Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi)
17 Wieħed mis-sebaʼ anġli li kellhom is-sebaʼ skutelli ġie ħdejja u qalli: “Ejja ħa nurik il-ġudizzju li se jsir fuq il-prostituta l-kbira li toqgħod bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet. 2 Ir-rejiet tal-art għamlu l-immoralità sesswali magħha, u n-nies sikru bl-inbid tagħha, li jirrappreżenta l-immoralità sesswali* tagħha.”
3 Hu uża l-qawwa tal-ispirtu qaddis biex jiħodni fid-deżert. Jien rajt mara bilqiegħda fuq bhima salvaġġa li l-kulur tagħha kien aħmar jgħajjat. Il-bhima kienet mimlija b’ismijiet li jidgħu* b’Alla u kellha sebat irjus u għaxart iqrun. 4 Il-mara kienet liebsa ħwejjeġ b’kulur vjola u aħmar jgħajjat, u deheb, ħaġar prezzjuż, u perli. F’idha kellha tazza tad-deheb mimlija b’affarijiet diżgustanti u b’affarijiet mhux nodfa tal-immoralità sesswali* tagħha. 5 Fuq moħħha kien hemm miktub isem misterjuż: “Babilonja l-Kbira, omm il-prostituti u l-affarijiet diżgustanti tal-art.” 6 Jien rajt li l-mara kienet fis-sakra bid-demm tal-qaddisin u tax-xhieda taʼ Ġesù.
Kif rajt dan bqajt imbellah ħafna. 7 Għalhekk, l-anġlu qalli: “Għala bqajt imbellah? Jien se ngħidlek il-misteru tal-mara u tal-bhima salvaġġa li qed iġġorrha, li għandha s-sebat irjus u l-għaxart iqrun: 8 Il-bhima salvaġġa li rajt kienet teżisti, imbagħad ma baqgħetx, imma daqt se titlaʼ mill-abbiss u tinqered. In-nies fuq l-art li isimhom ma kienx imniżżel fl-iskroll tal-ħajja mill-bidu tad-dinja,* se jibqgħu mistagħġbin meta jaraw kif il-bhima salvaġġa kienet teżisti, ma baqgħetx, u se terġaʼ tidher.
9 “Trid tkun għaref biex tifhem dan: Is-sebat irjus jirrappreżentaw sebaʼ muntanji, li fuqhom hemm il-mara bilqiegħda. 10 U hemm sebaʼ rejiet: ħamsa ma baqgħux, wieħed għadu, u l-ieħor għadu mhuwiex, imma meta jkun, se jibqaʼ għal ftit żmien. 11 Il-bhima salvaġġa li kienet teżisti u li m’għadhiex hi wkoll it-tmien re, imma din toħroġ mis-sebaʼ rejiet, u fl-aħħar mill-aħħar se tinqered.
12 “L-għaxart iqrun li int rajt jirrappreżentaw għaxar rejiet li għadhom ma ngħatawx saltna, imma se jingħataw awtorità bħala rejiet għal ftit żmien* mal-bhima salvaġġa. 13 Dawn għandhom l-istess ħsieb, għalhekk se jagħtu l-qawwa u l-awtorità tagħhom lill-bhima salvaġġa. 14 Dawn se jiġġieldu mal-Ħaruf, imma peress li hu s-Sid tas-sidien u r-Re tar-rejiet, il-Ħaruf se jirbħilhom. Anki l-imsejħin, il-magħżulin, u l-leali li hemm miegħu se jirbħulhom.”
15 L-anġlu qalli: “L-ilmijiet li rajt, li l-prostituta qiegħda bilqiegħda fuqhom, jirrappreżentaw in-nies, il-folol, il-ġnus, u l-lingwi.* 16 L-għaxart iqrun u l-bhima salvaġġa li rajt, se jobogħdu l-prostituta, jiħdulha kulma għandha, ineżżgħuha, jiklulha laħamha, u jaħarquha għalkollox bin-nar. 17 Għax Alla daħħlilhom f’moħħhom biex jagħmlu dak li jrid hu, jiġifieri li jagħmlu skont l-istess ħsieb li kellhom, billi jagħtu s-saltna tagħhom lill-bhima salvaġġa, sakemm jiġri dak li qal Alla. 18 U l-mara li rajt int tirrappreżenta l-belt il-kbira li tmexxi fuq ir-rejiet tal-art.”