Bil-fidi, Barak Ħarbat Armata b’Saħħitha
IMMAĠINA li tiġi wiċċ imbwiċċ maʼ battaljun taʼ suldati ostili. Huma armati bl-aħħar tagħmir militari, u jinsabu lesti biex jużawh. Quddiemhom, int u sħabek tinsabu prattikament bla difiża.
Matul il-perijodu taʼ l-imħallfin taʼ Iżrael, Barak, Debora, u 10,000 Iżraeli għaddew minn esperjenza bħal din. L-għedewwa kienu l-Kangħanin immexxijin mill-kmandat militari Sisera. L-armi tagħhom kienu jinkludu karrijiet bir-roti armati bi mnieġel tal-ħadid qattiela. Il-post kien il-Muntanja Tabor u l-wied taʼ Kison. Dak li ġara hemmhekk jidentifika lil Barak bħala raġel taʼ fidi eżemplari. Ikkunsidra l-ġrajjiet li seħħew qabel din il-konfrontazzjoni.kkmu
Iżrael Isejjaħ lil Jehovah
Il-ktieb taʼ l-Imħallfin jgħidilna dwar kemm-il darba Iżrael abbanduna l-qima pura u l-konsegwenzi diżastrużi taʼ dawn l-azzjonijiet. Kull darba, sar talb b’mod sinċier għall-maħfra t’Alla, inħatar salvatur, inħelsu, imbagħad reġgħu rribellaw. Fi qbil maʼ dan, “wara li miet Eħud, [imħallef li salvahom mill-moħqrija tal-Mowabin] ulied Iżrael reġgħu għamlu l-ħażen f’għajnejn il-Mulej.” Fil-fatt, ħatru “allat ġodda.” X’kien ir-riżultat? ‘Il-Mulej biegħhom f’id Ġabin, sultan taʼ Kangħan, li kien isaltan f’Ħasor; u l-kmandant taʼ l-eżerċtu tiegħu kien Sisera . . . U wlied Iżrael għajjtu lill-Mulej, għax dan [Sisera] kellu disaʼ mitt karru [“bi mnieġel tal-ħadid,” NW], u kien ilu jgħakkes lil ulied Iżrael għal għoxrin sena sħaħ.’—Mħallfin 4:1-3; 5:8.
Rigward il-ħajja f’Iżrael, l-Iskrittura tgħid: “[F’dawk il-jiem] waqfu l-karwani: u fl-imwarrab terrqu n-nies; ħemdu l-irħula.” (Mħallfin 5:6, 7) In-nies kienu jibżgħu mill-ħallelin jiġru bil-karrijiet. Wieħed studjuż jgħid: “Il-ħajja tan-nies f’Iżrael kienet maħkuma mill-biżaʼ, il-komunità kollha kienet qisha paralizzata u bla ħila.” Għalhekk, bħalma kienu għamlu qabel, l-Iżraelin skuraġġiti sejħu lil Jehovah għall-għajnuna.
Jehovah Jaħtar Mexxej
Il-moħqrija mill-Kangħanin saret żmien taʼ kriżi nazzjonali għal Iżrael. Alla uża lill-profetessa Debora biex tesprimi l-ġudizzji u l-istruzzjonijiet tiegħu. Jehovah b’hekk taha l-privileġġ li taġixxi bħala omm figurattiva f’Iżrael.—Mħallfin 4:4; 5:7.
Debora bagħtet għal Barak u qaltlu: “[“Ma tax Jehovah l-Alla taʼ Iżrael il-kmand?”, NW] ‘Mur u ħu għaxart elef raġel minn ulied Naftali u minn ulied Żebulun, u erħilha bihom lejn il-muntanja tat-Tabor. U jien inġiblek ħdejn il-wied taʼ Kison lil Sisera, il-kmandant taʼ l-eżerċtu taʼ Ġabin, bil-karrijiet u l-kotra tiegħu, u nerħih f’idejk.’” (Mħallfin 4:6, 7) Billi qalet ‘ma tax Jehovah il-kmand?’ Debora għamlitha ċara li ma kellha l-ebda awtorità persunali fuq Barak. Hi sempliċement aġixxiet bħala l-mezz li Alla uża biex jagħti l-kmand tiegħu. Barak kif wieġeb?
“Jekk int tiġi miegħi,” qal Barak, “jien immur; jekk ma tiġix miegħi, ma mmurx.” (Mħallfin 4:8) Barak għala żamm lura milli jaċċetta responsabbiltà mingħand Alla? Kien hu qed jaġixxi taʼ beżżiegħ? Kien hu qed juri nuqqas taʼ fiduċja fil-wegħdi t’Alla? Le. Barak ma rrifjutax l-inkarigu, u lanqas ma kien diżubbidjenti lejn Jehovah. Minflok, it-tweġiba tiegħu wriet li ma ħassux kapaċi jwettaq il-kmand t’Alla waħdu. Il-preżenza tar-rappreżentanta t’Alla kienet se tassigura gwida divina u timla lilu u lill-irġiel tiegħu bil-kuraġġ. Għalhekk, minflok ma kienet sinjal taʼ dgħjufija, il-kundizzjoni li għamel Barak kienet indikazzjoni taʼ fidi b’saħħitha.
Ir-reazzjoni taʼ Barak tistaʼ titqabbel maʼ dik taʼ Mosè, Gidgħon, u Ġeremija. Dawn l-irġiel ukoll ma kellhomx fiduċja fl-abbiltà tagħhom li jwettqu l-inkarigi mogħtijin lilhom minn Alla. Imma ma ġewx kunsidrati bħala li huma inqas leali minħabba f’hekk. (Eżodu 3:11–4:17; 33:12-17; Mħallfin 6:11-22, 36-40; Ġeremija 1:4-10) U x’nistgħu ngħidu dwar l-attitudni taʼ Debora? Hi ma pprovatx tieħu kollox f’idejha. Minflok, hi baqgħet qaddejja modesta taʼ Jehovah. “Jien niġi miegħek,” qalet lil Barak. (Mħallfin 4:9) Hi kienet lesta li titlaq minn darha—post taʼ sigurtà akbar—u tingħaqad maʼ Barak għall-battalja li kienet riesqa. Anki Debora hija eżempju taʼ fidi u kuraġġ.
Bil-Fidi Jsegwu lil Barak
Il-post fejn inġabru l-forzi militari taʼ Iżrael kien muntanja magħrufa jisimha Tabor. Dan il-post kien ideali. Kien iservi bħala l-post naturali fejn kienu jiltaqgħu t-tribujiet taʼ Naftali u Żebulun, li kienu jgħixu fil-viċin. Għalhekk, skond kif kien ordna Alla, għaxart elef volontier—u Debora—segwew lil Barak fuq il-muntanja.
Kien hemm bżonn tal-fidi min-naħa taʼ dawk kollha li ngħaqdu maʼ Barak. Jehovah kien wiegħed lil Barak rebħa fuq il-Kangħanin, imma x’armi kellhom dawn l-Iżraelin? Mħallfin 5:8 jgħid: “Tarka f’Iżrael ma kinitx tidher, u lanqas lanza f’erbgħin elf f’Iżrael.” Mela, l-Iżraelin ftit kellhom armi. Xorta waħda, il-lanez u t-tarki żgur li kienu inferjuri meta mqabblin mal-karrijiet tal-gwerra armati bi mnieġel tal-ħadid. Wara li semaʼ li Barak kien telaʼ fuq il-Muntanja Tabor, Sisera mill-ewwel ġabar il-karrijiet u t-truppi fil-wied taʼ Kison. (Mħallfin 4:12, 13) Dak li Sisera naqas li jirrealizza kien li hu kien se jiġġieled kontra Alla li Jistaʼ Kollox.
Barak Iħarbat l-Armata taʼ Sisera
Meta wasal il-mument taʼ konfrontazzjoni, Debora qalet lil Barak: “Qum għax dan hu l-jum li fih il-Mulej reħa f’idejk lil Sisera. Il-Mulej se joħroġ quddiemek.” Barak u l-armata tiegħu kellhom jinżlu mill-quċċata tal-Muntanja Tabor għal ġol-wied, imma hemmhekk il-karrijiet taʼ Sisera kien se jkollhom vantaġġ strateġiku. Kif kont tħossok int kieku kont fl-armata taʼ Barak? Kont tobdi mill-ewwel, billi tiftakar li dik id-direzzjoni kienet ġejja mingħand Jehovah? Barak u l-għaxart elef raġel tiegħu obdew. “U l-Mulej ħarbat lil Sisera, u l-karrijiet tiegħu, u l-kotra kollha għaddiehom minn xifer ix-xabla quddiem Barak.”—Mħallfin 4:14, 15.
Bl-għajnuna taʼ Jehovah, Barak ħarbat l-armata taʼ Sisera. Ir-rakkont tal-battalja ma jispjegax kulma ġara. Madankollu, l-għanja tar-rebħa taʼ Barak u Debora tgħid li ‘s-smewwiet u s-sħab qattru l-ilma.’ Probabbilment, maltempata ġagħlet il-karrijiet taʼ Sisera jeħlu fit-tajn, u dan ta vantaġġ lil Barak. Għalhekk, din l-arma qerrieda prinċipali tal-Kangħanin saret xkiel għalihom. Rigward l-iġsma mejtin taʼ l-irġiel taʼ Sisera, l-għanja tgħid: “Ġarrhom il-wied taʼ Kison.”—Mħallfin 5:4, 21.
Hija din is-sitwazzjoni taʼ min jemminha? Il-wied taʼ Kison huwa wadi, il-qiegħ taʼ xmara żgħira li normalment ftit ikun fiha ilma. Wara xi maltempati jew ħafna xita, dawn ix-xmajjar żgħar x’aktarx jogħlew u jsiru kurrenti taʼ ilma perikolużi għaddejjin b’ħeffa kbira. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, sempliċement 15-il minuta taʼ xita fuq il-ħamrija taflija fl-istess inħawi jingħad li pperikolat is-suċċess taʼ l-attakki tal-kavallerija. Rakkonti dwar il-battalja tal-Muntanja Tabor bejn Napuljun u t-Torok fis-16 t’April taʼ l-1799 jgħidu li “ħafna minn dawn taʼ l-aħħar għerqu meta pprovaw jaħarbu min-naħa tal-pjanura mgħarrqa fit-tajn minħabba l-Kison.”
Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-istorja Lhudi, jistqarr li hekk kif kienu se jiltaqgħu l-armati taʼ Sisera u Barak, “qamet maltempata kbira u mis-sema bdiet nieżla xita bil-qliel u ħafna silġ, u r-riħ tant beda jonfoħ xita f’wiċċ il-Kangħanin li dawn bil-kemm setgħu jaraw, u għalhekk il-vleġeġ u l-iżbandoli xejn ma swewlhom.”
Mħallfin 5:20 jgħid: “Sa l-kwiekeb tqabdu mis-smewwiet, il-kwiekeb minn triqathom tqabdu maʼ Sisera.” Il-kwiekeb kif iġġieldu kontra Sisera? Xi wħud iqisu din l-istqarrija bħala referenza għall-għajnuna mingħand Alla. Suġġerimenti oħra jippontaw lejn għajnuna mill-anġli, xita taʼ meteoriti, jew id-dipendenza taʼ Sisera fuq it-tbassir astroloġiku li kien falz. Ladarba l-Bibbja ma tagħti ebda spjegazzjoni taʼ kif il-kwiekeb iġġieldu f’din il-battalja, nistgħu sempliċement nifhmu din l-istqarrija bħala li hi indikazzjoni taʼ xi intervent divin għan-nom taʼ l-armata Iżraelija. Kien x’kien il-każ, l-Iżraelin ħadu vantaġġ sħiħ mis-sitwazzjoni. “Barak għamel għal wara l-karrijiet . . . u waqaʼ l-eżerċtu kollu taʼ Sisera b’xifer ix-xabla, u anqas wieħed ma baqaʼ minnhom.” (Mħallfin 4:16) X’sar minn Sisera, il-kap taʼ l-armata?
