LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 4/15 pp. 22-26
  • ‘Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​PARTI INVIŻIBBLI TAL-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA
  • IL-​PARTI VIŻIBBLI TAL-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA
  • IFFOKATA FUQ “DAK LI HU IKTAR IMPORTANTI”
  • SEGWI L-​EŻEMPJU TAL-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA
  • Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Ibqaʼ fis-Sigurtà Bħala Parti mill-Organizzazzjoni t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • ‘Tegħjewx’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • L-Organizzazzjoni Viżibbli T’Alla
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 4/15 pp. 22-26

“Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti”

“Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—FLP. 1:10.

PUNTI GĦALL-​MEDITAZZJONI

  • Il-​viżjonijiet taʼ Isaija, Eżekjel, u Danjel, liema fiduċja jagħtuna?

  • X’nitgħallmu mill-​eżempju tal-​parti viżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

  • Dan l-​artiklu kif għenek?

1, 2. Liema profezija rigward l-​aħħar jiem żgur li qajmet il-​kurżità tad-​dixxipli taʼ Ġesù, u għala?

PIETRU, Ġakbu, Ġwanni, u Indrì fl-​aħħar kienu waħedhom maʼ Sidhom. Moħħhom kien għadu jberren fuq dak li kien għadu kif qal Ġesù rigward il-​qerda tat-​tempju. (Mk. 13:1-​4) Għalhekk, huma staqsewh: “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza tiegħek u tal-​konklużjoni tas-​sistema?” (Mt. 24:1-​3) Ġesù beda jgħidilhom dwar il-​ġrajjiet, jew il-​kundizzjonijiet, li mhux biss kellhom jirriżultaw f’bidliet kbar fil-​ħajja imma wkoll jidentifikaw l-​aħħar jiem tas-​sistema mill-​agħar taʼ Satana. Ġrajja partikulari żgur li qajmet il-​kurżità tad-​dixxipli taʼ Ġesù. Wara li qalilhom dwar affarijiet terribbli bħalma huma l-​gwerer, in-​nuqqas taʼ ikel, u ż-​żieda kbira fil-​ħażen, Ġesù bassar li l-​aħħar jiem kellhom ikunu identifikati wkoll minn xi ħaġa pożittiva. Hu qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mt. 24:7-​14.

2 Id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu ħadu pjaċir jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna flimkien maʼ Kristu. (Lq. 8:1; 9:1, 2) Għandhom mnejn ftakru li hu qal: “Tassew, il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema ftit. Għalhekk, itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu.” (Lq. 10:2) Imma kif kellhom jippritkaw “fl-​art abitata kollha” u jagħtu “xiehda lill-​ġnus kollha”? Il-​ħaddiema minn fejn kellhom jiġu? Kieku setgħu jkunu jafu x’ġej fil-​futur, hekk kif kienu bilqiegħda maʼ Ġesù dakinhar, bla dubju kienu jibqgħu mbellhin li jaraw it-​twettiq taʼ dan il-​ftit kliem li issa naqrawh f’​Mattew 24:14!

3. Luqa 21:34 kif qed jitwettaq illum, u x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

3 Qed ngħixu fi żmien it-​twettiq tal-​profezija taʼ Ġesù. Miljuni taʼ nies qed jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna fl-​art kollha. (Is. 60:22) Iżda Ġesù indika li xi wħud kellhom isibuha taʼ sfida li jżommu x-​xogħol tal-​ippritkar fl-​ewwel post f’ħajjithom. Kellhom ikunu aljenati u qlubhom kellhom “jitqalu.” (Aqra Luqa 21:34.) Qed naraw it-​twettiq taʼ dan il-​kliem ukoll. Xi wħud mill-​poplu t’Alla qed jiġu żvijati. Dan jistaʼ jidher fid-​deċiżjonijiet li jieħdu rigward ix-​xogħol sekulari, l-​edukazzjoni ogħla, l-​affarijiet materjali, kif ukoll l-​ammont taʼ ħin li jqattgħu fl-​isports u d-​divertiment. Oħrajn qed jegħjew minħabba l-​pressjonijiet u l-​ansjetajiet tal-​ħajja taʼ kuljum. Staqsi lilek innifsek: ‘Jien kif sejjer? Qiegħed inpoġġi r-​rieda t’Alla l-​ewwel f’ħajti?’

4. (a) Pawlu dwar xiex talab għall-​Kristjani ġo Filippi, u għala? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu u fl-​artiklu li jmiss, u dawn kif se jgħinuna?

