Levitiku
2 “‘Issa jekk xi ħadd jippreżenta offerta taċ-ċereali* bħala offerta lil Ġeħova, għandha tkun tad-dqiq fin, u hu għandu jitfaʼ ż-żejt u l-inċens abjad fuqha. 2 Imbagħad jiħodha għand it-tfal t’Aron, il-qassisin, u l-qassis jaqbad ponn mid-dqiq fin imħallat biż-żejt flimkien mal-inċens abjad kollu, u jaħraqhom fuq l-artal bħala simbolu tal-offerta sħiħa,* offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 3 Dak li jifdal mill-offerta jkun t’Aron u tat-tfal tiegħu, bħala xi ħaġa mill-iktar qaddisa mill-offerti li jiġu maħruqin lil Ġeħova.
4 “‘Jekk int tippreżenta offerta taċ-ċereali li ġiet imsajra fil-forn, għandha tkun tad-dqiq fin, ħobż bla ħmira forma taʼ ftira mħallat biż-żejt jew galletti bla ħmira biż-żejt fuqhom.
5 “‘Jekk tagħmel offerta taċ-ċereali msajra fuq il-pjanċa, għandha tkun tad-dqiq fin bla ħmira mħallat maż-żejt. 6 Għandha titqattaʼ biċċiet, u int trid titfaʼ ż-żejt fuqha. Din hi offerta taċ-ċereali.
7 “‘Jekk tagħmel offerta taċ-ċereali msajra f’borma, għandha ssir mid-dqiq fin biż-żejt. 8 Din l-offerta taċ-ċereali għandek iġġibha lil Ġeħova, u tiġi ppreżentata lill-qassis u dan jiħodha qrib l-artal. 9 U l-qassis jieħu ftit mill-offerta bħala simbolu tal-offerta sħiħa* u jaħarqu fuq l-artal, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 10 Dak li jifdal mill-offerta jkun t’Aron u tat-tfal tiegħu, bħala xi ħaġa mill-iktar qaddisa mill-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova.
11 “‘Ebda offerta taċ-ċereali li tippreżentaw lil Ġeħova m’għandu jkollha ħmira fiha, għax ma tridu taħarqu xejn li fih il-ħmira jew l-għasel bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.
12 “‘Tistgħu tippreżentawhom lil Ġeħova bħala offerta tal-ewwel prodott, imma m’għandhomx jittellgħu fuq l-artal bħala riħa pjaċevoli.*
13 “‘Kull offerta taċ-ċereali li tagħmel trid tħawwarha bil-melħ; u l-melħ tal-patt tal-Alla tiegħek tħallihx ikun nieqes mill-offerta tiegħek. Maʼ kull offerta li tagħmel trid tippreżenta l-melħ.
14 “‘Jekk lil Ġeħova tippreżentalu l-offerta taċ-ċereali tal-ewwel prodott, għandek tippreżenta ċereali ġodda* inkaljati bin-nar u mitħunin ħoxnin, bħala l-offerta taċ-ċereali tal-ewwel prodott tiegħek. 15 U trid titfaʼ ż-żejt u l-inċens abjad fuqha. Din hi offerta taċ-ċereali. 16 Il-qassis irid jaħraq bħala simbolu tal-offerta sħiħa* ftit miċ-ċereali mitħun oħxon u miż-żejt flimkien mal-inċens abjad kollu tagħha, bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.