Isaija
23 Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra Tir:
Ibku rġiel li taħdmu fuq il-vapuri taʼ Tarsis!
Għax il-port tkisser u ma tistgħux tidħlu fih.
Saru jafu b’dan mill-art taʼ Kittim.
2 Oqogħdu kwieti, intom li tgħixu fl-art taʼ mal-baħar.
In-negozjanti taʼ Sidon li jaqsmu l-baħar għamlukom sinjuri.
Tir u l-popli qalgħu l-flus minn dan.
4 Missek tistħi Sidon, fortizza ħdejn il-baħar,
Għax il-baħar qal:
“Ma kellix uġigħ tal-ħlas, u ma wellidtx,
Jien lanqas ma rabbejt ġuvintur jew tfajliet.”
5 Bħalma n-nies kellhom uġigħ kbir meta semgħu dwar l-Eġittu,
Hekk se jħossuhom meta jisimgħu dwar Tir.
6 Aqsmu lejn Tarsis!
Ibku, nies li toqogħdu fl-art taʼ mal-baħar!
7 Hi din il-belt tagħkom li ilha ferriħija minn żmien twil ilu?
In-nies tagħha ssetiljaw f’pajjiżi ’l bogħod.
8 Min iddeċieda dan kontra Tir,
Li kienet tinkariga l-mexxejja,
Li l-merkanti tagħha kienu prinċpijiet,
U li n-negozjanti tagħha kienu stmati mal-art kollha?
9 Ġeħova tal-armati stess iddeċieda dan,
Biex ma jħallihiex tkompli titkabbar minħabba s-sbuħija tagħha,
U biex jumilja lil dawk kollha li ġew onorati fid-dinja.
10 Nies taʼ Tarsis, infirxu mal-pajjiż bħax-Xmara Nil.
M’għadx hemm post għall-vapuri.*
11 Alla uża l-qawwa tiegħu fuq il-baħar;
Hu riegħed is-saltniet.
Ġeħova kkmanda li jinqerdu għalkollox il-fortizzi tal-Feniċja.
Qumu, morru l-Kittim.
Lanqas hemm mhu se ssibu l-paċi.”
13 Ħarsu lejn l-art tal-Kaldin.
Kienu l-Kaldin u mhux l-Assirjani
Li għamluha post fejn jgħixu l-annimali slavaġ tad-deżert.
Huma ramaw it-torrijiet tagħhom biex jattakkaw;
Huma waqqgħu għalkollox it-torrijiet b’saħħithom tagħha
U ġabuha fix-xejn.
14 Ibku rġiel li taħdmu fuq il-vapuri taʼ Tarsis,
Għax il-fortizza tagħkom inqerdet.
15 Dakinhar Tir se tiġi minsija għal 70 sena, daqs kemm jgħix re. Fit-tmiem tas-70 sena, Tir se jiġrilha bħalma hemm fl-għanja tal-prostituta:
16 “Prostituta minsija, aqbad arpa u mur madwar il-belt.
Doqqha bis-sengħa;
Kanta ħafna għanjiet
Ħalli jiftakruk.”
17 Meta jispiċċaw is-70 sena, Ġeħova se jiftakar f’Tir. Hi se terġaʼ tibda titħallas u tipprostitwixxi ruħha mas-saltniet kollha tad-dinja. 18 Imma l-qligħ u l-ħlas tagħha se jsiru xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. Hi la se taħżen u lanqas tfaddal, għax il-ħlas se jmur għan-nies taʼ Ġeħova biex huma jieklu sa ma jixbgħu u jilbsu sabiħ.