LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 6/15 pp. 12-16
  • Tapprezzaha Int l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tapprezzaha Int l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Wieħed li Ra l-​Qtajjaʼ tas-​Sema
  • Nistudjaw biex Naraw Ċar
  • Inħaffru għad-​Dehen
  • Dak li Ra Isaija
  • X’Ra Eżekjel?
  • L-armata tan-nar taʼ Ġeħova
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Eliżew Ra Karrijiet tan-Nar—Int Tarahom?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • ‘Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 6/15 pp. 12-16

Tapprezzaha Int l-​Organizzazzjoni taʼ Jehovah?

“Dan jgħid il-​Mulej: ‘Is-​smewwiet it-​tron tiegħi, l-​art mirfes riġlejja!’”—ISAIJA 66:1.

1, 2. (a) Lejn liema evidenza viżibbli taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah tistaʼ tipponta? (b) Jehovah fejn jgħammar?

TEMMEN int li Jehovah għandu organizzazzjoni? Jekk iva, għala temmen? Għandek mnejn twieġeb: ‘Mela, aħna għandna Sala tas-​Saltna. Għandna kongregazzjoni organizzata tajjeb b’ġemgħa t’anzjani. Għandna indokratur tas-​circuit maħtur kif suppost u li jżurna regolarment. Nattendu assembleat u konvenzjonijiet organizzati. Għandna uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society f’pajjiżna. Ċertament, dan kollu u ħafna iżjed jagħti prova li Jehovah għandu organizzazzjoni li tiffunzjona.’

2 Fatturi bħal dawn jammontaw għal evidenza taʼ organizzazzjoni. Imma jekk dak kollu li naraw u napprezzaw qiegħed hawn fuq l-​art, m’aħniex nifhmu kompletament x’inhi l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Jehovah qal lil Isaija li l-​art hija biss mirfes għal Riġlejh, imma s-​smewwiet huma t-​tron Tiegħu. (Isaija 66:1) Għal liema “smewwiet” kien qed jirreferi Jehovah? Għall-​atmosfera tagħna? Għal barra fl-​ispazju? Jew għal xi livell ieħor taʼ ħajja? Isaija jitkellem dwar l-​“għamara mqaddsa u glorjuża” taʼ Jehovah, u s-​salmista jiddeskrivi lil dawn is-​smewwiet bħala l-​“post fejn jgħammar.” B’hekk, is-​“smewwiet” f’Isaija 66:1 jirreferu għall-​qasam inviżibbli taʼ l-​ispirti li fih Jehovah jokkupa l-​pożizzjoni suprema, jew aħħarija.—Isaija 63:15; Salm 33:13, 14.

3. Kif nistgħu negħlbu d-​dubji?

3 Għalhekk, jekk verament irridu naraw ċar u napprezzaw l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, irridu nħarsu lejn is-​smewwiet. U hawn qiegħda l-​problema għal xi wħud. Ladarba l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah hija inviżibbli, kif nafu li din tassew teżisti? Xi wħud jistgħu saħansitra jgħaddu minn perijodu taʼ dubji, billi jistaqsu, ‘Kif nistgħu nkunu żguri?’ Sewwa, kif tistaʼ l-​fidi tegħleb id-​dubju? Żewġ modi fundamentali huma studju persunali intensiv tal-​Kelma t’Alla u attendenza regulari u involviment fil-​laqgħat Kristjani. Imbagħad nistgħu neliminaw id-​dubji tagħna bid-​dawl tal-​verità. Kien hemm qaddejja oħrajn t’Alla li kellhom xi dubji. Ejjew nikkunsidraw il-​każ tal-​qaddej taʼ Eliżew meta Iżrael kien taħt attakk mis-​sultan tas-​Sirja.—Qabbel Ġwann 20:24-29; Ġakbu 1:5-8.

Wieħed li Ra l-​Qtajjaʼ tas-​Sema

4, 5. (a) Liema problema kellu l-​qaddej taʼ Eliżew? (b) Jehovah kif wieġeb għat-​talba taʼ Eliżew?

4 Is-​sultan tas-​Sirja bagħat qawwa militari kbira bil-​lejl lejn Dotan biex jaħtaf lil Eliżew. Meta l-​qaddej taʼ Eliżew qam kmieni fil-​għodu u ħareġ barra, forsi biex jieħu naqra arja friska fuq il-​bejt tad-​dar fejn kienu joqogħdu fil-​Lvant Nofsani, x’waħda din, x’qatgħa ħa! Il-​belt kienet imdawra minn armata sħiħa taʼ Sirjani biż-​żwiemel u l-​karrijiet tal-​gwerra, lesta biex taħtaf lill-​profeta t’Alla. Il-​qaddej għajjat lil Eliżew: “Ah! sidi, x’se nagħmlu?” Milli jidher, bil-​kalma u b’konvinzjoni, Eliżew wieġeb: “La tibżax! hemm . . . aktar magħna milli magħhom.” Il-​qaddej għandu mnejn ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘Fejn huma? Ma nistax narahom!’ Xi kultant dik għandha mnejn tkun il-​problema tagħna wkoll​—nonqsu li naraw bil-​għajnejn tal-​fehma, jew li naraw ċar, il-​qtajjaʼ tas-​sema.—2 Slaten 6:8-16; Efesin 1:18.

5 Eliżew talab biex għajnejn il-​qaddej tiegħu jinfetħu. Imbagħad x’ġara? “U l-​Mulej fetaħ għajnejn il-​qaddej, u dan ra l-​għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-​nar madwar Eliżew.” (2 Slaten 6:17) Iva, hu ra l-​qtajjaʼ tas-​sema, armati anġeliċi lesti biex jipproteġu lill-​qaddej t’Alla. Issa setaʼ jifhem għala Eliżew kien tant fiduċjuż.

6. Kif nistgħu niksbu d-​dehen rigward l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah?

6 Ikollna aħna xi drabi problema biex naraw ċar simili għal dik li kellu l-​qaddej taʼ Eliżew? Għandna aħna t-​tendenza li naraw biss il-​lat fiżiku taʼ sitwazzjonijiet li jheddu lilna jew lix-​xogħol Kristjan f’ċerti pajjiżi? Jekk iva, nistgħu nistennew xi viżjoni speċjali biex iddawwalna? Le, għaliex aħna għandna xi ħaġa li l-​qaddej taʼ Eliżew ma kellux​—ktieb sħiħ li fih ħafna viżjonijiet, il-​Bibbja, li tistaʼ tagħtina dehen rigward l-​organizzazzjoni tas-​sema. Dik il-​Kelma ispirata tagħti wkoll prinċipji taʼ gwida li jiddrittaw il-​mentalità u l-​mod taʼ ħajja tagħna. Madankollu, irridu nagħmlu sforz biex infittxu għad-​dixxerniment u nikkultivaw apprezzament għall-​arranġament taʼ Jehovah. U dan nistgħu nagħmluh permezz taʼ studju persunali, flimkien maʼ talb u meditazzjoni.—Rumani 12:12; Filippin 4:6; 2 Timotju 3:15-17.

Nistudjaw biex Naraw Ċar

7. (a) Xi wħud liema problema jistaʼ jkollhom rigward l-​istudju persunali tal-​Bibbja? (b) L-​istudju persunali għala jiswa kull sforz?

7 L-​istudju persunali m’huwiex neċessarjament prospett pjaċevoli għal ħafna nies, bħal per eżempju dawk li qatt ma ħadu pjaċir bl-​istudju l-​iskola jew li qatt ma kellhom l-​opportunità li jieħdu sehem fih. Madankollu, jekk irridu naraw ċar u napprezzaw l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah bil-​għajnejn tal-​fehma tagħna, irridu nikkultivaw xewqa għall-​istudju. Tistaʼ int tgawdi ikla tajba mingħajr preparazzjoni? Bħalma jistaʼ jgħidlek kwalunkwe xeff jew kok, il-​preparazzjoni taʼ ikla delizzjuża tinvolvi ħafna xogħol. Iżda, din tistaʼ tittiekel f’nofs siegħa jew inqas. Mill-​banda l-​oħra, il-​benefiċċji taʼ studju persunali jistgħu jservuk għal għomrok. L-​istudju persunali jistaʼ jsir xi ħaġa li nitgħallmu nieħdu pjaċir biha meta naraw il-​progress li nistgħu nagħmlu. L-​appostlu Pawlu sewwa qal li għandna noqogħdu attenti kontinwament għalina nfusna u għat-​tagħlim tagħna u nibqgħu napplikaw lilna nfusna għall-​qari pubbliku. Huwa meħtieġ sforz konsistenti, imma l-​benefiċċji jistgħu jkunu għal dejjem.—1 Timotju 4:13-16.

8. Proverbji liema attitudni jirrikkmanda?

8 Raġel għaref tal-​qedem qal: “Ibni [jew binti], jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-​kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-​għerf, u tħalli lil moħħok jifhem sewwa; jekk issejjaħ l-​għerf, u tgħolli leħnek għall-​fehma t-​tajba; jekk tfittex l-​għerf bħall-​fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-​biżaʼ tal-​Mulej, u ssib it-​tagħrif taʼ Alla.”—Proverbji 2:1-5.

9. (a) Il-​valur tad-​deheb kif jitqabbel mat-​“tagħrif taʼ Alla”? (b) Liema għodda għandna bżonn biex niksbu tagħrif eżatt?

9 Qed tinduna għand min qiegħda r-​responsabbiltà? ‘Jekk int’ hija l-​frażi rripetuta. U innota l-​espressjoni, ‘Jekk tfittex għalih bħal teżor moħbi.’ Aħseb dwar il-​ħaddiema tal-​minjieri li għal sekli sħaħ ħaffru għall-​fidda u għad-​deheb fl-​Afrika taʼ Isfel, il-​Bolivja, il-​Messiku, u pajjiżi oħrajn. Ħadmu iebes, bil-​pala u l-​fies, biex iħaffru l-​blat li minnu setgħu jieħdu l-​metalli prezzjużi. Tant kienu jistmawh id-​deheb li f’minjiera waħda f’California, l-​Istati Uniti, ħaffru 591 kilometru taʼ mini, billi niżlu fond vertikali taʼ madwar 1.5 kilometri​—sempliċement biex isibu d-​deheb. Iżda, tistaʼ tiekol id-​deheb? Tixrob id-​deheb? Se jsostnik dan f’deżert jekk tkun qed tmut bil-​ġuħ u bil-​għatx? Le, il-​valur tiegħu huwa artifiċjali u arbitrarju, li jinbidel minn jum għall-​ieħor kif inhu rifless fis-​swieq internazzjonali. Minkejja dan, nies mietu għalih. Mela kemm għandna nagħmlu sforz biex nieħdu d-​deheb spiritwali, “it-​tagħrif taʼ Alla”? Aħseb ftit, l-​istess tagħrif tal-​Mulej Sovran taʼ l-​univers, l-​organizzazzjoni tiegħu, u l-​iskopijiet tiegħu! F’dan ir-​rigward nistgħu nużaw pala u fies spiritwali. Dawn huma pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja li jgħinuna nħaffru fil-​Kelma taʼ Jehovah u nagħrfu t-​tifsir tagħha.—Ġob 28:12-19.

Inħaffru għad-​Dehen

10. Danjel x’ra f’viżjoni?

10 Ejjew nagħmlu ftit tħaffir spiritwali sabiex nibdew nieħdu l-​istess tagħrif taʼ l-​organizzazzjoni tas-​sema taʼ Jehovah. Għal dehen fundamentali, ejjew immorru lejn il-​viżjoni taʼ Danjel dwar l-​Antik fil-​Jiem fuq it-​tron tiegħu. Danjel jikteb: “Kont għadni qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fl-​għomor [“Antik fil-​Jiem,” New World Translation] qagħad bilqiegħda; lbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf; ilsna tan-​nar it-​tron tiegħu, nar iħeġġeġ ir-​roti tiegħu; xmara taʼ nar kienet għaddejja, ħierġa minn quddiemu; eluf taʼ eluf kienu jaqduh, u għaxart elef taʼ għaxriet taʼ eluf wieqfa quddiemu. Il-​Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-​kotba nfetħu.” (Danjel 7:9, 10) Min kienu dawn l-​eluf li kienu jaqdu lil Jehovah? Ir-​referenzi marġinali fin-​New World Translation, użati bħala “pala u fies,” jiħduna għal referenzi bħal Salm 68:18 [Salm 68:17, NW] u Lhud 1:14. Iva, dawk li kienu qed jaqduh kienu anġli tas-​sema!

11. Il-​viżjoni taʼ Danjel kif tistaʼ tgħinna nifhmu l-​kliem taʼ Eliżew?

11 Ir-​rakkont taʼ Danjel ma jgħidx li hu ra l-​anġli leali kollha li Alla għandu taħt il-​kmand tiegħu. Għandu mnejn hemm miljuni oħrajn. Imma żgur li issa nistgħu napprezzaw għala Eliżew setaʼ jgħid: “Hemm . . . aktar magħna milli magħhom.” L-​armata tas-​sultan tas-​Sirja, għalkemm appoġġjata minn anġli żleali, id-​demonji, kienet issuperata fl-​għadd mill-​armati tas-​sema taʼ Jehovah!—Salm 34:8 [Salm 34:7, NW]; Salm 91:11.

12. Kif tistaʼ ssir taf iżjed dwar l-​anġli?

12 Forsi tixtieq tkun taf iżjed dwar dawn l-​anġli, bħal ngħidu aħna l-​irwol li għandhom f’li jaqdu lil Jehovah. Mill-​kelma Griega għal anġlu, nistgħu naraw li huma messaġġiera għaliex din tfisser ukoll “messaġġier.” Madankollu, id-​dmirijiet tagħhom jikkonsistu f’wisq iżjed. Iżda, biex issir taf x’inhuma trid tħaffer. Jekk għandek Insight on the Scriptures, tistaʼ tistudja l-​artiklu “Angels,” jew tistaʼ tikkonsulta artikli li diġà ħarġu dwar l-​anġli f’It-Torri taʼ l-​Għassa. Tibqaʼ skantat kemm tistaʼ titgħallem dwar dawn il-​qaddejja ċelestjali t’Alla u ssir tapprezza l-​appoġġ tagħhom. (Apokalissi 14:6, 7) Madankollu, fl-​organizzazzjoni tas-​sema t’Alla, xi ħlejjaq spirti jaqdu skopijiet speċjalizzati.

Dak li Ra Isaija

13, 14. Isaija x’ra f’viżjoni, u dan kif effettwah?

13 Ejjew issa nagħmlu ftit tħaffir fil-​viżjoni taʼ Isaija. Meta taqra kapitlu 6, versi 1 sa 7, għandek tibqaʼ impressjonat. Isaija jgħid li hu ‘ra lil Jehovah bil-​qiegħda fuq tron għoli,’ u, “’il fuq minnu kien hemm serafini.” Huma kienu qed jipproklamaw dwar il-​glorja taʼ Jehovah, billi jeżaltaw il-​qdusija tiegħu. Għandek tiġi effettwat anki jekk biss taqra dan ir-​rakkont. X’kienet ir-​reazzjoni taʼ Isaija? “Jaħasra għalija! Mitluf jien! Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien! U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar; madankollu rajt b’għajnejja lis-​Sultan, Il-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” Kemm kien impressjonat b’dik il-​viżjoni! Int hekk tħossok?

14 Allura Isaija kif kien kapaċi jissaporti din id-​dehra glorjuża? Hu jispjega li serafin ġie jagħtih l-​għajnuna u qallu: “Ħżunitek għebet, u dnubek inħafer.” (Isaija 6:7) Isaija setaʼ jafda fil-​ħniena t’Alla u joqgħod attent għall-​kliem taʼ Jehovah. Mela issa, ma tixtieqx tkun taf iżjed dwar dawn il-​ħlejjaq spirti taʼ grad għoli? Allura x’għandek tagħmel? Ħaffer għal iżjed informazzjoni. Biċċa għodda li tistaʼ tuża huwa l-​Watch Tower Publications Index, billi ssegwi r-​referenzi tiegħu għal ħafna sorsi taʼ informazzjoni li tikkjarifika.

X’Ra Eżekjel?

15. X’jindika li l-​viżjoni taʼ Eżekjel hija taʼ min joqgħod fuqha?

15 Ejjew issa mmorru għal tip ieħor taʼ kreazzjoni spirtu. Eżekjel kien ipprivileġġat li jkollu viżjoni li tispira waqt li kien għadu rsir f’Babilonja. Iftaħ il-​Bibbja tiegħek f’Eżekjel kapitlu 1, l-​ewwel tliet versi. Kif jibda r-​rakkont? Jgħid, ‘Darba waħda, f’pajjiż imbiegħed . . . ’? Le, din m’hijiex xi ħrafa f’xi perijodu taʼ żmien mitoloġiku. Vers 1 jistqarr: “Ġara li fis-​sena tletin, fir-​rabaʼ xahar, fil-​ħamsa tax-​xahar, kif kont fost l-​itturufnati ħdejn ix-​xmara Kebar, nfetħu s-​smewwiet u rajt viżjonijiet taʼ Alla.” X’tinnota dwar dan il-​vers? Jagħti data eżatta u post preċiż. Dawn id-​dettalji jippontaw lejn il-​ħames sena taʼ l-​eżilju tas-​Sultan Ġeħojakin, is-​sena 613 Q.E.K.

16. Eżekjel x’ra?

16 Id Jehovah kienet fuq Eżekjel, u dan beda jara viżjoni li tqanqal il-​biżaʼ taʼ Jehovah fuq tron f’karru vast ċelestjali li kellu roti immensi b’għajnejn mad-​dawra kollha tar-​rimmijiet. Id-​dettall li jinteressana hawnhekk huwa li kien hemm erbaʼ ħlejjaq, wieħed wieqaf ħdejn kull rota. “Mid-​dehra tagħhom kellhom is-​sura taʼ bniedem. Kellhom erbaʼ wċuħ kull wieħed, u erbaʼ ġwienaħ kull wieħed. . . . U x-​xbieha taʼ wiċċhom kienet wiċċ taʼ bniedem minn quddiem, u wiċċ taʼ ljun fuq il-​lemin tagħhom l-​erbgħa, u wiċċ taʼ għoġol (“barri,” NW) fuq ix-​xellug tagħhom l-​erbgħa, u wiċċ taʼ ajkla fuq wara.”—Eżekjel 1:5, 6, 10.

17. L-​erbaʼ wċuħ tal-​kerubini x’jirrappreżentaw?

17 X’kienu dawn l-​erbaʼ ħlejjaq ħajjin? Eżekjel innifsu jgħidilna li kienu kerubini. (Eżekjel 10:1-3, 14) Għala kellhom erbaʼ wċuħ? Biex jirrappreżentaw l-​erbaʼ attributi li jispikkaw tal-​Mulej Sovran Jehovah. Wiċċ l-​ajkla kien simbolu taʼ għerf li jara fil-​bogħod. (Ġob 39:27-29) X’kien jirrappreżenta wiċċ il-​barri? Bis-​saħħa tremenda taʼ għonqu u spallejh, barri tal-​ġlied huwa magħruf li kapaċi jgħolli fl-​arja lil żiemel bir-​rikkieb tiegħu. Ċertament, il-​barri huwa simbolu tal-​qawwa bla limitu taʼ Jehovah. L-​iljun jintuża bħala simbolu taʼ ġustizzja b’kuraġġ. Fl-​aħħar, wiċċ taʼ bniedem bix-​xieraq jirrappreżenta l-​imħabba t’Alla, peress li l-​bniedem huwa l-​uniku ħlejqa taʼ l-​art li tistaʼ turi din il-​kwalità b’mod intelliġenti.—Mattew 22:37, 39; 1 Ġwann 4:8.

18. L-​appostlu Ġwanni kif jgħinna naraw iżjed ċar l-​organizzazzjoni tas-​sema?

18 Hemm viżjonijiet oħrajn li jistgħu jgħinuna biex ikollna l-​istampa kollha. Dawn jinkludu l-​viżjonijiet taʼ Ġwanni rrakkontati fil-​ktieb Bibliku taʼ Apokalissi. Dan, bħal Eżekjel, jara lil Jehovah fuq tron glorjuż akkumpanjat minn kerubini. X’qegħdin jagħmlu l-​kerubini? Huma jtennu l-​proklamazzjoni tas-​serafini f’Isaija kapitlu 6, billi jgħidu: “Qaddis, Qaddis, Qaddis il-​Mulej, Alla li jistaʼ kollox, li kien, u li hu, u li ġej.” (Apokalissi 4:6-8) Ġwanni jara wkoll ħaruf ħdejn it-​tron. Dak lil min jistaʼ jirrappreżenta? Lill-​istess Ħaruf t’Alla, Ġesù Kristu.—Apokalissi 5:13, 14.

19. Permezz taʼ dan l-​istudju, x’rajt iżjed ċar rigward l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah?

19 Għalhekk, x’rajna ċar permezz taʼ dawn il-​viżjonijiet? Li l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah għandha fil-​quċċata tagħha lil Alla Jehovah fuq it-​tron tiegħu akkumpanjat mill-​Ħaruf, Ġesù Kristu, li hu l-​Kelma, jew Logos. Imbagħad rajna qatgħa taʼ anġli tas-​sema, inklużi serafini u kerubini. Dawn huma parti minn organizzazzjoni waħda, vasta u magħquda, li taqdi l-​iskopijiet taʼ Jehovah. U wieħed minn dawk l-​iskopijiet huwa l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha f’dan iż-​żmien tat-​tmiem.—Mark 13:10; Ġwann 1:1-3; Apokalissi 14:6, 7.

20. Liema mistoqsija se titwieġeb fl-​artiklu li jmiss?

20 Fl-​aħħar, għandna lix-​Xhieda taʼ Jehovah fuq l-​art li jiltaqgħu fis-​Swali tas-​Saltna tagħhom sabiex jitgħallmu kif jagħmlu r-​rieda tal-​Mulej Sovran. Ċertament, issa nistgħu napprezzaw li hemm iżjed li huma magħna milli huma maʼ Satana u l-​għedewwa tal-​verità. Iżda tibqaʼ l-​mistoqsija, L-​organizzazzjoni tas-​sema kif għandha x’taqsam maʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna? L-​artiklu li jmiss se jeżamina dan u affarijiet oħrajn.

Mistoqsijiet għal Reviżjoni

◻ Biex napprezzaw l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, liema ħaġa rridu naraw ċar?

◻ Il-​qaddej taʼ Eliżew liema esperjenza kellu, u l-​profeta kif inkuraġġih?

◻ Kif għandna nqisuh l-​istudju persunali?

◻ Danjel, Isaija, u Eżekjel kif jagħtu dettalji dwar l-​organizzazzjoni tas-​sema?

[Stampa f’paġna 13]

Il-​benefiċċji taʼ studju persunali jservu iktar fit-​tul minn dawk taʼ ikla ppreparata tajjeb

[Stampa f’paġna 15]

Viżjoni taʼ qtajjaʼ tas-​sema kienet it-​tweġiba taʼ Jehovah għat-​talba taʼ Eliżew

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja