L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
18 Wara xi żmien, fit-tielet sena, Ġeħova qal lil Elija: “Mur għand Aħab, u jien nibgħat ix-xita.” 2 Għalhekk, Elija mar għand Aħab waqt li fis-Samarija kien hemm ġuħ kbir.
3 Sadanittant, Aħab għajjat lil Għobadija. Dan kien jiħodlu ħsieb il-palazz. (Issa Għobadija kien jirrispetta ħafna lil* Ġeħova, 4 u meta Ġeżabel kienet qed toqtol il-profeti taʼ Ġeħova, Għobadija ħa 100 profeta u ħbiehom fl-għerien f’żewġ gruppi taʼ 50, u pprovdielhom ħobż u ilma.) 5 Imbagħad Aħab qal lil Għobadija: “Dur mal-pajjiż u mur ħdejn kull għajn tal-ilma u wied. Forsi nsibu biżżejjed ħaxix biex inżommu ż-żwiemel u l-bgħula ħajjin ħalli ma jmutux l-annimali kollha.” 6 Għalhekk, qasmu bejniethom l-art li kienu se jgħaddu minnha. Aħab mar minn triq u Għobadija mar minn oħra.
7 Waqt li Għobadija kien fi triqtu, Elija mar jiltaqaʼ miegħu. Hu mill-ewwel għarfu u nxteħet wiċċu fl-art u qallu: “Dan int sidi Elija?” 8 Hu wieġbu: “Iva, jien hu. Mur u għid lil sidek li jien qiegħed hawn.” 9 Imma hu qallu: “Xi dnub għamilt biex tagħtini f’id Aħab ħalli joqtolni? 10 Naħlef bl-Alla tiegħek Ġeħova, l-Alla l-ħaj, li m’hemmx poplu jew saltna li sidi ma bagħatx ifittxek fiha. U wara li qalulu li ma sabukx, hu ġiegħel lis-saltna u l-poplu jaħilfu li ma setgħux isibuk. 11 Issa qed tgħidli biex immur u ngħid lil sidi li int qiegħed hawn? 12 Meta nitlaq minn ħdejk, l-ispirtu taʼ Ġeħova jieħdok f’post li jien ma nafx bih u meta ngħid lil Aħab u ma jsibekx, żgur joqtolni. Madankollu, jien ilni nirrispetta ħafna lil* Ġeħova mindu kont żgħir. 13 Ma qalulekx sidi x’għamilt meta Ġeżabel kienet qed toqtol il-profeti taʼ Ġeħova? Jien ħbejt 100 profeta taʼ Ġeħova, 50 f’kull għar, u bqajt nipprovdilhom ħobż u ilma. 14 Imma issa jekk nagħmel bħalma għedtli u mmur ngħid lil sidi li int qiegħed hawn, hu żgur joqtolni.” 15 Madankollu Elija qallu: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj tal-armati, il-wieħed li naqdi,* li llum se nidher quddiem ir-re.”
16 Għalhekk, Għobadija mar jgħid lil Aħab u dan mar jiltaqaʼ m’Elija.
17 Malli Aħab ra lil Elija qallu: “Hawn hu, il-wieħed li ġab dan l-inkwiet kbir fuq Iżrael!”*
18 Għal dan wieġbu: “Mhux jien ġibt l-inkwiet fuq Iżrael, imma int u dar missierek, billi tlaqtu l-kmandamenti taʼ Ġeħova u mortu wara l-Bagħalim. 19 U issa iġbor lil Iżrael kollu quddiemi fuq il-Muntanja Karmel flimkien mal-450 profeta taʼ Bagħal u l-400 profeta tal-arblu sagru,* li jieklu mal-mejda taʼ Ġeżabel.” 20 Għalhekk, Aħab bagħat jgħid lill-poplu t’Iżrael kollu u ġabar flimkien il-profeti fuq il-Muntanja Karmel.
21 Imbagħad Elija resaq lejn in-nies kollha u qal: “Kemm se ddumu bejn ħaltejn?* Jekk Ġeħova hu l-Alla l-veru, morru warajh; imma jekk hu Bagħal, morru warajh.” Imma n-nies ma wiġbuhx. 22 Imbagħad Elija qalilhom: “Jien l-uniku profeta taʼ Ġeħova li baqaʼ, waqt li hemm 450 profeta taʼ Bagħal. 23 Ħa ningħataw żewġ barrin żgħar,* u ħa jagħżlu barri minnhom, iqattgħuh biċċiet, u jqegħduh fuq il-ħatab, imma ma jagħtuhx in-nar. Jien nipprepara l-barri l-ieħor u nqiegħdu fuq il-ħatab, imma ma nagħtihx in-nar. 24 Imbagħad intom għajtu lill-alla tagħkom, u jien ngħajjat lil Ġeħova. L-Alla li jwieġeb billi jibgħat in-nar juri li hu l-Alla l-veru.” Għal dan il-poplu kollu wieġeb: “Tajjeb.”
