LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 11/15 pp. 28-31
  • Bil-fidi, Barak Ħarbat Armata b’Saħħitha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Bil-fidi, Barak Ħarbat Armata b’Saħħitha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iżrael Isejjaħ lil Jehovah
  • Jehovah Jaħtar Mexxej
  • Bil-​Fidi Jsegwu lil Barak
  • Barak Iħarbat l-​Armata taʼ Sisera
  • L-​Oppressur Jaqaʼ Permezz taʼ Id “Mara”
  • Tagħlimiet Għalina
  • Mexxej ġdid u żewġ nisa kuraġġużi
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Żewġ Nisa Kuraġġużi
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Jalla l-​ispirtu volontarju tiegħek iġib tifħir lil Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Imħallfin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 11/15 pp. 28-31

Bil-​fidi, Barak Ħarbat Armata b’Saħħitha

IMMAĠINA li tiġi wiċċ imbwiċċ maʼ battaljun taʼ suldati ostili. Huma armati bl-​aħħar tagħmir militari, u jinsabu lesti biex jużawh. Quddiemhom, int u sħabek tinsabu prattikament bla difiża.

Matul il-​perijodu taʼ l-​imħallfin taʼ Iżrael, Barak, Debora, u 10,000 Iżraeli għaddew minn esperjenza bħal din. L-​għedewwa kienu l-​Kangħanin immexxijin mill-​kmandat militari Sisera. L-​armi tagħhom kienu jinkludu karrijiet bir-​roti armati bi mnieġel tal-​ħadid qattiela. Il-​post kien il-​Muntanja Tabor u l-​wied taʼ Kison. Dak li ġara hemmhekk jidentifika lil Barak bħala raġel taʼ fidi eżemplari. Ikkunsidra l-​ġrajjiet li seħħew qabel din il-​konfrontazzjoni.kkmu

Iżrael Isejjaħ lil Jehovah

Il-​ktieb taʼ l-​Imħallfin jgħidilna dwar kemm-il darba Iżrael abbanduna l-​qima pura u l-​konsegwenzi diżastrużi taʼ dawn l-​azzjonijiet. Kull darba, sar talb b’mod sinċier għall-​maħfra t’Alla, inħatar salvatur, inħelsu, imbagħad reġgħu rribellaw. Fi qbil maʼ dan, “wara li miet Eħud, [imħallef li salvahom mill-​moħqrija tal-​Mowabin] ulied Iżrael reġgħu għamlu l-​ħażen f’għajnejn il-​Mulej.” Fil-​fatt, ħatru “allat ġodda.” X’kien ir-​riżultat? ‘Il-​Mulej biegħhom f’id Ġabin, sultan taʼ Kangħan, li kien isaltan f’Ħasor; u l-​kmandant taʼ l-​eżerċtu tiegħu kien Sisera . . . U wlied Iżrael għajjtu lill-​Mulej, għax dan [Sisera] kellu disaʼ mitt karru [“bi mnieġel tal-​ħadid,” NW], u kien ilu jgħakkes lil ulied Iżrael għal għoxrin sena sħaħ.’​—Mħallfin 4:​1-3; 5:8.

Rigward il-​ħajja f’Iżrael, l-​Iskrittura tgħid: “[F’dawk il-​jiem] waqfu l-​karwani: u fl-​imwarrab terrqu n-​nies; ħemdu l-​irħula.” (Mħallfin 5:​6, 7) In-​nies kienu jibżgħu mill-​ħallelin jiġru bil-​karrijiet. Wieħed studjuż jgħid: “Il-​ħajja tan-​nies f’Iżrael kienet maħkuma mill-​biżaʼ, il-​komunità kollha kienet qisha paralizzata u bla ħila.” Għalhekk, bħalma kienu għamlu qabel, l-​Iżraelin skuraġġiti sejħu lil Jehovah għall-​għajnuna.

Jehovah Jaħtar Mexxej

Il-​moħqrija mill-​Kangħanin saret żmien taʼ kriżi nazzjonali għal Iżrael. Alla uża lill-​profetessa Debora biex tesprimi l-​ġudizzji u l-​istruzzjonijiet tiegħu. Jehovah b’hekk taha l-​privileġġ li taġixxi bħala omm figurattiva f’Iżrael.​—Mħallfin 4:4; 5:7.

