Isaija
53 Hemm xi ħadd li wera fidi f’dak li semaʼ mingħandna?*
U lil min intweriet l-id b’saħħitha tiegħek, Ġeħova?
2 Il-qaddej se jiġi bħal fergħa żgħira quddiemu,* bħal għerq minn art niexfa.
Hu ma jidhirx speċjali jew impressjonanti;
U meta narawh, id-dehra tiegħu ma tiġbidniex lejh.
3 In-nies kienu jobogħduh u jevitawh,
Kien raġel li jaf x’inhu l-uġigħ u familjari mal-mard.
Wiċċu kien bħallikieku moħbi minna.*
Hu kien mibgħud, u aħna ma tajniex kasu.
4 Fil-fatt, hu stess ħa l-mard tagħna,
U tgħabba bl-uġigħ tagħna.
Imma aħna qisnieh li Alla kkastigah, ġiegħlu jimrad, u jbati.
5 Imma hu ġie mniffed minħabba n-nuqqasijiet tagħna;
Hu bata ħafna minħabba l-iżbalji tagħna.
Hu tgħabba bil-kastigi ħalli nkunu fil-paċi m’Alla,
U minħabba l-feriti tiegħu, aħna fiqna.
6 Aħna bħal nagħaġ mitlufin,
Li kull wieħed mar fejn fettillu,
U Ġeħova tefaʼ l-ħtija kollha tagħna fuqu.
7 Hu kien maħqur, u ħalla lil oħrajn iweġġgħuh,
Imma kien jibqaʼ kwiet.
Hu ttieħed bħal nagħġa għall-qatla,
U bħal ħaruf li jkunu qed jaqtgħulu s-suf,
Imma kien jibqaʼ kwiet.
8 Hu kien maħqur u ttieħed mingħajr ma ngħata ġudizzju b’mod ġust;
U min se jimpurtah dwar id-dettalji tal-ġenerazzjoni tiegħu?*
Għax hu tneħħa minn mal-ħajjin;
Minħabba n-nuqqasijiet tal-poplu tiegħi, hu ngħata d-daqqa tal-mewt.
9 Għalkemm ma kien għamel xejn ħażin*
U ma kien qal xejn biex iqarraq,
Hu ngħata qabar* mal-ħżiena
U meta miet indifen mas-sinjuri.
10 Imma Ġeħova ddeċieda li hu jgħaddi minn tbatija kbira u ħallieh jimrad.
Alla, jekk tippreżenta ħajtu* bħala offerta għall-ħtija,
Hu se jara lil dawk li jiġu minnu u jgħix ħajja twila.
Permezz tiegħu jseħħ dak li trid int* Ġeħova.
11 Minħabba l-uġigħ kbir tiegħu,* hu se jara xi jkun għamel u jkun sodisfatt.
Wara li għadda minn ħafna,* il-wieħed ġust, il-qaddej tiegħi,
Se jgħin lil ħafna nies biex jitqiesu ġusti,
U se jġorr l-iżbalji tagħhom bħal tagħbija.
12 Minħabba f’hekk, jien se nagħtih sehem maʼ ħafna oħrajn,
U se jqassam dak li jieħdu mill-gwerra maʼ dawk b’saħħithom,
Għax hu ta ħajtu*
U tqies bħala wieħed li kiser il-liġi.
Hu ġarr id-dnubiet taʼ ħafna nies,
U talab għal dawk li kisru l-liġi.