L-Ewwel Ittra lill-Korintin
6 Jekk għandek nuqqas taʼ qbil* maʼ ħu, se tażżarda tmur il-qorti quddiem nies li ma jemmnux?* Għax ma tmurx quddiem il-qaddisin* fil-kongregazzjoni? 2 Żgur li tafu li l-qaddisin se jiġġudikaw id-dinja. Jekk se tiġġudikaw id-dinja, m’intomx kapaċi ssolvu problemi żgħar ħafna? 3 Ma tafux li se niġġudikaw lill-anġli? Allura għala ma tistgħux issolvu l-problemi żgħar taʼ din il-ħajja? 4 Jekk għandkom xi problemi taʼ din il-ħajja xi ssolvu, għala għandkom tiħduhom għand l-imħallfin li mhumiex parti mill-kongregazzjoni? 5 Qed nitkellem biex inġegħelkom tistħu. Jaqaw m’hemmx raġel wieħed fostkom li hu għaref biżżejjed biex jiġġudika bejn l-aħwa? 6 Minflok, ħu jtellaʼ lil ħu ieħor il-qorti u jakkużah quddiem uħud li ma jemmnux.
7 Il-fatt li diġà għandkom kawżi l-qorti kontra xulxin, diġà tliftu. Għala m’intomx lesti li tissaportu l-inġustizzja, jew li tmorru minn taħt? 8 Minflok, intom qed tagħmlu dak li mhux ġust u tqarrqu b’ħutkom stess.
9 Ma tafux li dawk li jagħmlu l-ħażin mhux se jirtu s-Saltna t’Alla? Titqarrqux. Dawk li jagħmlu l-immoralità sesswali,* li jqimu l-idoli, li jagħmlu adulterju, l-irġiel li jagħmlu s-sess maʼ rġiel oħra,* 10 il-ħallelin, ir-rgħiba, is-sakranazzi, dawk li jgħajru lill-oħrajn, u dawk li jqarrqu biex jieħdu l-affarijiet taʼ ħaddieħor* mhux se jirtu s-Saltna t’Alla. 11 Madankollu, hekk kienu xi wħud minnkom. Imma issa ġejtu maħsulin; ġejtu meqjusin qaddisin; ġejtu meqjusin ġusti* f’isem il-Mulej Ġesù Kristu u bl-ispirtu tal-Alla tagħna.
12 Jien nistaʼ nagħmel kollox, imma mhux kollox hu taʼ benefiċċju. Jien nistaʼ nagħmel kollox, imma mhu se nħalli xejn jikkontrollani.* 13 L-ikel hu għall-istonku, u l-istonku għall-ikel, imma Alla se jġibhom it-tnejn fix-xejn. Il-ġisem mhuwiex magħmul biex jagħmel l-immoralità sesswali,* imma biex jagħmel ix-xogħol tal-Mulej, u l-Mulej jipprovdi għall-ġisem. 14 Iktar minn hekk, Alla rxoxta lill-Mulej u se jirxoxta lilna wkoll permezz tal-qawwa tiegħu.
15 Ma tafux li ġisimkom hu taʼ Kristu? Allura, għandi jien nieħu dak li hu* taʼ Kristu u nagħtih lil prostituta? Żgur li le! 16 Ma tafux li kull min ikollu x’jaqsam maʼ prostituta jsir ħaġa waħda magħha? Għax Alla jgħid: “Huma jsiru ġisem wieħed.” 17 Imma min jingħaqad mal-Mulej hu ħaġa waħda miegħu fil-mod kif jaħsibha.* 18 Aħarbu minn kull tentazzjoni li twassal għall-immoralità sesswali.* Dan hu l-iktar dnub li jeffettwa l-ġisem b’mod dirett. Kull min jagħmel l-immoralità sesswali qed jidneb kontra ġismu stess. 19 Ma tafux li ġisimkom hu t-tempju għall-ispirtu qaddis li qiegħed fikom, li rċivejtu mingħand Alla? Intom m’intomx tagħkom infuskom, 20 għax Alla ħallas prezz għoli għalikom. Għalhekk, użaw ġisimkom biex tfaħħru lil Alla.