Atti—Dak li Għamlu l-Appostli
14 F’Ikonju, Pawlu u Barnaba daħlu flimkien fis-sinagoga tal-Lhud u tkellmu b’tali mod li folla kbira taʼ Lhud kif ukoll Griegi* saru dixxipli. 2 Imma l-Lhud li m’emmnux xewxu lin-nies tal-popli u ġegħluhom jiħduha kontra l-aħwa. 3 Għalhekk, għal diversi ġimgħat, huma ppritkaw bil-kuraġġ bl-awtorità taʼ Ġeħova.* Permezz tagħhom, hu għamel mirakli u affarijiet tal-għaġeb biex jikkonferma l-messaġġ li kienu qed jippritkaw, jiġifieri l-messaġġ dwar il-qalb tajba kbira tiegħu. 4 Però, in-nies tal-belt kienu maqsumin, min kien qed iżomm mal-Lhud u min mal-appostli. 5 Meta n-nies tal-popli kif ukoll il-Lhud bil-mexxejja tagħhom ippruvaw jittrattawhom ħażin u joqtluhom billi jwaddbulhom il-ġebel, 6 huma saru jafu b’dan u ħarbu lejn il-bliet taʼ Listra u Derbe fil-Likaonja u lejn l-irħula li huma viċin dawn il-bliet. 7 Hemmhekk komplew ixandru l-aħbar tajba.
8 F’Listra kien hemm wieħed raġel bilqiegħda li twieled b’diżabilità. Hu kellu saqajh ipparalizzati u qatt ma mexa. 9 Dan ir-raġel kien qed jismaʼ lil Pawlu, u Pawlu ħares lejh u nduna li hu kellu l-fidi li jistaʼ jfiq. 10 Għalhekk, qallu b’leħen għoli: “Qum,” u r-raġel qam b’qabża u beda jimxi. 11 Meta l-folol raw x’kien għamel Pawlu, huma għajtu bil-lingwa tal-Likaonja: “L-allat saru bħal bnedmin u niżlu għandna!” 12 Lil Barnaba bdew jgħidulu Żews, u lil Pawlu Erme, għax hu kien l-iktar wieħed li qed jitkellem. 13 U l-qassis taʼ Żews, li t-tempju tiegħu kien fid-daħla tal-belt, ġab barrin u kuruni tal-fjuri* fil-bibien tal-belt u ried joffri sagrifiċċji mal-folol.
14 Madankollu, meta l-appostli Barnaba u Pawlu semgħu dwar dan, huma ċarrtu ħwejjiġhom, marru jiġru lejn il-folla, u qalu b’leħen għoli: 15 “L-aħwa, għala qed tagħmlu dan? Aħna wkoll bnedmin bl-istess dgħufijiet bħalkom. Aħna qed inxandrulkom l-aħbar tajba biex ma tibqgħux tqimu affarijiet li ma jiswew għal xejn, imma tqimu lill-Alla l-ħaj, li għamel is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom. 16 Fil-passat hu ħalla lill-popli jagħmlu dak li jridu, 17 imma xorta ta xhieda tiegħu nnifsu bl-affarijiet tajbin li għamel, billi jagħtikom ix-xita mis-sema u l-istaġuni tal-frott. B’hekk jagħtikom ikel bl-abbundanza u jagħmilkom ferħanin.” 18 Imma minkejja li qalulhom dawn l-affarijiet, bilkemm setgħu jżommu l-folol milli jagħmlulhom sagrifiċċji.
19 Imbagħad waslu xi Lhud minn Antjokja u Ikonju u xewxu lill-folol kontra Pawlu, u dawn waddbu l-ġebel lil Pawlu u kaxkruh barra l-belt, għax ħasbu li kien mejjet. 20 Però, meta daru miegħu d-dixxipli, hu qam u daħal il-belt. L-għada hu telaq maʼ Barnaba lejn Derbe. 21 Wara li xandru l-aħbar tajba f’dik il-belt u għenu lil ħafna jsiru dixxipli, huma marru Listra, Ikonju, u Antjokja. 22 Hemmhekk huma saħħew lid-dixxipli* u inkuraġġewhom biex jibqgħu b’fidi soda u qalulhom: “Hemm bżonn li ngħaddu minn ħafna tbatijiet biex nidħlu fis-Saltna t’Alla.” 23 Iktar minn hekk, huma inkarigaw anzjani* f’kull kongregazzjoni. Imbagħad talbu, samu, u ħallewhom f’idejn Ġeħova,* li fih kienu jemmnu.
24 Imbagħad għaddew mill-Pisidja u waslu l-Pamfilja, 25 u wara li xandru l-kelma t’Alla f’Perga, marru Attalija. 26 Minn hemm huma vvjaġġaw bil-baħar lejn Antjokja. Din kienet il-belt fejn qabel l-aħwa kienu talbu lil Alla biex ibierek ix-xogħol taʼ Pawlu u Barnaba li issa kienu lestew.
27 Meta waslu u laqqgħu l-kongregazzjoni, huma rrakkontawlhom kemm Alla kien għamel affarijiet permezz tagħhom u li kien ta l-opportunità lill-popli biex jemmnu fih. 28 Imbagħad huma għamlu xi żmien mad-dixxipli.