25 Wara, Elija qal lill-profeti taʼ Bagħal: “Agħżlu barri żgħir u ppreparawh intom l-ewwel, għax intom qegħdin fil-maġġuranza. Imbagħad għajtu l-alla tagħkom, imma tagħtux in-nar lis-sagrifiċċju.” 26 Għalhekk, ħadu l-barri ż-żgħir li għażlu, ippreparawh, u baqgħu jgħajtu lil Bagħal minn filgħodu sa nofsinhar, u jgħidu: “Bagħal wiġibna!” Imma ma nstemaʼ l-ebda leħen u ħadd ma wiġibhom. Huma baqgħu jaqbżu madwar l-artal li kienu għamlu. 27 Għall-ħabta taʼ nofsinhar, Elija beda jidħaq bihom u jgħid: “Għajtu kemm tifilħu għax intom għedtu li hu alla! Forsi mitluf fi ħsibijietu jew mar jaqdi bżonnijietu.* Jew forsi hu rieqed u hemm bżonn li xi ħadd iqajmu!” 28 Huma għajtulu kemm felħu u qattgħu ġisimhom stess bl-istalletti u l-lanez, skont id-drawwa tagħhom, sakemm imtlew bid-demm. 29 Qabeż nofsinhar u huma komplew jaġixxu b’mod stramb* sal-ħin li tiġi ppreżentata l-offerta taċ-ċereali* ta’ filgħaxija, imma ma nstemaʼ l-ebda leħen u ħadd ma wiġibhom. Ħadd ma kien qed jagħti kashom.
30 Fl-aħħar, Elija qal lin-nies kollha: “Ersqu lejja.” U n-nies kollha resqu lejh. Imbagħad sewwa l-artal taʼ Ġeħova li kien tkisser. 31 Wara ħa 12-il ġebla, li jirrappreżentaw it-tribujiet tat-tfal taʼ Ġakobb, li lilu Ġeħova kien qallu: “Ismek isir Iżrael.” 32 Bil-ġebel bena artal f’isem Ġeħova. Imbagħad għamel gandott madwar l-artal kollu, bejn wieħed u ieħor daqs l-art li tinżeraʼ b’żewġ seat* żerriegħa. 33 Wara, poġġa l-ħatab f’ordni, qattaʼ l-barri ż-żgħir, u qiegħdu fuq il-ħatab. U qal: “Imlew erbaʼ ġarar kbar bl-ilma u ferrgħuh fuq l-offerta tal-ħruq u fuq il-ħatab.” 34 Imbagħad qal: “Erġgħu agħmlu hekk.” U hekk għamlu. Għal darb’oħra qal: “Agħmlu hekk għat-tielet darba.” Allura, reġgħu għamlu hekk. 35 U l-ilma nfirex madwar l-artal kollu, u hu mela l-gandott bl-ilma wkoll.
36 Fil-ħin li tiġi ppreżentata l-offerta taċ-ċereali, il-profeta Elija resaq lejn l-artal u qal: “Ġeħova, l-Alla t’Abraham, Iżakk, u Iżrael, ħalli lil kulħadd isir jaf illum li int Alla f’Iżrael u li jien il-qaddej tiegħek u li dawn l-affarijiet kollha għamilthom skont kelmtek. 37 Wiġibni Ġeħova! Wiġibni ħalli dawn in-nies ikunu jafu li int, Ġeħova, int l-Alla l-veru u li qed tgħinhom jiġu lura għandek.”*
38 Għal dan, in-nar taʼ Ġeħova niżel mis-sema u ħaraq l-offerta tal-ħruq, il-ħatab, il-ġebel, u t-trab, u nixxef l-ilma tal-gandott. 39 Malli n-nies kollha raw dan, inxteħtu wiċċhom fl-art u qalu: “Ġeħova hu l-Alla l-veru! Ġeħova hu l-Alla l-veru!” 40 Imbagħad Elija qalilhom: “Aqbdu l-profeti taʼ Bagħal! Tħallu lil ħadd minnhom jaħrab!” Huma qabduhom mill-ewwel, u Elija niżżilhom fil-wied taʼ Kison u qatilhom.
41 Imbagħad Elija qal lil Aħab: “Itlaʼ, kul u ixrob, għax jinstemaʼ l-ħoss taʼ xita bil-qliel.” 42 Għalhekk Aħab telaʼ jiekol u jixrob, filwaqt li Elija telaʼ fuq il-quċċata tal-Karmel u niżel mal-art b’wiċċu bejn irkopptejh. 43 Imbagħad qal lill-qaddej tiegħu: “Jekk jogħġbok, itlaʼ u ħares lejn il-baħar.” Għalhekk, telaʼ jara u qal: “M’hemm xejn.” Elija qallu jagħmel dan sebaʼ darbiet. 44 Mas-sebaʼ darba, il-qaddej tiegħu qal: “Ara! Hemm sħaba żgħira daqs il-pala taʼ id tielgħa mill-baħar.” U Elija qallu: “Mur għid lil Aħab, ‘Arma l-karru! U inżel ħalli ma tinqabadx fix-xita!’” 45 Sadanittant is-sema ddallmet bis-sħab, qam ir-riħ, u bdiet nieżla xita bil-qliel. U Aħab baqaʼ għaddej fi triqtu lejn Ġeżragħel. 46 Imma Ġeħova ta s-saħħa lil Elija, u hu xammar il-libsa u ġera qabel Aħab it-triq kollha sa Ġeżragħel.