Debora bagħtet għal Barak u qaltlu: “[“Ma tax Jehovah l-​Alla taʼ Iżrael il-​kmand?”, NW] ‘Mur u ħu għaxart elef raġel minn ulied Naftali u minn ulied Żebulun, u erħilha bihom lejn il-​muntanja tat-​Tabor. U jien inġiblek ħdejn il-​wied taʼ Kison lil Sisera, il-​kmandant taʼ l-​eżerċtu taʼ Ġabin, bil-​karrijiet u l-​kotra tiegħu, u nerħih f’idejk.’” (Mħallfin 4:​6, 7) Billi qalet ‘ma tax Jehovah il-​kmand?’ Debora għamlitha ċara li ma kellha l-​ebda awtorità persunali fuq Barak. Hi sempliċement aġixxiet bħala l-​mezz li Alla uża biex jagħti l-​kmand tiegħu. Barak kif wieġeb?

“Jekk int tiġi miegħi,” qal Barak, “jien immur; jekk ma tiġix miegħi, ma mmurx.” (Mħallfin 4:​8) Barak għala żamm lura milli jaċċetta responsabbiltà mingħand Alla? Kien hu qed jaġixxi taʼ beżżiegħ? Kien hu qed juri nuqqas taʼ fiduċja fil-​wegħdi t’Alla? Le. Barak ma rrifjutax l-​inkarigu, u lanqas ma kien diżubbidjenti lejn Jehovah. Minflok, it-​tweġiba tiegħu wriet li ma ħassux kapaċi jwettaq il-​kmand t’Alla waħdu. Il-​preżenza tar-​rappreżentanta t’Alla kienet se tassigura gwida divina u timla lilu u lill-​irġiel tiegħu bil-​kuraġġ. Għalhekk, minflok ma kienet sinjal taʼ dgħjufija, il-​kundizzjoni li għamel Barak kienet indikazzjoni taʼ fidi b’saħħitha.

Ir-reazzjoni taʼ Barak tistaʼ titqabbel maʼ dik taʼ Mosè, Gidgħon, u Ġeremija. Dawn l-​irġiel ukoll ma kellhomx fiduċja fl-​abbiltà tagħhom li jwettqu l-​inkarigi mogħtijin lilhom minn Alla. Imma ma ġewx kunsidrati bħala li huma inqas leali minħabba f’hekk. (Eżodu 3:11–​4:​17; 33:​12-17; Mħallfin 6:​11-​22, 36-​40; Ġeremija 1:​4-​10) U x’nistgħu ngħidu dwar l-​attitudni taʼ Debora? Hi ma pprovatx tieħu kollox f’idejha. Minflok, hi baqgħet qaddejja modesta taʼ Jehovah. “Jien niġi miegħek,” qalet lil Barak. (Mħallfin 4:9) Hi kienet lesta li titlaq minn darha​—post taʼ sigurtà akbar​—u tingħaqad maʼ Barak għall-​battalja li kienet riesqa. Anki Debora hija eżempju taʼ fidi u kuraġġ.

Bil-​Fidi Jsegwu lil Barak

Il-​post fejn inġabru l-​forzi militari taʼ Iżrael kien muntanja magħrufa jisimha Tabor. Dan il-​post kien ideali. Kien iservi bħala l-​post naturali fejn kienu jiltaqgħu t-​tribujiet taʼ Naftali u Żebulun, li kienu jgħixu fil-​viċin. Għalhekk, skond kif kien ordna Alla, għaxart elef volontier​—u Debora​—​segwew lil Barak fuq il-​muntanja.

Kien hemm bżonn tal-​fidi min-​naħa taʼ dawk kollha li ngħaqdu maʼ Barak. Jehovah kien wiegħed lil Barak rebħa fuq il-​Kangħanin, imma x’armi kellhom dawn l-​Iżraelin? Mħallfin 5:8 jgħid: “Tarka f’Iżrael ma kinitx tidher, u lanqas lanza f’erbgħin elf f’Iżrael.” Mela, l-​Iżraelin ftit kellhom armi. Xorta waħda, il-​lanez u t-​tarki żgur li kienu inferjuri meta mqabblin mal-​karrijiet tal-​gwerra armati bi mnieġel tal-​ħadid. Wara li semaʼ li Barak kien telaʼ fuq il-​Muntanja Tabor, Sisera mill-​ewwel ġabar il-​karrijiet u t-​truppi fil-​wied taʼ Kison. (Mħallfin 4:​12, 13) Dak li Sisera naqas li jirrealizza kien li hu kien se jiġġieled kontra Alla li Jistaʼ Kollox.

