Leħja Mqaxxra Tajjeb
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
JEKK raġel iqattaʼ ħames minuti f’ġurnata jqaxxar il-leħja u jagħmel dan kuljum għal 50 sena, ikun qattaʼ ftit iktar minn 63 ġurnata taʼ ħajtu jneħħi s-suf minn maʼ wiċċu! L-irġiel kif iħossuhom dwar dan ir-ritwal taʼ kuljum?
Stħarriġ informali reċenti pproduċa dawn il-kummenti fuq it-tqaxxir tal-leħja: “Jien veru niddejjaq.” “Nobgħod nagħmel dan.” “Wieħed mis-sogri li fiha l-ħajja.” “Xi ħaġa li jekk jistaʼ jkun tevitaha.” Jekk xi rġiel iħossuhom daqstant kontra taʼ li jqaxxru l-leħja, għala jagħmluh dan? Ejja nitgħallmu xi ftit iktar dwar it-tqaxxir tal-leħja. Forsi nsibu t-tweġiba.
Mill-Arzell għal Xfafar li Tużahom u Tarmihom
Tistaʼ timmaġinak tqaxxar il-leħja b’arzella? B’sinna taʼ kelb il-baħar? Forsi b’xi biċċa żnied taqtaʼ? Il-bniedem veru wera inġenwità rimarkevoli f’li jagħżel għodod biex jgħinuh iqaxxar! Fl-Eġittu tal-qedem l-irġiel kienu jqaxxru l-leħja billi jużaw xfafar tar-ram li kienu jixbhu ras ċkejkna taʼ mannara. Fi żminijiet iktar reċenti, fis-sekli 18 u 19, dawk li saru magħrufa bħala mwies li jaqtgħu l-gerżuma, kienu jiġu manifatturati primarjament f’Sheffield, l-Ingilterra. Taʼ spiss imżejnin b’mod elaborat, dawn l-imwies kellhom xfafar taʼ l-azzar ġejjin fit-tond li kienu jintlewew lura u jidħlu fil-manku tagħhom meta ma jkunux qed jiġu wżati. Dawn kont trid toqgħod b’sebaʼ għajnejn meta tużahom, u li wieħed jipprova jitgħallem jużahom taʼ spiss kien ifisser ħafna qtugħ u tqattir taʼ demm. Għal dawk li ma tantx kienu jinqalgħu għal dan, il-bidu kien kemxejn taʼ trawma. Madankollu, is-seklu 20 wiegħed ftit taʼ serħan.
Fl-1901 raġel fl-Istati Uniti, li kien jismu King Camp Gillette ivvinta mus tal-leħja mhux perikoluż b’xafra li tużaha u tarmiha. L-idea tiegħu kellha suċċess enormi mad-dinja kollha u eventwalment wasslet għal diversi għamliet li kienu jinkludu mwies tal-leħja bil-manku tal-fidda jew tad-deheb. Żviluppi reċenti jinkludu mwies tal-leħja li tużahom u tarmihom kollha kemm huma, imwies tal-leħja b’żewġ xfafar jew saħansitra bi tlieta, u mwies tal-leħja bir-ras flessibbli u li ddur.
Ma rridux ninsew, bla dubju, il-magni taʼ l-elettriku tal-leħja, li dehru għall-ewwel darba fis-suq fl-1931. L-effiċjenza u l-popolarità tagħhom dejjem tiżdied, imma x-xifer jaqtaʼ tax-xafra għadu l-favorit maʼ ħafna li jridu tassew iqaxxru tajjeb il-leħja.
Daqqa Moda u Daqqa Le
Minn żminijiet bikrin, id-daqna kienet daqqa moda u daqqa le. L-Eġizzjani tal-qedem, jgħid il-ktieb Everyday Life in Ancient Egypt, “ma kinux magħrufa għax-xagħar tal-ġisem u kienu jħossuhom kburin bihom infushom meta kienu jqaxxru l-leħja, billi kienu jużaw xfafar magħmulin tajjeb li kienu jżommuhom f’kaxxi żgħar u sbieħ tal-ġilda.” Din id-drawwa tistaʼ tispjega għala l-priġunier Ebrajk Ġużeppi kellu jqaxxar xagħru u l-leħja qabel ma deher quddiem il-Fargħun.—Ġenesi 41:14.
L-Assirjani kienu razza taʼ nies b’daqna splendida. Dawn kienu jaslu sal-punt li jsiru vanitużi, għax kienu jieħdu ħsieb sew tad-daqniet tagħhom u jagħtuhom attenzjoni stravaganti, billi kienu jinnokklawhom, jimmaljawhom, u jirranġawhom b’mod elaborat.
L-irġiel Iżraeliti tal-qedem kienu jħallu d-daqna sa tul moderat, u kienu jużaw xafra biex iħalluha mirquma tajjeb. Mela, il-Liġi t’Alla x’riedet tfisser meta kkmandat lill-irġiel Iżraeliti biex ma ‘jaqtgħux xagħarhom dawra tond’ jew ‘jaqtgħu truf leħjithom?’ Dan ma kienx kmand kontra li jittrimmjaw xagħarhom jew leħjithom. Minflok, din skuraġġit lill-irġiel Iżraeliti milli jimitaw il-prattiċi reliġjużi estremi tal-ġnus pagani ġirien.a—Levitiku 19:27; Ġeremija 9:24, 25 [9:25, 26, NW]; 25:23; 49:32.
Fis-soċjetà Griega tal-qedem, id-daqniet kienu jitħallew normalment minn kulħadd ħlief min-nobbli, li taʼ spiss kien ikollhom il-leħja mqaxxra. F’Ruma, id-drawwa tat-tqaxxir tal-leħja jidher li bdiet fit-tieni seklu Q.E.K., u għal bosta sekli wara dan, id-drawwa kienet li jqaxxru l-leħja kuljum.
Mal-waqgħa taʼ l-Imperu Ruman, madankollu, id-daqna għal darb’oħra reġgħet saret komuni, u damet hekk għal kważi 1,000 sena sat-tieni nofs tas-seklu 17, meta t-tqaxxir tal-leħja reġa sar moda. Id-dehra taʼ raġel bil-leħja mqaxxra għalkollox kompliet sa matul is-seklu 18. Imma mbagħad, san-nofs jew sa l-aħħar tas-seklu 19, id-daqna reġgħet saret moda. Madankollu, ir-ritratti taʼ C. T. Russell, l-ewwel president tal-Watch Tower Society, u sieħbu Kristjan W. E. Van Amburgh juru liż-żewġt irġiel b’daqna mirquma li kienet dinjituża u addattata għal dak iż-żmien. Fil-bidu tas-seklu 20, madankollu, it-tqaxxir tal-leħja reġaʼ sar popolari u f’ħafna pajjiżi dan baqaʼ sal-ġurnata tal-lum.
Int wieħed minn dawk il-miljuni taʼ rġiel li jużaw xi xafra biex jgħaddu minn dan ir-ritwal taʼ kuljum quddiem il-mera? Jekk inhu hekk, int bla dubju tixtieq tagħmel dan kemm jistaʼ jkun bla wġigħ, mingħajr dmija u b’mod effettiv. Biex tagħmel dan, forsi tixtieq tikkunsidra s-suġġerimenti li ssib fil-kaxxa “Pariri għal meta Tqaxxar il-Leħja bix-Xafra.” X’aktarx li int diġà tapplika xi ftit minn dawn is-suġġerimenti. Hu x’inhu l-każ—ħu pjaċir b’leħja mqaxxra tajjeb u għalkollox!
[Nota taʼ taħt]
a Ara Insight on the Scriptures, l-1 Volum, paġni 266 u 1021, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 23]
Pariri għal meta Tqaxxar il-Leħja bix-Xafra
Il-ktieb Men’s Hair jagħmel is-suġġerimenti li ġejjin biex tqaxxar il-leħja b’mod effettiv bix-xafra.b
1. Rattab il-leħja: L-uniku mod li verament irattab b’mod tajjeb is-suf tal-wiċċ huwa li tbaħbaħ wiċċek sew bil-misħun. Jekk inhu possibbli, qaxxar wara li tieħu doċċa, peress li dan jippermetti iktar ħin għall-ilma biex irattab il-leħja.
2. Uża prodotti għal qabel ma tqaxxar: Il-prodotti varji kollha bħas-sapun, ragħwa tas-sapun, kremi, u ġellijiet jagħmlu bażikament tliet affarijiet. (1) Huma jżommu l-leħja milli tixxotta, (2) iżommuha wieqfa, u (3) jillubrikaw il-ġilda sabiex ix-xafra tkun tistaʼ tgħaddi fuqha b’iktar faċilità. Għażel il-prodott li jaħdem l-aħjar għalik. Bil-ħaqq, qatt ipprovajt xi conditioner tax-xagħar? Dan ukoll huwa disinjat biex irattab lix-xagħar.
3. Uża x-xafra li suppost tuża u wżaha kif suppost: Ix-xafra li suppost tuża hija xafra li taqtaʼ. Xfafar li ma jkunux jaqtgħu jistgħu jkunu taʼ ħsara għall-ġilda. Qaxxar skond id-direzzjoni taʼ kif tikber is-sufa. Jekk tqaxxar kontra forsi jkollok tqaxxira tajba, imma jistaʼ jiġri li s-suf jinqataʼ taħt il-livell tal-ġilda u b’hekk jibda jikber għal ġol-ġilda taʼ madwar minflok mill-pori tal-ġilda għal barra. Skond xi sorsi, drawwiet traskurati taʼ tqaxxir—minn irġiel u nisa—jistgħu jikkawżaw infezzjonijiet minn viruses li jwasslu għal felul.
4. Protezzjoni tal-ġilda wara li tqaxxar: Kull darba li tqaxxar, tkun qed tneħħi saff mikroskopiku taʼ ġilda, u b’hekk il-ġilda ssir vulnerabbli. Għalhekk, huwa importanti li tbaħbaħ dak kollu li jibqaʼ fuq il-wiċċ b’ilma nadif—naqra fietel għall-ewwel, imbagħad ftit iktar kiesaħ sabiex tagħlaq il-pori u tissiġilla xi ftit taʼ l-ilma fihom. Jekk trid, tistaʼ tuża moisturizing after-shave biex tipproteġi u tiffriska l-ġilda tiegħek.
[Nota taʼ taħt]
b Dan l-artiklu jiddiskuti t-tqaxxir tal-leħja għall-irġiel. F’ħafna pajjiżi n-nisa wkoll iqaxxru xi partijiet minn ġisimhom, u b’hekk huma wkoll jistgħu jsibu t’għajnuna xi ftit mill-punti li jissemmew.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 24]
X’Inhi l-Leħja?
Il-leħja hija s-suf li jikber fuq il-wiċċ. Hija magħmula mill-keratina u proteini relatati. Il-keratina hija proteina li fiha l-kubrit u l-fibra, li jagħmilha l-ġisem tal-bniedem u taʼ l-annimal u li hija l-element bażiku tax-xagħar, id-dwiefer, ir-rix, il-qran, u d-dwiefer taʼ l-annimali. Mix-xagħar kollu taʼ fuq il-ġisem uman, is-suf tal-leħja huwa fost l-iktar elastiku u b’saħħtu, billi huwa iebes biex taqtgħu daqs wajer tar-ram taʼ l-istess ħxuna. Hemm daqs 25,000 sufa fuq wiċċ raġel kwalunkwe, u dawn jikbru b’rata taʼ madwar nofs millimetru kull 24 siegħa.
[Sors]
L-irġiel: A Pictorial Archive from Nineteenth-Century Sources/Dover Publications, Inc.
[Stampi f’paġna 24]
It-tqaxxir tal-leħja fl-istorja kien daqqa moda u daqqa le
Eġizzjana
Assirjana
Rumana
[Sorsi]
Museo Egizio di Torino
Ritratti meħudin bil-korteżija tal-British Museum