Isaija
2 Jien, Isaija t-tifel t’Għamoż, rajt dan dwar Ġuda u Ġerusalemm:
Il-muntanja li fiha hemm id-dar taʼ Ġeħova
Se tkun stabbilita fis-sod u iktar għolja mill-muntanji l-oħrajn.
Din se titgħolla ’l fuq mill-għoljiet
U se jmorru jiġru lejha l-popli kollha.
3 Ħafna nies se jiġu u jgħidu:
“Ejja nitilgħu fuq il-muntanja taʼ Ġeħova,
Lejn id-dar tal-Alla taʼ Ġakobb.
Hu se jgħallimna dwar it-triqat tiegħu,
U aħna se ngħixu skont kif irid hu.”
Għax il-liġi* se toħroġ minn Sijon
U l-kelma taʼ Ġeħova minn Ġerusalemm.
4 Alla se jagħmel ġudizzju fost il-popli
U se jirranġa l-affarijiet għall-benefiċċju taʼ ħafna nies.
Huma se jbiddlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet
U l-lanez tagħhom fi mqassijiet taż-żabra.
Poplu mhux se jiġġieled bix-xabla kontra poplu ieħor
U lanqas se jitgħallem iktar jiggwerra.
5 Dar taʼ Ġakobb,
Ejja ħa nimxu fid-dawl taʼ Ġeħova.
6 Għax int tlaqt lill-poplu tiegħek, jiġifieri d-dar taʼ Ġakobb,
Għax huma mtlew bl-affarijiet li ġejjin mil-Lvant;
Huma jipprattikaw il-maġija bħall-Filistin
U fosthom qed joqogħdu ħafna barranin.
7 Il-pajjiż tagħhom hu mimli bil-fidda u d-deheb
U t-teżori tagħhom ma jingħaddux.
Il-pajjiż tagħhom hu mimli biż-żwiemel
U l-karrijiet tagħhom ma jingħaddux.
8 Il-pajjiż tagħhom hu mimli b’allat li ma jiswew għal xejn.
Huma jmilu quddiem dak li għamlu huma,
Quddiem dak li għamlu b’idejhom stess.
9 Għalhekk, il-bnedmin jitbaxxew, jiġu umiljati,
U int ma tistax taħfrilhom.
11 Il-kburin se jkollhom ibaxxu rashom,
U l-arroganti se jiġu umiljati.
Ġeħova biss se jiġi mfaħħar dakinhar.
12 Għax dan hu l-jum taʼ Ġeħova tal-armati.
Għax dakinhar se jikkastiga lil kull min hu kburi u supperv,
Lil kulħadd, kemm jekk huma importanti u kemm jekk mhumiex,
13 U se jikkastiga lis-siġar kollha taċ-ċedri tal-Libanu li huma għoljin u kbar
U lis-siġar kollha tal-balluta tal-Basan,
14 Lill-muntanji għoljin kollha
U l-għoljiet kollha li huma fl-għoli,
15 Lil kull torri għoli u sur iffortifikat,
16 U lill-vapuri kollha taʼ Tarsis
U lid-dgħajjes sbieħ kollha.
17 Il-kburin se jkollhom ibaxxu rashom,
U l-arroganti se jiġu umiljati.
Ġeħova biss se jiġi mfaħħar dakinhar.
18 L-allat li ma jiswew għal xejn se jispiċċaw għalkollox.
19 Meta Ġeħova jriegħed l-art u jġiegħel lin-nies jitwerwru,
In-nies se jidħlu fl-għerien tal-blat
U fil-ħofor fl-art,
Minħabba r-rabja tal-biżaʼ tiegħu
U l-kobor u l-glorja tiegħu.
20 Dakinhar, in-nies se jaqbdu l-allat tagħhom tad-deheb u l-fidda li ma jiswew għal xejn,
Li kienu għamlu għalihom infushom biex imilu quddiemhom,
U jitfgħuhom lill-ġrieden u lill-friefet il-lejl,
21 Sabiex in-nies jidħlu fil-ħofor tal-blat
U fix-xquq tal-irdum.
Huma se jagħmlu hekk meta Ġeħova jriegħed l-art u jġegħelhom jitwerwru
Minħabba r-rabja tal-biżaʼ tiegħu
U l-kobor u l-glorja tiegħu.
22 Għall-ġid tagħkom stess, tibqgħux tafdaw f’sempliċi bniedem,
Li jrid jieħu n-nifs biex jibqaʼ ħaj.*
Għala għandkom tagħtu kasu?