Barak Iħarbat l-​Armata taʼ Sisera

Meta wasal il-​mument taʼ konfrontazzjoni, Debora qalet lil Barak: “Qum għax dan hu l-​jum li fih il-​Mulej reħa f’idejk lil Sisera. Il-​Mulej se joħroġ quddiemek.” Barak u l-​armata tiegħu kellhom jinżlu mill-​quċċata tal-​Muntanja Tabor għal ġol-​wied, imma hemmhekk il-​karrijiet taʼ Sisera kien se jkollhom vantaġġ strateġiku. Kif kont tħossok int kieku kont fl-​armata taʼ Barak? Kont tobdi mill-​ewwel, billi tiftakar li dik id-​direzzjoni kienet ġejja mingħand Jehovah? Barak u l-​għaxart elef raġel tiegħu obdew. “U l-​Mulej ħarbat lil Sisera, u l-​karrijiet tiegħu, u l-​kotra kollha għaddiehom minn xifer ix-​xabla quddiem Barak.”​—Mħallfin 4:​14, 15.

Bl-għajnuna taʼ Jehovah, Barak ħarbat l-​armata taʼ Sisera. Ir-​rakkont tal-​battalja ma jispjegax kulma ġara. Madankollu, l-​għanja tar-​rebħa taʼ Barak u Debora tgħid li ‘s-​smewwiet u s-​sħab qattru l-​ilma.’ Probabbilment, maltempata ġagħlet il-​karrijiet taʼ Sisera jeħlu fit-​tajn, u dan ta vantaġġ lil Barak. Għalhekk, din l-​arma qerrieda prinċipali tal-​Kangħanin saret xkiel għalihom. Rigward l-​iġsma mejtin taʼ l-​irġiel taʼ Sisera, l-​għanja tgħid: “Ġarrhom il-​wied taʼ Kison.”​—Mħallfin 5:​4, 21.

Hija din is-​sitwazzjoni taʼ min jemminha? Il-​wied taʼ Kison huwa wadi, il-​qiegħ taʼ xmara żgħira li normalment ftit ikun fiha ilma. Wara xi maltempati jew ħafna xita, dawn ix-​xmajjar żgħar x’aktarx jogħlew u jsiru kurrenti taʼ ilma perikolużi għaddejjin b’ħeffa kbira. Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, sempliċement 15-il minuta taʼ xita fuq il-​ħamrija taflija fl-​istess inħawi jingħad li pperikolat is-​suċċess taʼ l-​attakki tal-​kavallerija. Rakkonti dwar il-​battalja tal-​Muntanja Tabor bejn Napuljun u t-​Torok fis-​16 t’April taʼ l-​1799 jgħidu li “ħafna minn dawn taʼ l-​aħħar għerqu meta pprovaw jaħarbu min-​naħa tal-​pjanura mgħarrqa fit-​tajn minħabba l-​Kison.”

Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-​istorja Lhudi, jistqarr li hekk kif kienu se jiltaqgħu l-​armati taʼ Sisera u Barak, “qamet maltempata kbira u mis-​sema bdiet nieżla xita bil-​qliel u ħafna silġ, u r-​riħ tant beda jonfoħ xita f’wiċċ il-​Kangħanin li dawn bil-​kemm setgħu jaraw, u għalhekk il-​vleġeġ u l-​iżbandoli xejn ma swewlhom.”

Mħallfin 5:​20 jgħid: “Sa l-​kwiekeb tqabdu mis-​smewwiet, il-​kwiekeb minn triqathom tqabdu maʼ Sisera.” Il-​kwiekeb kif iġġieldu kontra Sisera? Xi wħud iqisu din l-​istqarrija bħala referenza għall-​għajnuna mingħand Alla. Suġġerimenti oħra jippontaw lejn għajnuna mill-​anġli, xita taʼ meteoriti, jew id-​dipendenza taʼ Sisera fuq it-​tbassir astroloġiku li kien falz. Ladarba l-​Bibbja ma tagħti ebda spjegazzjoni taʼ kif il-​kwiekeb iġġieldu f’din il-​battalja, nistgħu sempliċement nifhmu din l-​istqarrija bħala li hi indikazzjoni taʼ xi intervent divin għan-​nom taʼ l-​armata Iżraelija. Kien x’kien il-​każ, l-​Iżraelin ħadu vantaġġ sħiħ mis-​sitwazzjoni. “Barak għamel għal wara l-​karrijiet . . . u waqaʼ l-​eżerċtu kollu taʼ Sisera b’xifer ix-​xabla, u anqas wieħed ma baqaʼ minnhom.” (Mħallfin 4:​16) X’sar minn Sisera, il-​kap taʼ l-​armata?

