Isaija
35 Ix-xagħri u l-art niexfa se jifirħu,
U l-pjanura tad-deżert se tifraħ u twarrad bħaż-żagħfran.
2 Żgur li se twarrad;
Din se tifraħ u tgħajjat bil-ferħ.
Lilha se tingħata l-glorja tal-Libanu,
U s-sbuħija tal-Karmel u tas-Saron.
In-nies se jaraw il-glorja taʼ Ġeħova, is-sbuħija tal-Alla tagħna.
3 Saħħu l-idejn dgħajfin
U ssodaw l-irkopptejn li qed jitriegħdu.
“Kunu kuraġġużi. Tibżgħux.
L-Alla tagħkom stess se jiġi biex jagħmel vendetta,
Alla se jiġi biex jikkastiga.
Hu ġej u se jsalvakom.”
5 Dak iż-żmien, dawk li ma jarawx se jaraw
U dawk li ma jisimgħux se jibdew jisimgħu.
6 Dak iż-żmien, dawk li jzappu se jaqbżu bħaċ-ċriev
U dawk li ma jitkellmux se jgħajtu bil-ferħ.
Mix-xagħri se joħorġu l-ilmijiet,
U mill-pjanura tad-deżert ix-xmajjar.
7 L-art qoxqox se ssir għadira bil-qasab,
U l-art bil-għatx se ssir għejun tal-ilma.
Fil-post fejn jistrieħu l-klieb slavaġ,
Se jkun hemm ħaxix aħdar u papiru.
8 U se jkun hemm triq prinċipali,
Iva, triq li tissejjaħ it-Triq tal-Qdusija.
Din se tkun għal dak li jimxi fit-triq.
Min mhux nadif, ma jgħaddix minnha,
L-ebda iblah mhu se jimxi fiha.
9 Ebda ljun mhu se jkun hemm,
U ebda bhima feroċi mhu se tmur fiha.
Mhumiex se jkunu hemm.
Dawk biss li ġew mixtrijin lura mill-eżilju se jimxu fiha.
10 Dawk mifdijin* minn Ġeħova se jmorru lura Sijon b’għajjat taʼ ferħ.
Il-ferħ tagħhom qatt mhu se jispiċċa.
Se jkunu kuntenti u ferħanin
U mhux se jibku u jkunu mdejqin.