It-Tieni Ittra lill-Korintin
7 Għalhekk maħbubin, la għandna dawn il-wegħdi ħa nitnaddfu minn kulma jniġġes il-ġisem u l-ispirtu, biex b’hekk insiru iktar qaddisin hekk kif nirrispettaw ħafna lil* Alla.
2 Uru li tħobbuna.* Aħna m’għamilna ħsara lil ħadd, ma qarraqna b’ħadd, u ma pprofittajna ruħna minn ħadd. 3 Mhux qed ngħid dan biex nikkundannakom. Għax qabel għedt li la l-mewt u lanqas il-ħajja mhu se jibdlu l-fatt li nħobbukom. 4 Jien nitkellem magħkom b’libertà kbira u nħossni kburi ħafna bikom. Jien ġejt inkuraġġit ħafna, u minkejja li qegħdin inbatu, jien ferħan ħafna.
5 Fil-fatt, meta wasalna l-Maċedonja, ma sibniex mistrieħ, imma bqajna nbatu b’kull mod, għax in-nies kienu qed jiħduha kontrina u wkoll konna inkwetati dwar il-kongregazzjonijiet. 6 Imma Alla, li jinkuraġġixxi* lil dawk taʼ qalbhom sewda, inkuraġġiena biż-żjara* taʼ Titu. 7 Apparti minn hekk, aħna ġejna inkuraġġiti wkoll bl-inkuraġġiment li rċieva hu minħabba fikom. Hu qalilna li xtaqtu tarawni, kemm kontu ddispjaċuti, u li ħsibtu fija.* Għalhekk jien fraħt iktar.
8 Għalhekk, anki jekk għamiltilkom id-dwejjaq bl-ittra tiegħi, ma jiddispjaċinix. Għall-ewwel jien kont imdejjaq minħabba dan, imma naf li intom kontu mdejqin għal ftit biss. 9 Issa qed nifraħ mhux għax kontu mdejqin, imma għax dan wassalkom biex tindmu. Għax intom kellkom tip taʼ dwejjaq li jogħġob lil Alla, għalhekk ma batejtux il-ħsara minħabba fina. 10 Dejjem se joħroġ il-ġid meta wieħed juri li hu mdejjaq b’mod li jogħġob lil Alla, għax dan iwasslu biex jindem u jsalva. Imma li wieħed juri li hu mdejjaq bħan-nies tad-dinja se jwasslu għall-mewt. 11 Jidher ċar li intom kontu mdejqin bil-mod li jogħġob lil Alla, u għalhekk għamiltu sforz kbir biex tagħmlu dak li hu tajjeb. Intom ħdimtu biex ikollkom reputazzjoni tajba, kontu ddiżappuntati bil-ħażin li għamiltu, irrispettajtu ħafna lil* Alla, ridtu tindmu, qdejtu lil Alla mill-qalb, u rranġajtu l-ħażen li għamiltu. Sar kollox kif suppost biex titranġa l-problema. 12 Jien ma ktibtilkomx għal min għamel il-ħażen u lanqas għal min bata minħabba l-ħażen taʼ ħaddieħor, imma biex turu lil xulxin u lil Alla li lesti li tobduna. 13 Hu għalhekk li ġejna inkuraġġiti.
Imma apparti l-inkuraġġiment, aħna fraħna ħafna iktar minħabba l-ferħ taʼ Titu, għax kollha kemm intom għentuh iħossu aħjar. 14 Jien ftaħart bikom miegħu u ma ġejtx iddiżappuntat. Bħalma l-affarijiet kollha li għednielkom kienu veri, anki dak li ftaħarna bih maʼ Titu hu veru. 15 Ukoll, hu sar iħobbkom ħafna iktar meta jiftakar kif kollha kemm intom obdejtu u kif ilqajtuh b’rispett kbir. 16 Jien nifraħ għax għandi fiduċja sħiħa fikom.*