Imħallfin
4 Imma wara li miet Eħud, l-Iżraelin reġgħu għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 2 Għalhekk, Ġeħova tahom* f’id Ġabin ir-re taʼ Kangħan, li kien imexxi f’Ħasor. Il-kap tal-armata tiegħu kien Sisera, li kien jgħix f’Ħaroset tal-popli.* 3 L-Iżraelin għajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, għax Ġabin* kellu 900 karru tal-gwerra armati bi xfafar tal-ħadid,* u hu kien ilu 20 sena jaħqarhom.
4 F’dak iż-żmien, il-profetessa Debora kienet tiġġudika lil Iżrael. Din kienet il-mara taʼ Lappidot. 5 Hi kienet toqgħod bilqiegħda taħt is-siġra tal-palm tagħha bejn Rama u Betel fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. L-Iżraelin kienu jitilgħu għandha biex isiru jafu l-ġudizzji t’Alla. 6 Hi bagħtet għal Barak bin Abinogħam minn Kedes-naftali u qaltlu: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael tak dan il-kmand: ‘Mur u mmarċja lejn il-Muntanja Tabor, u ħu miegħek 10,000 raġel mit-tfal taʼ Naftali u Żebulun. 7 Jien nibgħatlek lil Sisera l-kap tal-armata taʼ Ġabin, il-karrijiet tal-gwerra tiegħu, u s-suldati tiegħu fil-wied taʼ Kison, u jien nagħtih f’idejk.’”
8 Għal dan Barak qalilha: “Jekk tiġi miegħi, immur, imma jekk le, ma mmurx.” 9 U hi qalet: “Żgur niġi miegħek. Madankollu, l-attakk li se tagħmel mhux se jġiblek glorja, għax Ġeħova se jagħti lil Sisera f’idejn mara.” Imbagħad Debora qamet u marret maʼ Barak lejn Kedes. 10 Barak ġabar lil Żebulun u lil Naftali lejn Kedes, u telgħu warajh 10,000 raġel. Debora wkoll telgħet miegħu.
11 Issa Ħeber il-Keni kien infired mill-Kenin, dawk li jiġu minn Ħobab il-kunjatu taʼ Mosè. Hu kellu t-tinda tiegħu ħdejn is-siġra l-kbira f’Sagħnannim, li qiegħda f’Kedes.
12 Lil Sisera wasallu rapport li Barak bin Abinogħam kien telaʼ lejn il-Muntanja Tabor. 13 Minnufih, Sisera ġabar is-suldati kollha li kienu miegħu u l-karrijiet kollha tal-gwerra tiegħu, jiġifieri 900 karru armat bi xfafar tal-ħadid,* biex minn Ħaroset tal-popli jmorru fil-wied taʼ Kison. 14 Debora issa qalet lil Barak: “Mur, għax dan hu l-jum li fih Ġeħova se jagħti lil Sisera f’idejk. Ġeħova żgur li se jmur qablek.” U Barak niżel mill-Muntanja Tabor b’10,000 raġel warajh. 15 Imbagħad Ġeħova tefaʼ f’konfużjoni lil Sisera u l-karrijiet kollha tal-gwerra tiegħu u l-armata kollha tiegħu quddiem Barak. Fl-aħħar, Sisera niżel minn fuq il-karru tiegħu u ħarab. 16 Barak ġera wara l-karrijiet tal-gwerra u l-armata sa Ħaroset tal-popli. B’hekk, l-armata kollha taʼ Sisera nqatlet bix-xabla, lanqas wieħed ma tħalla.
17 Imma Sisera ħarab lejn it-tinda taʼ Ġagħel mart Ħeber il-Keni, għax kien hemm il-paċi bejn Ġabin ir-re taʼ Ħasor u d-dar ta’ Ħeber il-Keni. 18 Imbagħad Ġagħel ħarġet tiltaqaʼ maʼ Sisera u qaltlu: “Idħol sidi, idħol hawn. Tibżax.” Għalhekk, hu daħal fit-tinda tagħha u hi għattietu b’kutra. 19 Imbagħad qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini ftit ilma, għax għandi l-għatx.” Għalhekk, hi fetħet flixkun tal-ġild bil-ħalib u tatu x’jixrob, u wara reġgħet għattietu. 20 Hu qalilha: “Oqgħod fid-daħla tat-tinda, u jekk jiġi xi ħadd u jistaqsik, ‘Hawn xi raġel?’ għidlu, ‘Le!’”
21 Imma Ġagħel mart Ħeber qabdet musmar tat-tinda u martell, u waqt li kien rieqed fil-fond u għajjien, hi resqet lejh inkiss inkiss u daħħlitlu l-musmar fil-ġenb taʼ rasu u sammritu mal-art, u b’hekk miet.
22 Barak mar hemm għax kien qed jiġri wara Sisera, u Ġagħel ħarġet tiltaqaʼ miegħu u qaltlu: “Ejja ħa nurik ir-raġel li qed tfittex.” Hu daħal magħha u ra lil Sisera mixħut mejjet b’musmar tat-tinda fil-ġenb taʼ rasu.
23 B’hekk dakinhar, Alla rażżan lil Ġabin ir-re taʼ Kangħan quddiem l-Iżraelin. 24 L-Iżraelin komplew isiru iktar u iktar b’saħħithom kontra Ġabin ir-re taʼ Kangħan sakemm qerduh.