L-​Oppressur Jaqaʼ Permezz taʼ Id “Mara”

Il-​Bibbja tgħid: “Sisera [abbanduna l-​battalja u] ħarab bil-​mixi lejn it-​tinda taʼ Ġagħel, il-​mara taʼ Ħeber il-​Keni, għax kien hemm il-​paċi bejn Ġabin, is-​sultan taʼ Ħasor, u bejn id-​dar taʼ Ħeber il-​Keni.” Ġagħel stiednet lil Sisera, li kien għajjien mejjet, fit-​tinda tagħha, tagħtu ftit ħalib x’jixrob, għattietu, u raqad. Imbagħad Ġagħel “ħadet kunjard tat-​tined, qabdet martell f’idha,” affarijiet li xi ħadd li kien jgħix fit-​tined kien jużahom regolarment. Imbagħad “resqet ħdejh inkiss inkiss, u sammret il-​kunjard ġo ngħasu u nifdithulu sa l-​art. U hu kien għajjien u rieqed fil-​fond, u baqaʼ mejjet hemm.”​—Mħallfin 4:​17-​21.

Ġagħel imbagħad ħarġet biex tiltaqaʼ maʼ Barak u qaltlu: “Ejja, u ara r-​raġel li int qiegħed tfittex.” Ir-​rakkont ikompli: “U daħal għandha, u hemm kien Sisera mejjet fl-​art, u l-​kunjard f’ngħasu.” Min jaf dan kemm saħħaħ il-​fidi taʼ Barak! Iktar qabel, il-​profetessa Debora kienet qaltlu: “Ma jkollokx glorja fit-​triq li se taqbad, għaliex b’id taʼ mara se jbigħ il-​Mulej lil Sisera.”​—Mħallfin 4:​9, 22.

Jistgħu l-​azzjonijiet taʼ Ġagħel jissejħu tradiment? Jehovah ma qishiex b’dan il-​mod. “Fost in-​nisa taʼ l-​għerejjex imbierka,” kienet tgħid l-​għanja tar-​rebħa taʼ Barak u Debora. Din l-​għanja turina kif għandha titqies il-​mewt taʼ Sisera. Ommu hija deskritta bħala li qed tistennieh b’ansjetà jirritorna mill-​battalja. Hi tistaqsi: “X’kien iddawwar ma ġie l-​mirkeb tiegħu?” “L-​egħref fost il-​kbarat tan-​nisa tagħha” jipprovaw jikkalmaw il-​biżaʼ tagħha billi jissuġġerixxu li hu żgur kien qed jaqsam il-​priża tal-​battalja​—ilbiesi rrakkmati mill-​isbaħ u tfajliet għall-​irġiel. In-​nisa jistaqsu: “Humiex ifittxu jaqsmu l-​priża? Lil kull raġel, tfajla jew tnejn; priża taʼ xaqaq bil-​kulur u r-​rakkmu, żewġ xaqaq bil-​kulur u r-​rakkmu, għal għonq Sisera?”​—Mħallfin 5:​24, 28-​30.

Tagħlimiet Għalina

Ir-​rakkont taʼ Barak jgħallimna lezzjoni importanti. Kulmin jeskludi lil Jehovah minn ħajtu żgur li se jkollu problemi u frustrazzjonijiet. Ħelsien mill-​moħqrija taʼ diversi tipi hu possibbli għal dawk li bi ndiema jduru lejn Alla u jeżerċitaw fidi fih. U m’għandniex aħna wkoll nikkultivaw l-​ispirtu taʼ ubbidjenza? Anki meta dak li jirrikjedi Alla jidher li jmur kontra r-​raġunar tal-​bnedmin, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li l-​istruzzjonijiet tiegħu huma dejjem għall-​ġid dejjiemi tagħna. (Isaija 48:​17, 18) Kien biss billi eżerċita fidi f’Jehovah u obda l-​istruzzjonijiet divini li Barak irnexxielu jħarbat “l-​eżerċti tal-​barranin.”​—Lhud 11:​32-​34.

Il-konklużjoni inkuraġġanti taʼ l-​għanja taʼ Debora u Barak hi: “Hekk jintemmu l-​għedewwa tiegħek, Jaħweh! Imma dawk li jħobbuk, bħal ħruġ ix-​xemx fil-​qawwa tagħha!” (Mħallfin 5:​31) Kemm se jkun veru dan meta Jehovah iġib fit-​tmiem id-​dinja mill-​agħar taʼ Satana!

[Stampa f’paġna 29]

Jehovah uża lil Debora biex isejjaħ lil Barak

[Stampa f’paġna 31]

Ix-​Xmara Kison taqbeż ix-​xtut tagħha

[Sors]

Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.

[Stampa f’paġna 31]

Il-​Muntanja Tabor

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja