Ġeremija
26 Meta beda jmexxi r-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda bin Ġosija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Mur u oqgħod fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova u kellem lin-nies* kollha tal-bliet taʼ Ġuda li qed jiġu biex jagħtu qima* fid-dar taʼ Ġeħova. Għidilhom kulma qed nikkmandak, sal-inqas kelma. 3 Forsi huma jisimgħu u kull wieħed ma jibqax jagħmel dak li hu ħażin, u jien inbiddel fehmti* dwar id-diżastru li għandi l-ħsieb li nġib fuqhom minħabba l-affarijiet ħżiena li qed jagħmlu. 4 Għidilhom: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Jekk ma tisimgħux minni billi ma tobdux il-liġi* li tajtkom 5 u billi ma tobdux dak li jgħidu l-qaddejja tiegħi l-profeti, li bgħattilkom għal darba wara l-oħra u li intom ma tajtux kashom, 6 imbagħad lil din id-dar nagħmilha bħal Silo, u lil din il-belt bħal xi ħaġa li l-popli kollha tal-art jisħtuha.’”’”
7 Il-qassisin, il-profeti, u n-nies kollha semgħu lili, Ġeremija, ngħid dan il-kliem fid-dar taʼ Ġeħova. 8 Meta għedtilhom dak kollu li Ġeħova kien ikkmandani ngħid lin-nies kollha, imbagħad il-qassisin, il-profeti, u n-nies kollha ħatfuni u qaluli: “Int ħaqqek tmut. 9 Għala pprofetizzajt f’isem Ġeħova u għedt, ‘Din id-dar se ssir bħal Silo, u din il-belt se ssir ħerba u ħadd ma jibqaʼ jgħix fiha’?” U n-nies kollha nġabru madwari fid-dar taʼ Ġeħova.
10 Meta l-kapijiet taʼ Ġuda semgħu dan il-kliem, huma ġew mill-palazz tar-re lejn id-dar taʼ Ġeħova u qagħdu bilqiegħda fid-daħla tal-bieb il-ġdid tad-dar taʼ Ġeħova. 11 Il-qassisin u l-profeti qalu lill-kapijiet u lin-nies kollha: “Dan ir-raġel ħaqqu jiġi maqtul, għax hu pprofetizza kontra din il-belt bħalma smajtuh intom stess.”
12 Imbagħad jien, Ġeremija, għedt lill-kapijiet u lin-nies kollha: “Kien Ġeħova li bagħatni nipprofetizza dak kollu li għadkom kif smajtu kontra din id-dar u din il-belt. 13 Allura issa rranġaw il-mod kif tgħixu, kif iġġibu ruħkom, u obdu dak li jgħid Ġeħova l-Alla tagħkom, u Ġeħova jbiddel fehmtu* dwar id-diżastru li tkellem kontrikom. 14 Imma jien f’idejkom. Agħmlu bija dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejkom. 15 Biss kunu afu li jekk toqtluni, intom, din il-belt, u n-nies tagħha se tkunu ħatja li qtiltu bniedem innoċenti, għax jien veru Ġeħova bagħatni biex ngħidilkom dan kollu.”
16 Imbagħad il-kapijiet u n-nies kollha qalu lill-qassisin u lill-profeti: “Dan ir-raġel ma ħaqqux jinqatel, għax hu kellimna f’isem Ġeħova l-Alla tagħna.”
17 Iktar minn hekk, xi anzjani* tal-pajjiż qamu u bdew jgħidu lill-kongregazzjoni kollha tal-poplu: 18 “Fi żmien ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda kien hemm Mikea minn Moreset li kien qed jipprofetizza u qal lin-nies kollha taʼ Ġuda, ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati:
“Sijon se tiġi maħruta bħal għalqa,
Ġerusalemm se ssir ħerba sħiħa,
U l-muntanja tat-tempju se ssir bħal għolja mimlija siġar.”’
19 Ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda u n-nies taʼ Ġuda kollha ma qatluhx, imma r-re rrispetta lil* Ġeħova u talab bil-ħniena lil Ġeħova biex iħenn għalih. B’hekk, Ġeħova biddel fehmtu* dwar id-diżastru li kien tkellem kontrihom. Allura, issa aħna se nġibu diżastru fuqna nfusna.*
20 “U kien hemm raġel ieħor li kien jipprofetizza f’isem Ġeħova, Urijah bin Semajja minn Kirjat-ġegħarim. Hu pprofetizza kontra din il-belt u dan il-pajjiż bi kliem simili taʼ Ġeremija. 21 Ir-Re Ġeħojakim, l-irġiel b’saħħithom kollha tiegħu, u l-kapijiet kollha semgħu dak li qal, u r-re pprova joqtlu. Malli Urijah sar jaf b’dan, hu beżaʼ u ħarab lejn l-Eġittu. 22 Imbagħad ir-Re Ġeħojakim bagħat l-Eġittu lil Elnatan bin Għakbor flimkien maʼ xi rġiel oħrajn. 23 Huma ġabu lil Urijah mill-Eġittu u ħaduh għand ir-Re Ġeħojakim li qatlu bix-xabla u tefaʼ l-ġisem mejjet tiegħu fejn jindifnu n-nies komuni.”
24 Imma Aħikam bin Safan qabeż għalija ħalli ma ningħatax f’idejn in-nies u joqtluni.