L-Oppressur Jaqaʼ Permezz taʼ Id “Mara”
Il-Bibbja tgħid: “Sisera [abbanduna l-battalja u] ħarab bil-mixi lejn it-tinda taʼ Ġagħel, il-mara taʼ Ħeber il-Keni, għax kien hemm il-paċi bejn Ġabin, is-sultan taʼ Ħasor, u bejn id-dar taʼ Ħeber il-Keni.” Ġagħel stiednet lil Sisera, li kien għajjien mejjet, fit-tinda tagħha, tagħtu ftit ħalib x’jixrob, għattietu, u raqad. Imbagħad Ġagħel “ħadet kunjard tat-tined, qabdet martell f’idha,” affarijiet li xi ħadd li kien jgħix fit-tined kien jużahom regolarment. Imbagħad “resqet ħdejh inkiss inkiss, u sammret il-kunjard ġo ngħasu u nifdithulu sa l-art. U hu kien għajjien u rieqed fil-fond, u baqaʼ mejjet hemm.”—Mħallfin 4:17-21.
Ġagħel imbagħad ħarġet biex tiltaqaʼ maʼ Barak u qaltlu: “Ejja, u ara r-raġel li int qiegħed tfittex.” Ir-rakkont ikompli: “U daħal għandha, u hemm kien Sisera mejjet fl-art, u l-kunjard f’ngħasu.” Min jaf dan kemm saħħaħ il-fidi taʼ Barak! Iktar qabel, il-profetessa Debora kienet qaltlu: “Ma jkollokx glorja fit-triq li se taqbad, għaliex b’id taʼ mara se jbigħ il-Mulej lil Sisera.”—Mħallfin 4:9, 22.
Jistgħu l-azzjonijiet taʼ Ġagħel jissejħu tradiment? Jehovah ma qishiex b’dan il-mod. “Fost in-nisa taʼ l-għerejjex imbierka,” kienet tgħid l-għanja tar-rebħa taʼ Barak u Debora. Din l-għanja turina kif għandha titqies il-mewt taʼ Sisera. Ommu hija deskritta bħala li qed tistennieh b’ansjetà jirritorna mill-battalja. Hi tistaqsi: “X’kien iddawwar ma ġie l-mirkeb tiegħu?” “L-egħref fost il-kbarat tan-nisa tagħha” jipprovaw jikkalmaw il-biżaʼ tagħha billi jissuġġerixxu li hu żgur kien qed jaqsam il-priża tal-battalja—ilbiesi rrakkmati mill-isbaħ u tfajliet għall-irġiel. In-nisa jistaqsu: “Humiex ifittxu jaqsmu l-priża? Lil kull raġel, tfajla jew tnejn; priża taʼ xaqaq bil-kulur u r-rakkmu, żewġ xaqaq bil-kulur u r-rakkmu, għal għonq Sisera?”—Mħallfin 5:24, 28-30.
Tagħlimiet Għalina
Ir-rakkont taʼ Barak jgħallimna lezzjoni importanti. Kulmin jeskludi lil Jehovah minn ħajtu żgur li se jkollu problemi u frustrazzjonijiet. Ħelsien mill-moħqrija taʼ diversi tipi hu possibbli għal dawk li bi ndiema jduru lejn Alla u jeżerċitaw fidi fih. U m’għandniex aħna wkoll nikkultivaw l-ispirtu taʼ ubbidjenza? Anki meta dak li jirrikjedi Alla jidher li jmur kontra r-raġunar tal-bnedmin, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li l-istruzzjonijiet tiegħu huma dejjem għall-ġid dejjiemi tagħna. (Isaija 48:17, 18) Kien biss billi eżerċita fidi f’Jehovah u obda l-istruzzjonijiet divini li Barak irnexxielu jħarbat “l-eżerċti tal-barranin.”—Lhud 11:32-34.
Il-konklużjoni inkuraġġanti taʼ l-għanja taʼ Debora u Barak hi: “Hekk jintemmu l-għedewwa tiegħek, Jaħweh! Imma dawk li jħobbuk, bħal ħruġ ix-xemx fil-qawwa tagħha!” (Mħallfin 5:31) Kemm se jkun veru dan meta Jehovah iġib fit-tmiem id-dinja mill-agħar taʼ Satana!
[Stampa f’paġna 29]
Jehovah uża lil Debora biex isejjaħ lil Barak
[Stampa f’paġna 31]
Ix-Xmara Kison taqbeż ix-xtut tagħha
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampa f’paġna 31]
Il-Muntanja Tabor