4 Il-​Kristjani li għexu fl-​ewwel seklu kellhom jistinkaw biex iżommu l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel f’ħajjithom. L-​appostlu Pawlu ra l-​ħtieġa li jitlob li dawk l-​uħud f’Filippi ‘jaċċertaw ruħhom minn dak li hu iktar importanti.’ (Aqra Filippin 1:9-​11.) Bħall-​appostlu Pawlu, il-​maġġoranza tal-​aħwa lura f’dak iż-​żmien kienu “qed juru iktar u iktar kuraġġ biex jitkellmu l-​kelma t’Alla bla biżaʼ.” (Flp. 1:12-​14) B’mod simili, il-​biċċa l-​kbira minna llum jippritkaw il-​Kelma t’Alla bil-​qlubija. Xorta waħda, konsiderazzjoni taʼ dak li qed jitwettaq issa fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tassew se tgħinna niffokaw saħansitra iktar fuq ix-​xogħol tant importanti tal-​ippritkar. F’dan l-​artiklu, ejja nirriflettu fuq l-​arranġament li għandu Ġeħova biex jitwettaq il-​kliem taʼ Mattew 24:14. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuqiex qed tiffoka, u dan kif jimmotiva lilna u lill-​familji tagħna? Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw x’jistaʼ jgħinna nissaportu u nsegwu t-​tmexxija tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

IL-​PARTI INVIŻIBBLI TAL-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

5, 6. (a) Ġeħova għala pprovda viżjonijiet tal-​parti inviżibbli tal-​organizzazzjoni tiegħu? (b) Eżekjel x’ra fil-​viżjoni?

5 Hemm ħafna affarijiet li Ġeħova għażel li ma jinkludix fil-​Kelma miktuba tiegħu. Pereżempju, hu ma tax dettalji dwar kif jaħdem il-​moħħ jew l-​univers, avolja din l-​informazzjoni kienet tkun affaxxinanti ħafna! Minflok, Ġeħova pprovdielna tagħrif li neħtieġu sabiex nifhmu l-​iskopijiet tiegħu u ngħixu ħajjitna fi qbil magħhom. (2 Tim. 3:16, 17) Kemm hu interessanti li l-​Bibbja tgħidilna dwar il-​parti inviżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova! Aħna nitgħaxxqu naqraw id-​deskrizzjonijiet dwar l-​arranġament taʼ Ġeħova fis-​sema miktubin fil-​kotba taʼ Isaija, Eżekjel, Danjel, u tar-​Rivelazzjoni. (Is. 6:1-​4; Eżek. 1:4-​14, 22-​24; Dan. 7:9-​14; Riv. 4:1-​11) Ġeħova għala ppermettielna nkunu nafu xi affarijiet li qed iseħħu fis-​smewwiet?

6 Ġeħova ma jridna qatt ninsew li aħna nagħmlu parti minn organizzazzjoni universali. Qed isir ħafna xogħol minn wara l-​kwinti biex jitwettqu l-​iskopijiet taʼ Ġeħova. Pereżempju, Eżekjel ra l-​parti inviżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova rappreżentata minn karru ċelestjali kbir ħafna. Dan il-​karru setaʼ jitħarrek bil-​ħeffa u jdawwar ir-​rotta f’ħakka t’għajn. (Eżek. 1:15-​21) Maʼ kull dawra tiegħu, il-​karru setaʼ jkopri distanzi twal. Fil-​viżjoni, Eżekjel setaʼ jilmaħ ukoll ir-​Rikkieb tal-​karru. Hu qal: “Rajt ħaġa tixgħel bħall-​metall imħallat mid-​deheb u l-​fidda, li kienet tidher bħal nar magħluq dawramejt . . . Kienet tixbah il-​glorja taʼ Ġeħova.” (Eżek. 1:25-​28) Min jaf Eżekjel kif baqaʼ affaxxinat meta ra din il-​viżjoni! Hu ra lil Ġeħova jikkontrolla bis-​sħiħ l-​organizzazzjoni tiegħu, u jidderiġiha permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu. Il-​karru li jitħarrek fil-​viżjoni jagħti deskrizzjoni mill-​isbaħ taʼ kif taħdem il-​parti inviżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova!

7. Il-​viżjoni li ngħatat lil Danjel kif tagħmilna fiduċjużi?

7 Anki Danjel ra viżjoni li tagħmilna fiduċjużi. Hu setaʼ jara lil Ġeħova bħala “x-​Xiħ fil-​Jiem” bilqiegħda fuq tron bi fjammi tan-​nar. It-​tron kien fuq ir-​roti. (Dan. 7:9) Ġeħova ried li Danjel jara li l-​organizzazzjoni Tiegħu hi dejjem għaddejja, twettaq l-​iskop Tiegħu. Danjel ra wkoll lil “xi ħadd bħal bin il-​bniedem,” jiġifieri lil Ġesù, jingħata awtorità fuq il-​parti viżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Il-​ħakma perfetta taʼ Kristu ma teżistix biss għal ftit snin. Minflok, hija “ħakma li tibqaʼ għal dejjem u li ma tgħaddix, u saltnatu, waħda li ma tinqeridx.” (Dan. 7:13, 14) Il-​viżjoni tqanqalna biex nafdaw f’Ġeħova u tgħinna nifhmu dak li qed iwettaq. U peress li Ġesù jingħata awtorità minn Ġeħova, din il-​viżjoni tqanqalna wkoll biex nafdaw f’Ġesù bħala l-​Mexxej tagħna.

8. (a) Il-​viżjonijiet tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif ġegħluhom iħossuhom lil Eżekjel u Isaija? (b) Dawn il-​viżjonijiet kif għandhom iġegħluna nħossuna?

8 Dawn il-​viżjonijiet tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif għandhom iġegħluna nħossuna? Bħal Eżekjel, żgur li nibqgħu impressjonati ferm b’dak li qed iwettaq Ġeħova. (Eżek. 1:28) Il-​meditazzjoni fuq l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tistaʼ tqanqalna biex nieħdu azzjoni, eżatt bħalma qanqlet lil Isaija. Meta qamitlu l-​opportunità li jgħid lil ħaddieħor dwar x’qed jagħmel Ġeħova, hu ħatafha bla ma qagħad jaħsibha. (Aqra Isaija 6:5, 8.) Isaija kien fiduċjuż li bl-​appoġġ taʼ Ġeħova setaʼ jirnexxilu jiffaċċja kwalunkwe sfida. B’mod simili, din il-​lemħa tal-​parti inviżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova għandha timliena b’riverenza profonda u tqanqalna naġixxu. Huwa tassew inkuraġġanti li nkunu nafu li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li dejjem għaddejja twettaq ir-​rieda taʼ Ġeħova!

IL-​PARTI VIŻIBBLI TAL-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

9, 10. Għala hemm bżonn taʼ parti viżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

9 Permezz taʼ Ibnu, Ġeħova stabbilixxa arranġament hawn fuq l-​art li jaħdem fi qbil mal-​parti inviżibbli tal-​organizzazzjoni. Għala hemm bżonn taʼ arranġament viżibbli biex jitwettaq ix-​xogħol deskritt f’​Mattew 24:14? Ikkunsidra tliet raġunijiet.

10 L-​ewwel, Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu kellhom jippritkaw saħansitra “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) It-​tieni, dawk li kellhom jagħmlu x-​xogħol tal-​ippritkar kellhom jiġu bżonn it-​tagħlim mill-​Bibbja u l-​inkuraġġiment. (Ġw. 21:15-​17) It-​tielet, kellhom jiġu bżonn laqgħat fejn setgħu jinġabru biex iqimu lil Ġeħova u jitgħallmu kif jippritkaw. (Ebr. 10:24, 25) Biex jitwettaq dan kollu, id-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom ikunu organizzati tajjeb.

11. Kif nuru li nappoġġaw l-​arranġamenti li jsiru mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

11 Kif nuru li nappoġġaw l-​arranġamenti li jsiru mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Mod importanti hu billi dejjem inpoġġu l-​fiduċja tagħna f’dawk li Ġeħova u Ġesù qed jafdaw biex jieħdu t-​tmexxija fix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar. Dawn l-​aħwa setgħu użaw il-​ħin u l-​enerġija tagħhom biex jipprovaw isolvu l-​problemi f’din id-​dinja. Iżda l-​parti viżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuqiex dejjem iffokat?

IFFOKATA FUQ “DAK LI HU IKTAR IMPORTANTI”

12, 13. L-​anzjani Kristjani kif iwettqu l-​inkarigu tagħhom, u dan għala hu inkuraġġanti għalik?

12 Anzjani Kristjani tal-​esperjenza madwar id-​dinja nħatru biex jindokraw ix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna u jagħtuh spinta fil-​pajjiżi fejn jaqdu. Meta dawn l-​aħwa jieħdu deċiżjonijiet, huma jfittxu d-​direzzjoni mill-​Kelma t’Alla billi jagħmluha bħal ‘musbieħ għal sieqhom u dawl għal triqithom,’ u jitolbu bil-​ħrara għall-​gwida taʼ Ġeħova.—Salm 119:105; Mt. 7:7, 8.

13 Bħal dawk li kienu jieħdu t-​tmexxija fl-​ewwel seklu, l-​anzjani Kristjani li jindokraw ix-​xogħol tal-​ippritkar illum huma devoti “għall-​ministeru tal-​kelma.” (Atti 6:4) Huma jifirħu bil-​kbir bil-​progress li qed isir fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba lokalment u madwar id-​dinja. (Atti 21:19, 20) Ma jagħmlux ħafna regoli u proċeduri. Minflok, huma jsegwu l-​Iskrittura u t-​tmexxija tal-​ispirtu qaddis t’Alla hekk kif jagħmlu l-​arranġamenti li hemm bżonn biex ix-​xogħol tal-​ippritkar jimxi ’l quddiem. (Aqra Atti 15:28.) Meta jagħmlu dan, dawn l-​aħwa responsabbli jħallu eżempju mill-​aqwa għal kulħadd fil-​kongregazzjonijiet lokali.—Efes. 4:11, 12.

14, 15. (a) Liema arranġamenti qed isiru biex jiġi appoġġat ix-​xogħol tal-​ippritkar madwar id-​dinja? (b) Kif tħossok dwar is-​sehem li għandek int f’li tappoġġa x-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna?

14 Ħafna minn ħutna jaħdmu bla heda biex iħejju l-​ikel spiritwali għall-​pubblikazzjonijiet, il-​laqgħat, u l-​konvenzjonijiet. Eluf taʼ volontieri jaħdmu bla waqfien biex jittraduċu dan l-​ikel spiritwali f’madwar 600 lingwa sabiex kemm jistaʼ jkun nies ikunu jistgħu jitgħallmu dwar “l-​affarijiet grandjużi t’Alla” bil-​lingwa tagħhom stess. (Atti 2:7-​11) Aħwa rġiel u nisa żgħażagħ jaħdmu biex jipproduċu l-​letteratura tagħna b’magni tal-​istampar u apparat tal-​illegar li jaħdmu b’veloċità kbira. Din il-​letteratura mbagħad titqassam lill-​kongregazzjonijiet sal-​iktar inħawi mbegħdin tal-​art.

15 Isiru numru bla għadd taʼ arranġamenti sabiex inkunu nistgħu niffokaw fuq l-​ippritkar tal-​aħbar tajba mal-​kongregazzjoni tagħna. Pereżempju, eluf jaħdmu bħala volontieri biex jgħinu fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna u taʼ Swali tal-​Assemblea, biex jgħinu lil dawk l-​uħud effettwati minn diżastri naturali jew li qed jiffaċċjaw emerġenzi mediċi, biex jorganizzaw l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet tagħna, u biex jgħallmu fl-​iskejjel teokratiċi. Dawn huma biss ftit mill-​attivitajiet li jsiru minn wara l-​kwinti. X’inhu l-​iskop taʼ dan ix-​xogħol kollu? Dan ix-​xogħol isir biex jgħinna nippritkaw l-​aħbar tajba, nagħmlu progress fil-​verità, u ngħinu saħansitra lil iktar nies isiru aduraturi taʼ Ġeħova. Baqgħet iffokata l-​parti viżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq dak li hu iktar importanti? Iva!

SEGWI L-​EŻEMPJU TAL-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

16. Xi jkun proġett tajjeb taʼ studju tal-​Bibbja għalik jew għall-​familja tiegħek?

16 Nieħdu l-​ħin aħna biex minn żmien għal żmien nirriflettu fuq dak li qed twettaq l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Xi wħud għażlu li jinkludu l-​ħin fil-​qima tal-​familja jew l-​istudju persunali tagħhom biex jagħmlu riċerka fuq dawn il-​kwistjonijiet u jimmeditaw fuqhom. Il-​viżjonijiet li ngħataw Isaija, Eżekjel, Danjel, u Ġwanni, joħolqu studju eċċitanti. Il-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom u pubblikazzjonijiet oħrajn jew DVDs disponibbli bil-​lingwa tiegħek jipprovdu tagħlim dwar ħafna affarijiet interessanti rigward l-​organizzazzjoni t’Alla.

17, 18. (a) Kif ibbenefikajt minn din id-​diskussjoni? (b) Liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw?

17 Ikun taʼ ġid għalina li nimmeditaw fuq dak li qed iwettaq Ġeħova permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu. Flimkien maʼ din l-​organizzazzjoni meraviljuża, jalla nkunu determinati li nibqgħu ffokati fuq dak li hu iktar importanti. Jekk nagħmlu dan, se niġu msaħħin biex ikollna l-​istess determinazzjoni li kellu Pawlu, li kiteb: “Ladarba għandna dan il-​ministeru skond il-​ħniena li ntweriet magħna, ma naqtgħux qalbna.” (2 Kor. 4:1) Hu ħeġġeġ ukoll lil ħutu li ħadmu spalla maʼ spalla miegħu: “Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-​żmien naħsdu jekk ma negħjewx.”—Gal. 6:9.

18 Hemm xi aġġustamenti li bħala individwi jew bħala familji għandna bżonn nagħmlu sabiex naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti fir-​rutina tagħna taʼ kuljum? Nistgħu nissimplifikaw ħajjitna jew innaqqsu l-​aljenazzjonijiet sabiex inkunu nistgħu nagħtu iktar attenzjoni lix-​xogħol tant importanti tal-​ippritkar? Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw ħames affarijiet li se jgħinuna nżommu l-​pass mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja