It-Tieni Ktieb tas-Slaten
6 It-tfal tal-profeti qalu lil Eliżew: “Il-post li qed ngħixu fih miegħek huwa żgħir wisq għalina. 2 Jekk jogħġbok, ħa mmorru l-Ġordan u naqtgħu xi siġar minn hemmhekk u nibnu post fejn noqogħdu hemm.” U qalilhom: “Morru.” 3 Wieħed minnhom qal: “Jekk jogħġbok sidi, tistaʼ tiġi magħna?” Qalilhom: “Niġi.” 4 Allura telaq magħhom, waslu l-Ġordan, u bdew jaqtgħu s-siġar. 5 Hekk kif wieħed minnhom kien qed jaqtaʼ siġra, ras il-mannara waqgħetlu fl-ilma, u beda jgħajjat: “X’biċċa ġratli sidi, dik isselliftha!” 6 Il-qaddej tal-Alla l-veru qallu: “Fejn waqgħet?” Għalhekk urieh fejn. Imbagħad Eliżew qataʼ biċċa njama u tefagħha hemmhekk u ras il-mannara telgħet fil-wiċċ. 7 U qallu: “Tellagħha.” U hekk għamel.
8 Issa r-re tas-Sirja mar jiggwerra kontra Iżrael. Hu tkellem maʼ dawk li jagħtuh il-pariri u qalilhom: “Se nikkampja fit-tali post magħkom.” 9 Imbagħad il-qaddej tal-Alla l-veru bagħat jgħid lir-re t’Iżrael: “Oqgħod attent li ma tgħaddix minn dak il-post, għax hemmhekk se jinżlu s-Sirjani.” 10 Għalhekk, ir-re t’Iżrael bagħat javża lin-nies tiegħu li kienu f’dak il-post. Eliżew baqaʼ javżah, u r-re żamm ’il bogħod minn hemmhekk diversi drabi.*
11 Ir-re* tas-Sirja rrabja ħafna minħabba dan u ġabar lil dawk li jagħtuh il-pariri u qalilhom: “Għiduli min fostna qed iżomm mar-re t’Iżrael!” 12 Imbagħad wieħed minnhom qal: “Ħadd minna, sidi r-re! Hu l-profeta Eliżew f’Iżrael li qed jgħid lir-re t’Iżrael x’tgħid int fil-kamra tas-sodda tiegħek.” 13 Hu qal: “Morru u sibu fejn qiegħed, ħalli nibgħat xi rġiel biex jaqbduh.” Iktar tard intqallu li qiegħed Dotan. 14 Hu mill-ewwel bagħat hemm żwiemel u karrijiet tal-gwerra, kif ukoll armata kbira. Huma waslu billejl u dawru l-belt.
15 Meta l-qaddej t’Eliżew qam kmieni u ħareġ barra, hu ra li l-belt kienet imdawra b’armata bi żwiemel u karrijiet tal-gwerra. Minnufih il-qaddej qallu: “X’waħda din sidi! X’se nagħmlu?” 16 Imma hu qallu: “Tibżax! Għax hemm iktar magħna milli magħhom.” 17 Imbagħad Eliżew beda jitlob u jgħid: “Ġeħova, jekk jogħġbok iftaħlu għajnejh ħalli jara.” U Ġeħova fetaħ għajnejn il-qaddej u ra li l-muntanji taʼ madwarhom kienu mimlijin żwiemel u karrijiet tal-gwerra tan-nar.
18 Meta s-Sirjani niżlu lejh, Eliżew talab lil Ġeħova u qal: “Jekk jogħġbok, agħmi* lil dan il-poplu.” Għalhekk, għamiehom bħalma talab Eliżew. 19 Issa Eliżew qalilhom: “Din mhix it-triq u din mhix il-belt. Imxu warajja ħa niħodkom għand ir-raġel li qed tfittxu.” Madankollu, hu ħadhom is-Samarija.
20 Meta waslu s-Samarija, Eliżew qal: “Ġeħova, iftħilhom għajnejhom ħa jaraw.” Għalhekk, Ġeħova fetħilhom għajnejhom u raw li kienu f’nofs is-Samarija. 21 Meta r-re t’Iżrael rahom, hu qal lil Eliżew: “Noqtolhom sidi?” 22 Imma wieġbu: “Toqtolhomx. Toqtol int lil dawk li tkun iġġilidt kontrihom u ħadthom bħala lsiera? Agħtihom ħobż u ilma sabiex jieklu u jixorbu u jmorru lura għand sidhom.” 23 Għalhekk għamlilhom festa kbira, u kielu u xorbu. Wara bagħathom lura għand sidhom. U l-grupp ta’ suldati ħallelin Sirjani qatt ma reġgħu marru fl-art t’Iżrael.
24 Wara dan, Ben-ħadad ir-re tas-Sirja ġabar l-armata* kollha tiegħu u mar jassedja lis-Samarija. 25 Għalhekk, kien hemm ġuħ kbir fis-Samarija, u baqgħu jassedjawha sakemm ras taʼ ħmar saret tiswa 80 biċċa tal-fidda, u kwart taʼ kejl taʼ kab* ħmieġ tal-ħamiem kien jiswa ħames biċċiet tal-fidda. 26 Meta r-re t’Iżrael kien għaddej minn fuq is-sur, waħda mara għajtitlu u qaltlu: “Sidi r-re, għinna!” 27 Għal dan ir-re qalilha: “Jekk ma jgħinekx Ġeħova, kif nistaʼ ngħinek jien? Taħseb li għad fadal xi ċereali,* inbid, jew żejt?” 28 Imbagħad staqsieha: “Xi ġralek?” Wiġbitu: “Din il-mara qaltli, ‘Agħti lil ibnek ħa nikluh illum, u għada nieklu lil ibni.’ 29 Għalhekk, għallejna lil ibni u kilnieh. L-għada għedtilha, ‘Agħti lil ibnek ħa nikluh.’ Imma hi ħbietu.”
30 Malli r-re semaʼ dak li qalet il-mara, hu ċarrat ħwejġu. Meta għadda minn fuq is-sur, in-nies raw li minn taħt kien liebes drapp tal-ixkora. 31 Imbagħad qal: “Jalla Alla jikkastigani bl-aħrax jekk ras Eliżew bin Safat tibqaʼ fuqu llum!”
32 Eliżew kien bilqiegħda d-dar mal-anzjani.* Ir-re bagħat messaġġier qablu, imma qabel ma wasal, Eliżew qal lill-anzjani: “Rajtu kif dan l-iben taʼ qattiel bagħat biex jaqtagħli rasi? Oqogħdu attenti biex malli jasal il-messaġġier, tagħlqu l-bieb u żżommuh magħluq. M’intomx tisimgħu l-passi taʼ sidu warajh?” 33 Waqt li kien għadu qed jitkellem, il-messaġġier wasal għandu. Imbagħad wasal ir-re u qal: “Dan il-gwaj ġej mingħand Ġeħova. Għalfejn għandi nibqaʼ nistenna għall-għajnuna taʼ Ġeħova?”