Ġenesi
11 Issa l-art kollha kellha lingwa waħda u ġabra waħda taʼ kliem.* 2 Meta n-nies telqu lejn il-Lvant skoprew pjanura fl-art tas-Sinar, u bdew jgħixu hemmhekk. 3 U qalu lil xulxin: “Ejja nagħmlu l-briks u nsajruh fin-nar.” Għalhekk użaw il-briks minflok il-ġebel, u l-qatran minflok it-tajn. 4 Imbagħad qalu: “Ejja nibnu belt għalina u torri bil-quċċata tiegħu fis-sema, u ejja nagħmlu isem għalina, biex ma ninxterdux fuq wiċċ l-art kollha.”
5 U Ġeħova dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn* il-belt u t-torri li kienu bnew il-bnedmin. 6 Imbagħad Ġeħova qal: “Huma poplu wieħed b’lingwa waħda, u dan għadu l-bidu taʼ xogħolhom. Issa m’hemm xejn li jżommhom lura milli jagħmlu kulma jiġi f’moħħhom. 7 Ejja mmorru nħawdulhom il-lingwa tagħhom biex ma jkunux jistgħu jifhmu l-lingwa taʼ xulxin.” 8 Għalhekk, Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq wiċċ l-art kollha, u bil-mod il-mod ma baqgħux jibnu l-belt. 9 Huwa għalhekk li din il-belt issemmiet Babel,* għaliex hemmhekk Ġeħova ħawwad il-lingwa tal-art kollha, u Ġeħova xerridhom minn hemmhekk għal fuq wiċċ l-art kollha.
10 Din hi l-istorja taʼ Sem.
Sem kellu 100 sena meta kellu lil Arfaksad, sentejn wara d-Dulluvju. 11 Wara li kellu lil Arfaksad, Sem għex 500 sena oħra. U hu kellu subien u bniet.
12 Arfaksad għex 35 sena u mbagħad kellu lil Selaħ. 13 Wara li kellu lil Selaħ, Arfaksad għex 403 snin oħra. U hu kellu subien u bniet.
14 Selaħ għex 30 sena u mbagħad kellu lil Għeber. 15 Wara li kellu lil Għeber, Selaħ għex 403 snin oħra. U hu kellu subien u bniet.
16 Għeber għex 34 sena u mbagħad kellu lil Peleg. 17 Wara li kellu lil Peleg, Għeber għex 430 sena oħra. U hu kellu subien u bniet.
18 Peleg għex 30 sena u mbagħad kellu lil Regħu. 19 Wara li kellu lil Regħu, Peleg għex 209 snin oħra. U hu kellu subien u bniet.
20 Regħu għex 32 sena u mbagħad kellu lil Serug. 21 Wara li kellu lil Serug, Regħu għex 207 snin oħra. U hu kellu subien u bniet.
22 Serug għex 30 sena u mbagħad kellu lil Naħor. 23 Wara li kellu lil Naħor, Serug għex 200 sena oħra. U hu kellu subien u bniet.
24 Naħor għex 29 sena u mbagħad kellu lil Teraħ. 25 Wara li kellu lil Teraħ, Naħor għex 119-il sena oħra. U hu kellu subien u bniet.
26 Teraħ għex 70 sena u mbagħad kellu lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran.
27 Din hi l-istorja taʼ Teraħ.
Teraħ kellu lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran; u Ħaran kellu lil Lot. 28 Waqt li missieru Teraħ kien għadu ħaj, Ħaran miet f’art twelidu, f’Ur tal-Kaldin. 29 Abram u Naħor iżżewġu: mart Abram kien jisimha Saraj, u mart Naħor kien jisimha Milka. Milka kienet it-tifla taʼ Ħaran u oħtha kienet Iska. 30 Issa Saraj baqgħet bla tfal; hi ma setax ikollha.
31 Imbagħad Teraħ ħa lil ibnu Abram, lil neputih Lot bin Ħaran, u lil Saraj mart Abram, u ħarġu minn Ur tal-Kaldin biex imorru fl-art taʼ Kangħan. Wara xi żmien, waslu Ħaran u bdew jgħixu hemmhekk. 32 Teraħ għex 205 snin. Imbagħad Teraħ miet f’Ħaran.