Il-Ħarsa tal-Bibbja
Xi Ngħidu Dwar li Tnejn Jgħixu Flimkien Qabel Jiżżewġu?
SE TIXTRI int xi tibdila jew libsa mingħajr ma l-ewwel tipprovaha? X’aktarx li le. Wara kollox, jekk wara ssib li ma tiġikx, tkun ħlejt il-ħin u l-flus tiegħek.
Ħafna nies jirraġunaw bl-istess mod dwar iż-żwieġ. Huma jħossu li jkun aħjar li raġel u mara jgħixu flimkien qabel jidħlu għar-rabta taż-żwieġ. Huma jirraġunaw, ‘Jekk l-affarijiet ma jmorrux sew, ir-raġel u l-mara jistgħu jisseparaw mingħajr ma jkollhom bżonn jiffaċċjaw il-proċess komplikat tad-divorzju li jiswa ħafna flus.’
Għandu mnejn li xi wħud li jħossuhom hekk raw lil xi ħadd minn ħbiebhom miżżewġin jissaporti abbużi fir-relazzjoni tiegħu. Jew forsi raw b’għajnejhom l-effetti trawmatiċi taʼ żwieġ mingħajr imħabba. B’hekk, il-fatt li jgħixu flimkien għandhom mnejn jarawh bħala prekawzjoni għaqlija.
X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja dwar dan is-suġġett? Biex inwieġbu, l-ewwel għandna bżonn nikkunsidraw x’għandha x’tgħidilna l-Kelma t’Alla dwar l-istituzzjoni taż-żwieġ.
“Ġisem Wieħed”
Il-Bibbja għandha ħarsa li tisboq lil kull ħarsa oħra lejn iż-żwieġ, u ma niħduhiex bi kbira, għaliex dan l-arranġament kien awtorizzat u stabbilit minn Alla Ġeħova nnifsu. (Ġenesi 2:21-24) Sa mill-bidu, Ġeħova kellu l-iskop li permezz taż-żwieġ, raġel u mara kellhom isiru “ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Wara li kkwota s-silta fil-Bibbja fejn insibu dan, Ġesù żied: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:6.
Veru li xi wħud li jiżżewġu jiddivorzjaw iktar tard.a Madankollu, meta jiġri dan ma jkunx minħabba xi ħaġa ħażina fl-arranġament taż-żwieġ innifsu; minflok, ikun għaliex wieħed mill-miżżewġin jew it-tnejn li huma jonqsu li jgħixu skont il-wegħdi li għamlu lil xulxin meta żżewġu.
Biex nagħtu eżempju: Suppost li raġel u mara għandhom karozza, iżda ma jiħdux ħsiebha skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur. Jekk minħabba f’hekk il-karozza jiġrilha l-ħsara, min jaħti? Huwa l-manifattur jew sid il-karozza li m’għamlilhiex manutenzjoni b’mod regulari?
L-istess prinċipju japplika għaż-żwieġ. Meta raġel u martu jaħdmu biex iżommu r-relazzjoni taʼ bejniethom u jkunu determinati li jsolvu l-problemi tagħhom billi japplikaw il-prinċipji Bibliċi, ikun hemm inqas ċans li jiddivorzjaw. Minħabba li jkun sar impenn persunali min-naħa tat-tnejn, se jkun hemm sens taʼ sigurtà fiż-żwieġ tagħhom. Iż-żwieġ imbagħad isir il-pedament għal relazzjoni taʼ mħabba.
‘Tbiegħdu miż-Żína’
Xorta waħda, xi wħud għandhom mnejn jgħidu: ‘Mhux aħjar ngħixu flimkien l-ewwel? Ma nkunux qed nuru rispett lejn il-qdusija taż-żwieġ jekk naraw immorrux tajjeb flimkien qabel nidħlu f’impenn bħal dan?’
It-tweġiba tal-Bibbja hija ċara. Pawlu kiteb: ‘Tbiegħdu miż-żína.’ (1 Tessalonikin 4:3) It-terminu “żína” jirreferi għar-relazzjonijiet sesswali kollha barra miż-żwieġ. Dan jinkludi sess bejn tnejn li jgħixu flimkien, anki jekk għandhom l-intenzjoni li jiżżewġu. Mela, skont il-Bibbja, ikun ħażin jekk koppja jgħixu flimkien—anki jekk bi ħsiebhom jiżżewġu iktar tard.
Hija l-ħarsa tal-Bibbja antikwata? Hekk jaħsbu xi wħud. Wara kollox, f’ħafna pajjiżi, il-fatt li koppja jgħixu flimkien—kemm jekk ikollhom l-intenzjoni li jiżżewġu u kemm jekk le—hu meqjus bħala ħaġa normali. Imma aħseb x’jirriżulta wara. Dawk li jgħixu flimkien sabuh is-sigriet biex familja tirnexxi? Huma iżjed kuntenti minn koppji li jiżżewġu? Koppji li jgħixu flimkien qabel jiżżewġu għandhom rata ogħla taʼ fedeltà wara ż-żwieġ? Studji li saru juru l-kuntrarju. Tabilħaqq, instab li koppji miżżewġin li qabel kienu jgħixu flimkien qed jesperjenzaw ħafna iktar problemi fiż-żwieġ u fil-fatt jiddivorzjaw.
Xi esperti jgħidu li studji bħal dawn mhumiex eżatti. “Nies li jagħżlu li jiżżewġu mingħajr ma l-ewwel jgħixu flimkien diġà huma grupp taʼ nies differenti minn dawk li jiddeċiedu li jgħixu flimkien minn qabel,” tikteb waħda psikologa. Hi ssostni illi li jgħixu flimkien mhuwiex il-fattur prinċipali; minflok, il-kwistjoni hi “li napprezzaw l-istat taʼ li tkun miżżewweġ.”
Anki jekk dan hu minnu, dan sempliċement jenfasizza l-importanza taʼ li jkollna l-ħarsa t’Alla lejn iż-żwieġ. Il-Bibbja tgħid: “Ħa jkun iż-żwieġ onorabbli għal kulħadd.” (Ebrej 13:4) Meta raġel u mara jwiegħdu li jibqgħu ġisem wieħed u mbagħad jonoraw l-arranġament taż-żwieġ, huma jkollhom rabta li ma tantx tistaʼ tinħall faċilment.—Ekkleżjasti 4:12.
Għalhekk, biex nirreferu għax-xebh li ntuża fil-bidu, tassew jagħmel sens li tipprova tibdila jew libsa qabel tixtriha. Madankollu, dan ma jistax jitqabbel maʼ tnejn li jgħixu flimkien qabel iż-żwieġ. Minflok, ifisser li wieħed jieħu biżżejjed ħin biex isir jaf lill-persuna li bi ħsiebu jiżżewweġ. Dan il-pass vitali, iżda li spiss jiġi injorat, huwa wieħed minn ħafna sigrieti biex familja tirnexxi.
[Nota taʼ taħt]
a Il-Bibbja tippermetti d-divorzju u ż-żwieġ mill-ġdid jekk wieħed mill-miżżewġin ikollu relazzjonijiet sesswali barra miż-żwieġ.—Mattew 19:9.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
◼ Il-Bibbja għala tillimita l-intimità sesswali għall-imseħbin fiż-żwieġ?—Salm 84:11; 1 Korintin 6:18.
◼ Liema kwalitajiet għandek tfittex f’min tkun se tiżżewweġ?—Rut 1:16, 17; Proverbji 31:10-31.
[Kaxxa f’paġna 29]
“JIDNEB KONTRA ĠISMU STESS”
Il-Bibbja tgħid ċar: “Min jipprattika ż-żína qed jidneb kontra ġismu stess.” (1 Korintin 6:18) Fl-aħħar għaxriet taʼ snin, il-verità taʼ dan il-kliem ġiet enfasizzata bil-miljuni li mietu bl-AIDS u b’mard ieħor trasmess sesswalment. U dan mhux kollox. Studji li saru juru li d-dipressjoni u l-attentati taʼ suwiċidju huma iktar komuni fost żgħażagħ li huma attivi sesswalment. It-taħlit sesswali jwassal ukoll għal tqala mhix mixtieqa, li f’xi każi toħloq tentazzjoni biex isir abort. Meta nqisu dawn il-fatti nistgħu nikkonkludu li l-liġijiet morali tal-Bibbja mhumiex antikwati.