Ġeremija
33 Waqt li kont għadni arrestat fil-Bitħa tal-Għassa, jien, Ġeremija, irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, u qalli: 2 “Ġeħova, Dak li Għamel l-art, Ġeħova, il-wieħed li ħalaqha u stabbilieha fis-sod, li ismu hu Ġeħova, jgħid hekk, 3 ‘Għajjatli, u jien inwieġbek u nkun lest li ngħidlek affarijiet kbar li ħadd ma jifhimhom u li int ma tafhomx.’”
4 “Jien, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ngħid hekk dwar id-djar taʼ din il-belt u d-djar tar-rejiet taʼ Ġuda, li waqqgħuhom biex jipproteġu lilhom infushom mir-rampi tal-assedju u mix-xabla, 5 u dwar dawk li qed jiġu biex jiġġieldu kontra l-Kaldin u li mlew dawn il-postijiet bl-iġsma li jien qtilt meta kont irrabjat u inkorlat, dawk kollha li minħabba l-ħażen tagħhom ġegħluni naħbi wiċċi minn din il-belt: 6 ‘Jien se ntejjeb il-kundizzjonijiet taʼ din il-belt, se nfejjaq lill-poplu, nagħtihom ħafna paċi, u nurihom il-verità. 7 U se nġib lura l-ilsiera taʼ Ġuda u t’Iżrael, u se nagħmilhom poplu bħalma għamilt fil-bidu. 8 Jien se naħfrilhom id-dnubiet u n-nuqqasijiet kollha li għamlu kontrija, ħalli huma jkunu nodfa u ma jibqgħux ħatjin. 9 L-isem taʼ din il-belt se jġibli ferħ kbir. Din se ġġibli tifħir u unur quddiem in-nies kollha tal-art li se jisimgħu dwar il-qalb tajba li wrejt mal-poplu tiegħi. U n-nies kollha se jibżgħu u jitwerwru minħabba l-affarijiet tajbin u l-paċi li se nagħtiha.’”
10 “Ġeħova hekk jgħid: ‘F’dan il-post li intom tgħidu li hu ħerba, li la bniedem u lanqas annimal ma jgħix fih, u fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm li huma abbandunati, mingħajr nies u annimali, se jinstemaʼ 11 l-ħoss taʼ ferħ kbir u tal-kuntentizza, il-leħen tal-għarus u l-għarusa, u l-leħen taʼ dawk li jgħidu: “Irringrazzjaw lil Ġeħova tal-armati, għax Ġeħova hu tajjeb; l-imħabba u l-lealtà* tiegħu jibqgħu għal dejjem!”’
“‘Huma se jġibu offerta taʼ ringrazzjament fid-dar tiegħi, Ġeħova, għax jien se nġib lura l-ilsiera tal-art bħalma għamilt fil-bidu,’ jgħid Ġeħova.”
12 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, ‘F’din l-art li hi ħerba, li la bniedem u lanqas annimal ma jgħix fiha, u fil-bliet kollha tagħha se jerġaʼ jkun hemm art tajba fejn ir-ragħajja jieħdu l-merħliet tagħhom biex jistrieħu.’
13 “‘Fil-bliet tar-reġjun muntanjuż, fil-bliet tal-għoljiet, fil-bliet tan-Nofsinhar, fl-art taʼ Benjamin, fl-inħawi taʼ madwar Ġerusalemm, u fil-bliet taʼ Ġuda, ir-ragħajja se jerġgħu jgħoddu n-nagħaġ tagħhom,’ jgħid Ġeħova.”
14 “‘Ġej żmien, meta se nagħmel it-tajjeb li għedt dwar il-poplu t’Iżrael u l-poplu taʼ Ġuda,’ jgħid Ġeħova. 15 F’dak iż-żmien, se npoġġi fuq it-tron dixxendent ġust* għal David, u hu se jagħmel il-ġustizzja u s-sewwa fil-pajjiż. 16 F’dak iż-żmien, Ġuda se jiġi salvat u Ġerusalemm se tgħix fis-sigurtà. Hi se tissejjaħ: Ġeħova Hu s-Sewwa Tagħna.’”
17 “Għax hekk jgħid Ġeħova, ‘Dejjem se jkun hemm raġel li jiġi mil-linja taʼ David li se jpoġġi fuq it-tron t’Iżrael. 18 Ukoll, dejjem se jkun hemm qassis mil-Leviti li se jaqdi quddiemi u joffri offerti sħaħ tal-ħruq, jaħraq l-offerti taċ-ċereali,* u joffri sagrifiċċji.’”
19 U jien, Ġeremija, erġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova u qalli: 20 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Bħalma intom ma tistgħux tiksru l-patt li jien għamilt mal-ġurnata u l-lejl biex dawn ma jiġux fil-ħin tagħhom, 21 lanqas ma jistaʼ jinkiser il-patt li għamilt mal-qaddej tiegħi David li dejjem se jkun hemm wieħed mit-tfal tiegħu jmexxi bħala re fuq it-tron tiegħu, u lanqas ma jistaʼ jinkiser il-patt li għamilt mal-qassisin Leviti, li huma l-qaddejja tiegħi. 22 Bħalma ma tistgħux tgħoddu l-istilel* tas-sema u ma tistgħux tkejlu r-ramel tal-baħar, jien hekk se nżid id-dixxendenti tal-qaddej* tiegħi David u l-Leviti li qed jaqduni.’”
23 Jien, Ġeremija, erġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, u qalli: 24 “Ma nnotajtx li dawn in-nies qed jgħidu ‘Ġeħova se jabbanduna lil dawn iż-żewġ familji li hu għażel’? Huma qed jittrattaw lin-nies tiegħi b’diżrispett u m’għadhomx iqisuhom bħala poplu.
25 “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Bħalma jien ma niksirx il-patt li għamilt mal-ġurnata u l-lejl, il-liġijiet tas-sema u l-art, 26 jien mhux se nabbanduna d-dixxendenti taʼ* Ġakobb u tal-qaddej tiegħi David, u se nieħu mil-linja taʼ David mexxejja fuq id-dixxendenti t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Għax jien se niġbor lill-ilsiera tagħhom u nitħassarhom.’”