Imħallfin
5 Dakinhar Debora, flimkien maʼ Barak bin Abinogħam, kantat din l-għanja:
2 “Talli f’Iżrael ħallew xagħarhom imniżżel b’wegħda għall-gwerra,
Talli n-nies offrew ruħhom bħala volontieri,
Faħħru lil Ġeħova!
3 Isimgħu rejiet! Agħtu widen mexxejja!
Lil Ġeħova se nkanta.
Se nfaħħar bil-kant lil* Ġeħova, l-Alla t’Iżrael.
4 Meta Ġeħova ħareġ mis-Segħir,
Meta mexa ’l barra mit-territorju t’Edom,
L-art triegħdet, u s-sema qattret,
Is-sħab qattar l-ilma.
5 Il-muntanji dabu* minn quddiem wiċċ Ġeħova,
Anki s-Sinaj minn quddiem wiċċ Ġeħova, l-Alla t’Iżrael.
6 F’jiem Samgar bin Għanat,
F’jiem Ġagħel, ma kien hemm ħadd fit-toroq prinċipali;
Dawk li jivvjaġġaw kienu jgħaddu minn toroq oħra.
7 Ma kienx baqaʼ nies fl-irħula t’Iżrael;
Ma kien baqaʼ ħadd sakemm qomt jien, Debora,
Sakemm qomt bħala omm f’Iżrael.
8 Huma għażlu allat ġodda;
Imbagħad kien hemm gwerra f’bibien il-belt.
Ma dehritx tarka, lanqas lanza,
Fost 40,000 raġel f’Iżrael.
9 Qalbi hi mal-kmandanti t’Iżrael,
Li marru bħala volontieri mal-poplu.
Faħħru lil Ġeħova!
10 Intom li tirkbu fuq ħmir kannella ċar,
Intom li toqogħdu bilqiegħda fuq tapiti fini,
U intom li timxu fit-triq,
Ikkunsidraw dan:
11 Ħdejn il-bjar instemgħu l-ilħna taʼ dawk li jqassmu l-ilma,
Hemmhekk kienu qed jirrakkontaw l-atti ġusti taʼ Ġeħova,
L-atti ġusti tan-nies tiegħu li jgħixu fl-irħula t’Iżrael.
Imbagħad, il-poplu taʼ Ġeħova niżel lejn il-bibien tal-bliet.
12 Stenbaħ, stenbaħ Debora!
Stenbaħ, stenbaħ, kanta għanja!
Qum Barak! Mexxi lill-ilsiera tiegħek lil hemm, bin Abinogħam!
13 Imbagħad dawk li kien baqaʼ niżlu ħdejn il-mexxejja;
Il-poplu taʼ Ġeħova niżel ħdejja kontra dawk b’saħħithom.
Minn Makir niżlu l-kmandanti,
U dawk li għażlu s-suldati* huma mit-tribù taʼ Żebulun.
15 Il-kapijiet tat-tribù taʼ Issakar kienu maʼ Debora,
U bħalma kien magħha Issakar, hekk ukoll kien Barak.
Hu ntbagħat bil-mixi lejn il-pjanura tal-wied.*
Imma qalb it-tribù taʼ Ruben kienet indeċiża.*
16 Għala qgħadt bilqiegħda bħal annimal tat-tagħbija taħt iż-żewġ xkejjer taʼ mas-sarġ,
Tismaʼ lir-ragħajja jdoqqu l-fifra għall-imrieħel?
Iva, qalb it-tribù taʼ Ruben kienet indeċiża.*
17 Dawk li joqogħdu Gilegħad baqgħu n-naħa l-oħra tal-Ġordan;
U t-tribù taʼ Dan għala baqaʼ mal-vapuri?
It-tribù t’Aser qagħad bilqiegħda jitgħażżen f’xatt il-baħar,
U baqaʼ ħdejn il-portijiet tiegħu.
18 Żebulun kien poplu li ssogra ħajtu sal-mewt;
Anki l-poplu taʼ Naftali ssogra ħajtu fuq l-għoljiet.
19 F’Tagħnak, ħdejn l-ilmijiet taʼ Megiddo,
Ġew ir-rejiet u ġġieldu;
Ir-rejiet taʼ Kangħan iġġieldu
Imma ma ħadu ebda fidda.
21 Il-wied taʼ Kison kaxkarhom,
Il-wied antik, il-wied taʼ Kison.
Jien għaffiġt taħt saqajja lil dawk b’saħħithom.
22 Imbagħad id-dwiefer taż-żwiemel ħabbtu mal-art
Hekk kif iż-żwiemel tiegħu ġrew ħafna biex jipprovaw jaħarbu.
23 ‘Isħtu lil Meroż,’ qal l-anġlu taʼ Ġeħova,
‘Iva, isħtu lin-nies t’hemm,
Għax ma ġewx jgħinu lil Ġeħova,
Jgħinu lil Ġeħova mal-gwerriera b’saħħithom.’
24 Ġagħel mart Ħeber il-Keni
Hi l-iktar imbierka fost in-nisa;
Hi l-iktar imbierka fost in-nisa li jgħixu fit-tined.
25 Hu talab l-ilma u hi tatu l-ħalib.
Fi skutella sabiħa tatu ħalib magħqud.*
26 Imbagħad qabdet il-musmar tat-tinda,
U b’idha l-leminija qabdet il-martell tal-ħaddiema.
Hi sammret lil Sisera u farrkitlu rasu;
Faqgħatlu u nifditlu l-ġenb taʼ rasu.
27 Ħdejn saqajha niżel; hu waqaʼ u ma ċċaqlaqx;
Ħdejn saqajha niżel u waqaʼ;
Hu miet hemmhekk fejn waqaʼ.
28 Mara ħarset mit-tieqa,
Omm Sisera ttawlet mit-tieqa bil-grada,*
‘Il-karru tiegħu tal-gwerra għala qed idum ma jiġi?
Għala għadni mhux qed nismaʼ ż-żwiemel tiegħu?’
29 L-iktar għorrief min-nisa nobbli tagħha kienu jwiġbuha.
Iva, anki hi kienet tgħid lilha nfisha:
30 ‘X’aktarx qed iqassmu dak li sabu,
Tfajla* jew tnejn għal kull gwerrier,
Drapp bil-kulur għal Sisera, iva, drapp bil-kulur għalih,
Libsa rrakkmata, drapp bil-kulur, biċċtejn drapp irrakkmati
Għal għonq l-irġiel li kienu miegħu.’
31 B’hekk, ħa jinqerdu l-għedewwa kollha tiegħek, Ġeħova.
Imma ħa jiddu bħax-xemx dawk li jħobbuk.”
U l-art kienet fil-paċi* għal 40 sena.