Ġożwè
2 Imbagħad Ġożwè bin Nun bagħat bil-moħbi żewġt irġiel minn Sittim bħala spiji. Hu qalilhom: “Morru araw x’hemm fl-art, speċjalment f’Ġeriko.” Għalhekk, marru u waslu fid-dar taʼ prostituta jisimha Raħab, u qagħdu hemmhekk. 2 U lir-re taʼ Ġeriko ntqallu li dak il-lejl daħlu xi rġiel Iżraelin biex jitkixxfu x’fiha l-art. 3 B’hekk, ir-re taʼ Ġeriko bagħat jgħid lil Raħab: “Oħroġ lill-irġiel li qegħdin għandek, għax huma ġew biex jitkixxfu x’fiha l-art kollha.”
4 Imma l-mara ħbiet liż-żewġt irġiel, u mbagħad qalet: “Iva, l-irġiel ġew għandi, imma ma kontx naf minn fejn huma. 5 U mad-dlam, meta bieb il-belt kien se jingħalaq, l-irġiel ħarġu. Ma nafx fejn marru, imma jekk tiġru warajhom malajr, tilħquhom.” 6 (Madankollu, hi kienet tellgħethom fuq il-bejt u ħbiethom qalb ir-ringieli taz-zkuk tal-kittien.)* 7 B’hekk, l-irġiel ġrew warajhom fid-direzzjoni tal-Ġordan fejn l-ilma kien baxx. U hekk kif dawn ħarġu, bieb il-belt ġie magħluq.
8 Qabel ma l-irġiel imteddew biex jorqdu, hi telgħet ħdejhom fuq il-bejt 9 u qaltilhom: “Jien naf li Ġeħova se jagħtikom l-art u aħna lkoll imbeżżgħin minnkom. Kull min jgħix fil-pajjiż għandu qalbu maqtugħa minħabba fikom, 10 għax aħna smajna kif Ġeħova nixxef l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar minn quddiemkom meta tlaqtu mill-Eġittu u x’għamiltu liż-żewġ rejiet tal-Amurrin, Siħon u Għog, li intom qtiltu fuq in-naħa l-oħra* tal-Ġordan. 11 Meta smajna dwar dan, qtajna qalbna* u ħadd m’għandu kuraġġ minħabba fikom, għax Ġeħova l-Alla tagħkom hu Alla fis-sema u fuq l-art. 12 Issa jekk jogħġobkom, aħilfuli b’Ġeħova li talli wrejt imħabba u lealtà* magħkom, intom ukoll turu mħabba u lealtà man-nies taʼ dar missieri. Tridu tagħtuni sinjal li se żżommu kelmitkom.* 13 Tridu tħallu ħajjin lil missieri u lil ommi, lil ħuti subien u bniet, u lil dawk kollha li huma tagħhom, u tridu ssalvawna mill-mewt.”
14 Għal dan l-irġiel qalulha: “Lesti li nagħtu ħajjitna għalikom! Jekk ma tikxfux dak li se nagħmlu, aħna nuru mħabba u lealtà lejkom u nżommu kelmitna meta Ġeħova jagħtina l-art.” 15 Wara dan, hi tathom ħabel biex jinżlu bih mit-tieqa, għax id-dar tagħha kienet fuq is-sur tal-belt. 16 Imbagħad qaltilhom: “Morru lejn il-muntanji u staħbew hemm għal tlett ijiem, biex dawk li qed jiġru warajkom ma jsibukomx. Imbagħad meta dawk li qed jiġru warajkom ikunu ġew lura, tkunu tistgħu tmorru fi triqitkom.”
17 L-irġiel qalulha: “Biex aħna nagħmlu skont dak li ġegħeltna naħilfu 18 trid tagħmel dan meta aħna nidħlu fl-art: orbot din il-qafla tal-ħajt aħmar jgħajjat fit-tieqa li niżżiltna minnha. Għandek tiġbor miegħek fid-dar lil missierek, lil ommok, lil ħutek, u lin-nies kollha taʼ dar missierek. 19 Imbagħad, jekk xi ħadd joħroġ barra minn darek irid jagħti kont taʼ ħajtu, u aħna nkunu meħlusin mill-ħtija. Imma jekk jiġri xi ħaġa lil* min jibqaʼ ġod-dar, aħna rridu nagħtu kont taʼ ħajtu. 20 Imma jekk tikxef x’se nagħmlu, aħna nkunu meħlusin mill-ħtija rigward il-ħalfa tiegħek li ġegħeltna naħilfu.” 21 Hi wieġbet: “Ħa jsir skont kliemkom.”
U bagħtithom, u huma marru fi triqithom. Wara, hi rabtet il-qafla tal-ħajt aħmar jgħajjat fit-tieqa. 22 Għalhekk, huma telqu lejn il-muntanji u baqgħu hemm tlett ijiem, sakemm dawk li kienu qed jiġru warajhom marru lura. Dawn fittxewhom f’kull triq, imma ma sabuhomx. 23 Imbagħad iż-żewġt irġiel niżlu minn ħdejn il-muntanji, qasmu x-xmara, u marru għand Ġożwè bin Nun. Huma rrakkontawlu kulma kien ġralhom. 24 Imbagħad qalu lil Ġożwè: “Ġeħova ta l-art kollha f’idejna. Infatti, kull min jgħix fl-art għandu qalbu maqtugħa minħabba fina.”