘Għandkom tkunu qaddisin, għax jien, Ġeħova l-Alla tagħkom, qaddis.
3 “‘Kull wieħed minnkom għandu jirrispetta lil* ommu u lil missieru, u għandkom iżżommu kull sabat tiegħi. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom. 4 Iddurux lejn allat li ma jiswew għal xejn u tagħmlux għalikom allat minn metall imdewweb. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
5 “‘Jekk toffru sagrifiċċju tal-paċi lil Ġeħova, għandkom toffruh b’tali mod li tiksbu l-approvazzjoni għalikom. 6 Dan għandu jittiekel dakinhar li toffruh u l-għada, imma dak li jifdal sat-tielet jum għandu jinħaraq fin-nar. 7 Iżda jekk jittiekel ftit minnu fit-tielet jum, din tkun xi ħaġa moqżieża u s-sagrifiċċju ma jiġix aċċettat b’approvazzjoni. 8 Min jieklu jkollu jbati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu għaliex ikun iddiżonora xi ħaġa qaddisa taʼ Ġeħova, u din il-persuna trid tinqatel.*
9 “‘Meta taħsdu l-għelieqi tagħkom, taħsduhomx għalkollox sat-tarf, u tiġbrux it-tilqit* tal-ħsad tagħkom. 10 Ukoll, tiġbrux l-għeneb li jifdal mill-għalqa tad-dwieli tagħkom jew li jaqaʼ mid-dwieli tagħkom. Għandkom tħalluhom għall-foqra* u għar-resident barrani. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
11 “‘Tisirqux, tqarrqux, u taġixxux b’diżonestà maʼ xulxin. 12 Taħilfux b’ismi fil-gideb, u b’hekk tiddiżonoraw l-isem tal-Alla tagħkom. Jien Ġeħova. 13 Timbroljawx lil sħabkom u tisirqux. Għandkom tħallsu ħaddiem mikri fl-aħħar tal-ġurnata. Iżżommux il-paga tiegħu l-lejl kollu sa filgħodu.
14 “‘Tisħtux lil persuna b’nuqqas taʼ smigħ u tpoġġux xi ħaġa taʼ tfixkil quddiem xi ħadd ma jarax. Irrispettaw ħafna lill-Alla* tagħkom. Jien Ġeħova.
15 “‘Tkunux inġusti fil-ġudizzju tagħkom. Turux ħniena mal-fqir sempliċement għax hu fqir jew turu preferenzi maʼ xi ħadd sinjur. Għandkom tiġġudikaw lil oħrajn bil-ġustizzja.
16 “‘Tmorrux qalb il-poplu tagħkom sabiex ixxerrdu qlajjaʼ. M’għandkom tagħmlu xejn li jpoġġi l-ħajja* taʼ ħaddieħor* fil-periklu. Jien Ġeħova.
17 “‘Tobgħodx lil ħuk f’qalbek. Għandek assolutament twiddeb lil sieħbek, sabiex ma tkunx ħati tad-dnub flimkien miegħu.
18 “‘Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek għall-poplu tiegħek, u ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek. Jien Ġeħova.
19 “‘Għandkom tobdu l-liġijiet tiegħi: Tgħammrux żewġ tipi t’annimali flimkien, tiżirgħux l-għalqa tagħkom b’żewġ tipi taʼ żerriegħa, u tilbsux libsa b’żewġ tipi taʼ ħajt imħallat flimkien.
20 “‘Jekk raġel jimtedd maʼ mara u jkollu x’jaqsam magħha u hi tkun qaddejja mwiegħda lil raġel ieħor, imma ma tkunx ġiet mifdija* jew ingħatat il-ħelsien, għandu jkun hemm kastig. Imma m’għandhomx jingħataw il-mewt, għaliex hi kienet għadha ma nħelsitx. 21 Hu jrid iġib l-offerta għall-ħtija tiegħu lil Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, muntun tal-offerta għall-ħtija. 22 Il-qassis jagħmel tpattija għalih bil-muntun tal-offerta għall-ħtija quddiem Ġeħova għad-dnub li għamel, u dan jinħafirlu.
23 “‘Meta tidħlu fl-art u tħawlu xi siġra għall-ikel, il-frott tagħha tridu tqisuh mhux nadif u pprojbit. Jibqaʼ pprojbit* għalikom għal tliet snin. M’għandux jittiekel. 24 Imma fir-rabaʼ sena, il-frott kollu tagħha jsir offerta qaddisa taʼ ferħ għal Ġeħova. 25 Imbagħad fil-ħames sena, tistgħu tieklu l-frott tagħha sabiex il-prodott tal-ħsad tagħkom jiżdied. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
26 “‘Tieklu xejn li fih id-demm.
“‘Tfittxux sinjali li bihom taqraw il-futur u tagħmlux maġija.
27 “‘Tqaxxrux* ix-xagħar tal-ġenb taʼ raskom, u tirrovinawx it-tarf tad-daqna tagħkom.*
28 “‘Tqattgħux ġisimkom għal persuna* mejta, u tagħmlux tpinġija* fuqkom. Jien Ġeħova.
29 “‘Tiddiżonorax lil bintek billi tagħmilha prostituta, inkella l-art tiġi mniġġsa bil-prostituzzjoni u timtela b’morali baxxi.
30 “‘Għandkom iżżommu kull sabat tiegħi, u għandkom turu rispett kbir lejn* is-santwarju tiegħi. Jien Ġeħova.
31 “‘Iddurux lejn il-medji tal-ispirti, u tikkonsultawx maʼ dawk li jbassru l-futur, u b’hekk issiru mhux nodfa minħabba fihom. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
32 “‘Uru rispett lejn min għandu xagħru abjad, u onoraw lil min hu kbir fl-età. Għandkom tibżgħu mill-Alla tagħkom. Jien Ġeħova.
33 “‘Jekk barrani jgħix magħkom f’artkom, tittrattawhx ħażin. 34 Il-barrani li jgħix magħkom għandu jsir għalikom bħal wieħed imwieled f’pajjiżkom; u tridu tħobbuh bħalkom infuskom, għax intom kontu residenti barranin fl-art tal-Eġittu. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.
35 “‘Tużawx kejl diżonest biex tkejlu t-tul, it-toqol, jew il-kwantità. 36 Għandkom tużaw miżien eżatt, użin eżatt, u kejl eżatt.* Jien Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu. 37 Għalhekk, obdu l-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali kollha tiegħi, u imxu magħhom. Jien Ġeħova.’”