Ġeremija
35 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova fi żmien ir-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda, bin Ġosija: 2 “Mur għand il-familja tar-Rekabin, tkellem magħhom, u ħudhom fid-dar taʼ Ġeħova, f’waħda mill-kmamar tal-ikel. Imbagħad offrilhom l-inbid.”
3 Għalhekk, jien ħadt lil Ġagħżanija bin Ġeremija u n-neputi taʼ Ħabassinija, lil ħutu, lit-tfal tiegħu kollha, u l-familja kollha tar-Rekabin 4 fid-dar taʼ Ġeħova. Jien daħħalthom fil-kamra tal-ikel tat-tfal taʼ Ħanan bin Igdalija, qaddej tal-Alla l-veru. Din kienet ħdejn il-kamra tal-ikel tal-mexxejja li kienet fuq il-kamra tal-ikel taʼ Magħseja bin Sallum l-għassies tal-bieb. 5 Imbagħad poġġejt tazzi mimlijin inbid quddiem l-irġiel tal-familja tar-Rekabin, u għedtilhom: “Ixorbu l-inbid.”
6 Imma huma qalu: “Aħna mhux se nixorbu nbid, għax l-antenat tagħna Ġeħonadab* bin Rekab tana dan il-kmand, ‘Intom u t-tfal tagħkom qatt m’għandkom tixorbu nbid. 7 U m’għandkomx tibnu djar, tiżirgħu żerriegħa, tħawlu d-dwieli, jew ikollkom għelieqi tad-dwieli. Minflok, għandkom dejjem tgħixu fit-tined ħalli jkollkom ħajja twila fl-art fejn qed tgħixu bħala barranin.’ 8 Għalhekk, bqajna nobdu dak kollu li kkmandana Ġeħonadab bin l-antenat tagħna Rekab, billi qatt ma nixorbu xi nbid, la aħna, la n-nisa tagħna, u lanqas it-tfal subien u bniet tagħna, 9 u ma nibnux djar biex ngħixu fihom, u lanqas għandna għelieqi tad-dwieli, għelieqi, jew xi żerriegħa. 10 Aħna bqajna ngħixu fit-tined u nobdu kulma kkmandana l-antenat tagħna Ġeħonadab.* 11 Imma meta r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja telaʼ kontra l-pajjiż, aħna għedna, ‘Ejja ħa mmorru Ġerusalemm biex naħarbu mill-armata tal-Kaldin u tas-Sirjani,’ u issa qed ngħixu Ġerusalemm.”
12 Imbagħad jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 13 “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Mur u għid lin-nies taʼ Ġuda u lil dawk li joqogħdu Ġerusalemm: “Ma kontux intom il-ħin kollu mħeġġin biex tobduni?” jgħid Ġeħova. 14 “Ġeħonadab bin Rekab ikkmanda lil dawk kollha li jiġu minnu biex ma jixorbux inbid, u huma għamlu dak li qalilhom billi sal-lum ma xorbux inbid, u b’hekk obdew il-kmand li tahom l-antenat tagħhom. Imma għalkemm jien għedtilkom għal darba wara l-oħra, intom m’obdejtunix. 15 Jien bqajt nibagħtilkom lill-qaddejja tiegħi l-profeti għal darba wara l-oħra, u għedtilkom, ‘Jekk jogħġobkom, duru lura. U kull wieħed minnkom ħa ma jibqax jagħmel dak li hu ħażin, imma dak li hu tajjeb. Tmorrux wara allat oħrajn u taqduhomx. Imbagħad tibqgħu tgħixu f’dan il-pajjiż li jien tajt lilkom u lil missirijietkom.’ Imma intom la tajtu kasi,* u lanqas smajtuni. 16 Il-familja taʼ Ġeħonadab bin Rekab obdew il-kmand li tahom l-antenat tagħhom, imma dan il-poplu ma semax minni.”’”
17 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova, l-Alla tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Jien se nġib fuq Ġuda u n-nies kollha taʼ Ġerusalemm id-diżastru kollu li wissejthom dwaru, għax jien kellimthom, imma huma ma semgħux, u jien bqajt ngħajtilhom, imma ma wiġbux.’”
18 U jien, Ġeremija, għedt lill-familja tar-Rekabin: “Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ‘Peress li obdejtu l-kmand tal-antenat tagħkom Ġeħonadab u bqajtu tobdu dak li qalilkom billi għamiltu eżatt dak li kkmandakom, 19 hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Dejjem se jkun hemm xi ħadd li jiġi minn Ġeħonadab* bin Rekab biex jaqdi quddiemi.”’”