Ġeremija
34 Meta r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, l-armata kollha tiegħu, is-saltniet kollha tal-art, u n-nies kollha li qegħdin taħtu kienu qed jiġġieldu kontra Ġerusalemm u l-bliet tagħha, jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova:
2 “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ‘Mur għid lir-Re Sedekija taʼ Ġuda: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Qed nagħti din il-belt f’idejn ir-re taʼ Babilonja, u hu se jaħraqha. 3 Int mhux se taħrab minnu, għax żgur se tinqabad u tingħata f’idejh. Int se tara lir-re taʼ Babilonja wiċċ imb wiċċ, hu stess se jkellmek, u se tmur Babilonja.’ 4 Imma ismaʼ x’se jgħidlek Ġeħova, Re Sedekija taʼ Ġuda, ‘Hekk jgħid Ġeħova dwarek: “Int mhux se tmut bix-xabla. 5 Int se tmut fil-paċi, u se jaħarqu l-inċens bħala ċerimonja għalik bħalma għamlu għal missirijietek, ir-rejiet li kien hemm qablek, u huma se jibkuk u jgħajtu, ‘Jaħasra sidi!’ għax jien, Ġeħova, għedt hekk.’”’”’”
6 Imbagħad jien, il-profeta Ġeremija, għedt dan kollu lir-Re Sedekija taʼ Ġuda f’Ġerusalemm 7 meta l-armati tar-re taʼ Babilonja kienu qed jiġġieldu kontra Ġerusalemm u l-bliet kollha taʼ Ġuda li kien għad baqaʼ, jiġifieri Lakis u Għażeka, għax huma kienu l-aħħar żewġt ibliet iffortifikati mill-bliet taʼ Ġuda.
8 Ġeħova reġaʼ kellimni wara li r-Re Sedekija għamel patt mal-poplu kollu taʼ Ġerusalemm biex jeħilsu lill-ilsiera. 9 Kulħadd kellu jeħles lill-ilsiera Lhud, kemm raġel u kemm mara, ħalli ħadd ma jżomm lil xi ħadd Lhudi bħala lsir. 10 Allura l-mexxejja kollha u n-nies kollha obdew. Huma daħlu fil-patt li kulħadd għandu jeħles lill-ilsir u l-ilsira tiegħu u li ma jżommhomx iktar bħala lsiera. Huma obdew u ħallewhom jitilqu. 11 Imma iktar tard reġgħu ġabu lill-ilsiera rġiel u nisa li kienu ħelsu, u reġgħu ġegħluhom ikunu l-ilsiera tagħhom. 12 Għalhekk, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, u Ġeħova qalli:
13 “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien għamilt patt maʼ missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art tal-Eġittu, fejn kienu lsiera, u għedtilhom: 14 “Fis-sebaʼ sena, kull wieħed minnkom għandu jeħles lil ħuh Lhudi li jkun xtara u qdieh għal sitt snin; lil dan għandu jeħilsu.” Imma missirijietkom la semgħu minni u lanqas taw kasi.* 15 U dan l-aħħar,* intom stess biddiltu kif iġġibu ruħkom u għamiltu dak li hu tajjeb f’għajnejja billi ħlistu lil sħabkom u għamiltu patt quddiemi fid-dar li tissejjaħ b’ismi. 16 Imma mbagħad reġaʼ bdielkom u ddiżonorajtu lil ismi billi ġibtu lura lill-ilsiera rġiel u nisa li kontu ħlistu skont ix-xewqa tagħhom u ġegħeltuhom jerġgħu jkunu lsiera.’
17 “Allura, hekk jgħid Ġeħova: ‘Kull wieħed minnkom m’obdiex meta kellu jeħles lil ħuh u lil sieħbu.’ Ġeħova jgħid: ‘Allura lanqas jien mhu se neħliskom mix-xabla, mill-mard,* u mill-ġuħ. Jien se nġiegħel lis-saltniet kollha tal-art jitwerwru minħabba dak li se jiġrilkom. 18 Hekk se jiġri lil dawk li kisru l-patt tiegħi billi ma żammewx mal-patt li għamlu quddiemi meta qasmu l-barri żgħir* fi tnejn u għaddew minn bejn iż-żewġ biċċiet, 19 jiġifieri l-mexxejja taʼ Ġuda, il-mexxejja taʼ Ġerusalemm, l-uffiċjali tal-palazz, il-qassisin, u n-nies kollha tal-pajjiż li għaddew minn bejn iż-żewġ biċċiet tal-barri żgħir:* 20 Jien se nagħtihom f’idejn l-għedewwa tagħhom u dawk li qed jipprovaw joqtluhom, u l-ġisem mejjet tagħhom se jsir ikel għall-għasafar u l-annimali. 21 U jien se nagħti lir-Re Sedekija taʼ Ġuda u l-mexxejja tiegħu f’idejn l-għedewwa tagħhom, dawk li qed jipprovaw joqtluhom, u l-armati tar-re taʼ Babilonja, li qed jieqfu jassedjawkom.’
22 “Ġeħova jgħid: ‘Jien se noħroġ il-kmand, se nġibhom lura f’din il-belt, se jiġġieldu kontriha, jiħduha f’idejhom, u jaħarquha. Il-bliet taʼ Ġuda se nagħmilhom art abbandunata u ħadd ma jgħix fihom.’”