KAPITLU 1
Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova
MADWAR id-dinja, hawn bosta organizzazzjonijiet reliġjużi, politiċi, kummerċjali, u soċjali b’karatteristiki, objettivi, ħarsiet, u filosofiji li jvarjaw. Imma organizzazzjoni waħda hi differenti mhux ħażin mill-oħrajn kollha. Il-Kelma t’Alla tidentifika ċar lil din l-organizzazzjoni bħala x-Xhieda taʼ Ġeħova.
2 B’ferħ, int isseħibt mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. La rajt għalik innifsek x’inhi r-rieda t’Alla, int issa qed tagħmilha. (Salm 143:10; Rum. 12:2) Int qaddej attiv li qed isservi maʼ fratellanza kollha mħabba madwar id-dinja kollha. (2 Kor. 6:4; 1 Pt. 2:17; 5:9) Bħalma mwiegħed fil-Kelma t’Alla, dan iġiblek barkiet kbar u ħafna ferħ. (Prov. 10:22; Mk. 10:30) Billi lealment tagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova issa, int qed tiġi preparat għal futur dejjiemi u glorjuż.—1 Tim. 6:18, 19; 1 Ġw. 2:17.
3 Il-Ħallieq Grandjuż tagħna għandu organizzazzjoni globali unika li hi mmexxija teokratikament. Dan ifisser li hi mmexxija minn Ġeħova, li hu Kap fuq kulħadd. Aħna għandna fiduċja sħiħa fih. Hu l-Imħallef, il-Leġislatur, u s-Sultan tagħna. (Is. 33:22) Peress li hu Alla taʼ ordni, hu għamel arranġamenti koordinati biex aħna “naħdmu flimkien miegħu” f’li naqdu l-iskop divin.—2 Kor. 6:1, 2.
4 Hekk kif it-tmiem tas-sistema dinjija preżenti jersaq dejjem eqreb, aħna nimxu ’l quddiem taħt it-tmexxija tas-Sultan maħtur, Kristu Ġesù. (Is. 55:4; Riv. 6:2; 11:15) Ma kien ħadd ħlief Ġesù li bassar li s-segwaċi tiegħu kienu se jagħmlu għemejjel ikbar minn dawk li wettaq hu matul il-ministeru tiegħu fuq l-art. (Ġw. 14:12) Dan kien se jkun minnu għax matul perijodu itwal taʼ żmien u b’numru li dejjem jiżdied, is-segwaċi taʼ Ġesù kienu se jkopru territorju li dejjem jikber. Huma kienu se jxandru l-aħbar tajba tas-Saltna sa truf l-art.—Mt. 24:14; 28:19, 20; Atti 1:8.
5 Dan diġà nstab li hu minnu. Madankollu, bħalma qal ċar Ġesù, l-attività tax-xandir tal-aħbar tajba se tintemm fiż-żmien stabbilit taʼ Ġeħova. L-indikazzjonijiet kollha li hemm fil-Kelma profetika t’Alla juru li qorob il-jum il-kbir taʼ Ġeħova li jqanqal il-biżaʼ.—Ġoel 2:31; Sof. 1:14-18; 2:2, 3; 1 Pt. 4:7.
Għandna bżonn inżidu l-isforzi tagħna biex nagħmlu dak li Alla jirrikjedi. Dan jitlob li nkunu midħla taʼ kif taħdem l-organizzazzjoni t’Alla
6 Hekk kif nagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova f’dan iż-żmien tal-aħħar, għandna bżonn inżidu l-isforzi tagħna biex nagħmlu dak li Alla jirrikjedi. Dan jitlob li nkunu midħla taʼ kif taħdem l-organizzazzjoni t’Alla u li nikkooperaw bis-sħiħ magħha. Il-ħidma tal-organizzazzjoni hi bbażata fuq prinċipji Skritturali, inkluż il-kmandamenti, il-liġijiet, l-ordnijiet, ir-regolamenti, u t-tagħlim li nsibu fil-Kelma ispirata t’Alla.—Salm 19:7-9.
7 Meta n-nies taