Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għala Għandek Tħares Lejn iż-Żwieġ Bħala li hu Sagru?
ĦAFNA nies illum wisq probabbli jgħidu li jemmnu fil-qdusija taż-żwieġ. Imma, allura, għala ħafna rabtiet jispiċċaw f’divorzju? Għal xi wħud, iż-żwieġ m’hu xejn ħlief wegħda romantika u ftehim legali. Imma xi wħud iħossu li l-wegħdi jistgħu jinkisru. Dawk li jħarsu lejn iż-żwieġ b’dan il-mod isibuha faċli biex itemmu ż-żwieġ tagħhom meta l-affarijiet imorru ħażin.
Alla kif iħares lejn l-arranġament taż-żwieġ? It-tweġiba tinstab fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, f’Lhud 13:4: “Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd.” Il-kelma Griega tradotta “fil-ġieħ” iġġorr il-ħsieb taʼ xi ħaġa li hi prezzjuża u li hi stmata ħafna. Meta ngħożżu xi ħaġa, nieħdu ħsiebha biex inżommuha u ma nitilfuhiex, lanqas bi żball. L-istess għandu jkun minnu dwar l-arranġament taż-żwieġ. Il-Kristjani għandhom jarawh bħala li hu taʼ ġieħ—bħala xi ħaġa prezzjuża li jridu jipproteġuha.
Ovvjament, Alla Jehovah ħalaq iż-żwieġ bħala arranġament sagru bejn raġel u mara. Imma kif nistgħu nuru li għandna l-istess ħarsa tiegħu lejn iż-żwieġ?
L-Imħabba u r-Rispett
Biex l-arranġament taż-żwieġ jingħata ġieħ hemm bżonn li r-raġel u l-mara jagħtu ġieħ u jistmaw lil xulxin. (Rumani 12:10) L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu: “Kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha.”—Efesin 5:33.
Huwa minnu li kultant xi ħadd mill-miżżewġin għandu mnejn ma jaġixxix bl-akbar rispett u mħabba. Xorta waħda, il-Kristjani għandhom juru l-imħabba u r-rispett. Pawlu kiteb: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.”—Kolossin 3:13.
Il-Ħin u l-Attenzjoni
Il-koppji miżżewġin li jħarsu lejn ir-rabta tagħhom bħala li hi sagra, iwarrbu l-ħin biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali taʼ xulxin. Dan jinkludi l-intimità sesswali. Il-Bibbja tgħid: “Ir-raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk ukoll il-mara lil żewġha.”—1 Korintin 7:3.
Madankollu, xi koppji miżżewġin ħassew il-ħtieġa li r-raġel imur jaħdem f’post differenti għal xi żmien biex jaqilgħu paga akbar. Kultant, il-firda ddum iktar minn kemm ikun mistenni. Spiss, firdiet bħal dawn jagħmlu pressjoni kbira fuq iż-żwieġ saħansitra ġieli jwasslu għall-adulterju u d-divorzju. (1 Korintin 7:2, 5) Għal din ir-raġuni, ħafna koppji Kristjani ddeċidew li jibqgħu mingħajr ċerti vantaġġi materjali minflok ma jipperikolaw iż-żwieġ li tant hu sagru għalihom.
Meta Jinqalgħu l-Problemi
Meta jqumu l-problemi, il-Kristjani li jonoraw iż-żwieġ tagħhom ma jaqbdux u jisseparaw jew jiddivorzjaw. (Malakija 2:16; 1 Korintin 7:10, 11) Ġesù qal: “Kull min jibgħat lil martu barra l-każ taʼ żwieġ ħażin [“żena,” Karm Żammit ], iwaqqagħha fl-adulterju: u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.” (Mattew 5:32) Meta tnejn miżżewġin jagħżlu li jisseparaw jew jiddivorzjaw mingħajr ebda bażi Skritturali jkunu qed jiddiżonoraw iż-żwieġ.
Il-ħarsa tagħna lejn iż-żwieġ tidher ukoll mill-pariri li nagħtu lil dawk li għandhom problemi serji fiż-żwieġ. Aħna malajr nissuġġerixxu li jisseparaw jew jiddivorzjaw? Huwa minnu li kultant ikun hemm bażi valida biex issir separazzjoni, bħal meta jkun hemm abbuż fiżiku estrem jew nuqqas volontarju taʼ manteniment.a Ukoll, bħalma nnotajna qabel, il-Bibbja tippermetti li jkun hemm divorzju biss meta s-sieħeb (jew is-sieħba) fiż-żwieġ ikun ħati taż-żína. Xorta waħda, il-Kristjani m’għandhomx jipprovaw jinfluwenzaw iżżejjed id-deċiżjoni t’oħrajn f’dawn is-sitwazzjonijiet. Wara kollox, hu l-individwu bil-problema fiż-żwieġ—mhux min jagħti l-parir—li se jkollu jgħix bil-konsegwenzi tad-deċiżjoni.—Galatin 6:5, 7.
Evita Ħarsa Indifferenti
F’ċerti nħawi saret xi ħaġa komuni li n-nies jużaw iż-żwieġ bħala mezz kif jiksbu r-residenza legali f’pajjiż ieħor. Ġeneralment dawn l-uħud jiftiehmu li jħallsu lil ċittadin taʼ dan il-pajjiż biex jiżżewwiġhom. Spiss dawn il-koppji, għalkemm ikunu miżżewġin, jibqgħu separati, forsi lanqas biss ikollhom ħbiberija. Malli jiksbu r-residenza legali li jkunu jixtiequ, huma jiddivorzjaw. Huma jħarsu lejn iż-żwieġ tagħhom bħala li hu biss ftehim taʼ negozju.
Il-Bibbja ma tappoġġax ħarsa indifferenti bħal din. Ikunu xi jkunu l-motivi, min jiżżewweġ jidħol f’arranġament sagru li Alla jikkunsidrah bħala rabta. Il-membri taʼ ftehim bħal dan jibqgħu marbutin bħala raġel u mara miżżewġin, u ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu sakemm ma jkollhomx bażi Skritturali għal divorzju.—Mattew 19:5, 6, 9 (KŻ).
Bħal kull ħaġa oħra li jixraq li naħdmu għaliha, żwieġ tajjeb jeħtieġ l-isforz u l-perseveranza. Dawk li ma japprezzawx kemm hu sagru jaqtgħu qalbhom iktar malajr. Jew inkella għandhom mnejn jirrassenjaw ruħhom u jgħixu mdejqin fiż-żwieġ tagħhom. Mill-banda l-oħra, dawk li jagħrfu kemm hu sagru ż-żwieġ jafu li Alla jistenniehom jibqgħu flimkien. (Ġenesi 2:24) Huma jirrealizzaw ukoll li jekk jaħdmu biex fiż-żwieġ tagħhom ikun hemm l-armonija, huma jonoraw lil Alla bħala d-Disinjatur taʼ l-arranġament taż-żwieġ. (1 Korintin 10:31) Peress li jżommu din il-ħarsa huma motivati biex jipperseveraw u jaħdmu ħalli ż-żwieġ tagħhom jirnexxi.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Frar, 1989, paġni 9-10.