It-Tieni Kronaki
35 Ġosija ċċelebra l-Qbiż lil Ġeħova f’Ġerusalemm, u huma qatlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż fl-14 tal-ewwel xahar. 2 Hu inkariga lill-qassisin bix-xogħol li kellhom jagħmlu u inkuraġġiehom jagħmlu s-servizz tagħhom fid-dar taʼ Ġeħova. 3 Imbagħad qal lil-Leviti, dawk li kienu jgħallmu lil Iżrael kollu u li kienu qaddisin għal Ġeħova: “Poġġu l-Arka qaddisa fid-dar li bena Salamun bin David ir-re t’Iżrael. M’għandkomx iġġorruha iktar fuq spallejkom. Issa aqdu lil Ġeħova l-Alla tagħkom u lill-poplu tiegħu Iżrael. 4 Ippreparaw għas-servizz skont il-familji tagħkom min-naħa tal-missier u l-gruppi tagħkom, billi tagħmlu skont dak li kiteb ir-Re David t’Iżrael u ibnu Salamun. 5 Oqogħdu fil-post qaddis fi gruppi skont il-familji taʼ ħutkom min-naħa tal-missier, il-bqija tal-poplu.* Għal kull wieħed minnhom għandu jkun hemm grupp tal-familja tal-Leviti min-naħa tal-missier. 6 Oqtlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż, tqaddsu, u lestu l-affarijiet għal ħutkom biex jagħmlu skont dak li Ġeħova qal permezz taʼ Mosè.”
7 Ġosija ta lill-poplu 30,000 ħaruf u gidi għas-sagrifiċċji tal-Qbiż għal dawk kollha li kienu hemm. Ta wkoll 3,000 baqra. Dawn kienu mill-ġid tar-re. 8 Anki l-uffiċjali tiegħu taw offerta volontarja lill-poplu, il-qassisin, u l-Leviti. Ħilkija, Żakkarija, u Ġeħijel, il-mexxejja tad-dar tal-Alla l-veru, taw lill-qassisin 2,600 ħaruf u gidi għas-sagrifiċċju tal-Qbiż u 300 baqra. 9 Konanija u ħutu Semajja u Netanel, flimkien maʼ Ħasabija, Ġegħijel, u Ġożabad, il-kapijiet tal-Leviti, taw 5,000 ħaruf u gidi għas-sagrifiċċju tal-Qbiż u 500 baqra lil-Leviti.
10 Meta ġew ippreparati l-affarijiet għall-festa, il-qassisin qagħdu fil-postijiet tagħhom u l-Leviti qagħdu skont it-taqsimiet tagħhom bħalma kien ikkmanda r-re. 11 Huma qatlu s-sagrifiċċji tal-Qbiż, u l-qassisin raxxew id-demm li ħadu mingħandhom, waqt li l-Leviti kienu qed iqaxxru l-annimali. 12 Wara, ippreparaw l-offerti tal-ħruq sabiex jagħtuhom lill-bqija tan-nies, li kienu fi gruppi skont dar il-missirijiet, biex b’hekk jippreżentawhom lil Ġeħova bħalma hemm miktub fil-ktieb taʼ Mosè. U għamlu l-istess bil-baqar. 13 Huma sajru* l-offerta tal-Qbiż fuq in-nar skont id-drawwa. Huma sajru l-offerti qaddisin fil-borom, fil-kaldaruni, u fit-taġnijiet. Imbagħad ħaduhom malajr għand il-bqija tal-poplu. 14 Wara dan, ippreparaw l-ikla għalihom u għall-qassisin, għaliex il-qassisin, li jiġu minn Aron, kienu qed joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq u l-biċċiet tax-xaħam sa ma dalam. Għalhekk il-Leviti ppreparaw l-ikla għalihom u għall-qassisin, li jiġu minn Aron.
15 U l-kantanti, it-tfal t’Asaf, kienu fuq xogħolhom bħalma kkmandaw David, Asaf, Ħeman, u Ġedutun il-profeta* tar-re. L-għassiesa kienu għassa mal-bibien kollha. Ma kellhomx bżonn jitilqu mis-servizz tagħhom, għax ħuthom il-Leviti ppreparawlhom l-ikla. 16 B’hekk dakinhar, is-servizz kollu taʼ Ġeħova ġie ppreparat biex jiġi ċċelebrat il-Qbiż u biex isiru l-offerti tal-ħruq fuq l-artal taʼ Ġeħova, skont il-kmand tar-Re Ġosija.
17 Dak iż-żmien, l-Iżraelin li kienu hemm iċċelebraw il-Qbiż u l-Festa tal-Ħobż bla Ħmira għal sebat ijiem. 18 Kien ilu ma jiġi ċċelebrat Qbiż bħalu f’Iżrael sa minn żmien il-profeta Samwel. U l-ebda re ieħor t’Iżrael ma kien iċċelebra Qbiż bħal dak li ċċelebraw Ġosija, il-qassisin, il-Leviti, in-nies kollha taʼ Ġuda u Iżrael li kienu hemm, u n-nies taʼ Ġerusalemm. 19 Dan il-Qbiż ġie ċċelebrat fit-18-il sena tat-tmexxija taʼ Ġosija.
20 Wara dan kollu, meta Ġosija kien irranġa t-tempju,* ir-Re Neko tal-Eġittu telaʼ biex jiġġieled f’Karkemis ħdejn l-Ewfrat. Imbagħad Ġosija ħareġ għal kontrih. 21 Għalhekk, Neko bagħatlu messaġġiera biex jgħidlu: “Għala ħriġt kontrija re taʼ Ġuda? Jien mhux kontrik ġej illum, imma ġejt niġġieled kontra poplu ieħor, u Alla qal li għandi nħaffef. Ikun aħjar għalik li ma tiħodhiex kontra Alla, li qiegħed miegħi, inkella jeqirdek.” 22 Madankollu Ġosija ma telaqx, imma biddel ħwejġu biex ma jintgħarafx ħalli jiġġieled kontrih. Hu ma tax kas kliem Neko, li kien ġej minn Alla. Għalhekk, mar jiġġieled fil-Pjanura taʼ Megiddo.
23 U l-arċiera sparaw lir-Re Ġosija, u b’hekk qal lill-qaddejja tiegħu: “Ħuduni minn hawn, għax ġejt imweġġaʼ serjament.” 24 Għalhekk il-qaddejja tiegħu niżżluh mill-karru, rikkbuh fit-tieni karru tal-gwerra tiegħu, u ħaduh Ġerusalemm. B’hekk, hu miet u ndifen fil-qabar taʼ missirijietu, u Ġuda u Ġerusalemm kollha kienu mdejqin minħabba f’hekk. 25 U Ġeremija kanta għanja taʼ swied il-qalb dwar Ġosija, u l-kantanti rġiel u nisa kollha baqgħu jkantaw dwar Ġosija fl-għanjiet taʼ swied il-qalb tagħhom sal-lum. U dawn l-għanjiet saru drawwa f’Iżrael, u huma miktubin fil-ktieb tal-għanjiet taʼ swied il-qalb.
26 Il-bqija tal-istorja taʼ Ġosija, l-imħabba u l-lealtà* li wera biex jobdi l-Liġi taʼ Ġeħova, 27 u dak kollu li għamel huma miktubin fil-Ktieb tar-Rejiet t’Iżrael u taʼ Ġuda.