Ġenesi
49 U Ġakobb għajjat lit-tfal tiegħu u qalilhom: “Inġabru flimkien sabiex ngħidilkom x’se jiġrilkom fil-futur. 2 Inġabru u isimgħu, tfal taʼ Ġakobb, iva, isimgħu lil missierkom Iżrael.
3 “Ruben, int l-ewwel imwieled tiegħi, il-ħeġġa tiegħi u l-ewwel tifel tiegħi.* Int kellek ħafna dinjità u saħħa. 4 Imma mhux se tkun l-aħjar wieħed, għax bħall-kurrent qawwi tal-ilmijiet ma kkontrollajtx lilek innifsek. Int kellek x’taqsam maʼ marti* u ddiżonorajt* iż-żwieġ tiegħi. Iva, hekk għamel Ruben!
5 “Simegħon u Levi huma aħwa. Użaw l-armi tagħhom bħala għodod tal-vjolenza. 6 Jalla qatt ma nagħmilha magħhom. Jalla r-reputazzjoni tiegħi ma tkunx assoċjata mal-grupp tagħhom, għax fir-rabja tagħhom qatlu n-nies u għall-gost qatgħu l-għerq taʼ saqajn il-barrin. 7 Misħuta r-rabja tagħhom għax minħabba fiha għamlu affarijiet ħżiena u qatlu n-nies bla ħniena. Ħa nferrixhom fl-art taʼ Ġakobb u ħa nxerridhom f’Iżrael.
8 “U int Ġuda, ħutek se jfaħħruk. L-għedewwa tiegħek ikunu taħt il-kontroll tiegħek.* Ħutek kollha se jmilu quddiemek. 9 Ġuda hu ferħ taʼ ljun. Ibni, int tiekol dak li tikkaċċja u titlaq. Int timtedd mal-art u tistrieħ bħal iljun, li ħadd ma jissogra jqajmu. 10 Ġuda dejjem se jkollu x-xettru, u l-bastun taʼ mexxej dejjem se jkun quddiemu,* sakemm jiġi Silo,* u n-nies se jobdu lilu. 11 Hu jorbot il-ħmar tiegħu maʼ dielja u l-ferħ taʼ ħmara tiegħu maʼ dielja prima, u jaħsel ħwejġu fl-inbid u l-libsa tiegħu fid-demm tal-għeneb. 12 Għajnejh huma ħomor nar bl-inbid, u snienu bojod bil-ħalib.
13 “Żebulun se joqgħod ħdejn ix-xatt fejn huma ankrati l-vapuri, u t-tarf tat-territorju tiegħu jkun lejn Sidon.
14 “Issakar hu ħmar b’saħħtu, mimdud biż-żewġ xkejjer taʼ mas-sarġ fuq dahru. 15 Hu jara li l-post taʼ mistrieħ hu tajjeb u li l-art hi sabiħa. Hu jniżżel spalltu biex iġorr it-tagħbija u jiġi sforzat jaħdem iebes bħala lsir.
16 “Ibni Dan se jiġġudika lill-poplu tiegħu bħala wieħed mit-tribujiet t’Iżrael. 17 Ħa jkun Dan bħal serp mal-ġenb tat-triq, serp bil-qrun mal-ġenb tal-passaġġ, li jigdem l-għarqub taż-żiemel biex ir-rikkieb tiegħu jinqaleb lura. 18 Madankollu, Ġeħova, jien lilek se nistenna biex issalvani.
19 “U lil Gad se jattakkah grupp ħallelin, imma hu se jattakkahom f’għarqubhom.
20 “Aser se jkollu ħafna ikel,* u hu jipprovdi ikel li jixraq lil re.
21 “Naftali hu ċerva ħafifa. Hu qed jgħid kliem ħelu.
22 “Ġużeppi hu l-fergħa taʼ siġra li tagħti l-frott, siġra ħdejn għajn tal-ilma, li l-friegħi tagħha jaqbżu l-ħajt. 23 Imma l-arċieri baqgħu jattakkawh u waddbulu l-vleġeġ u baqgħu jobogħduh. 24 U madankollu l-qaws tiegħu baqaʼ sod, u jdejh baqgħu b’saħħithom u ħfief. Dan hu permezz tal-wieħed li għandu l-qawwa u li għenni, ir-ragħaj u l-ġebla t’Iżrael. 25 Ġużeppi hu rigal mingħand l-Alla tiegħi, il-Wieħed li se jgħinu. Hu qiegħed maʼ Dak li Jistaʼ Kollox li se jbierku bil-barkiet tas-sema u tal-ilma fond, u se jagħtih ħafna tfal u annimali.
26 Il-barkiet tiegħi se jkunu aħjar mill-barkiet tal-muntanji eterni u isbaħ mill-għoljiet li jibqgħu. Il-barkiet se jibqgħu fuq ras Ġużeppi, fuq ras il-magħżul minn fost ħutu.
27 “Benjamin se jibqaʼ jċarrat bħal lupu. Filgħodu jiekol l-annimal li jkun qabad u filgħaxija jqassam dak li jkun ħa mingħand l-għadu.”
28 Dawn kollha huma t-12-il tribù t’Iżrael, u dan hu li qalilhom missierhom meta kien qed iberikhom. Hu ta lil kull wieħed il-barka li kienet tistħoqqlu.
29 Wara dan, hu kkmandahom: “Jien se ninġabar maʼ niesi.* Idfnuni maʼ missirijieti fl-għar li jinsab fl-għalqa t’Għefron il-Ħitti, 30 l-għar fl-għalqa taʼ Makfela li tinsab quddiem Mamre fl-art taʼ Kangħan, l-għalqa li Abraham xtara mingħand Għefron il-Ħitti bħala post għad-dfin. 31 Hemm difnu lil Abraham u lil martu Sara. Hemm difnu lil Iżakk u lil martu Rebekka, u hemm jien dfint lil Lea. 32 L-għalqa u l-għar li hemm fiha nxtraw mingħand it-tfal taʼ Ħet.”
33 B’hekk, Ġakobb ta l-istruzzjonijiet lit-tfal tiegħu. Imbagħad imtedd fuq is-sodda, ħa l-aħħar nifs, u nġabar maʼ niesu.*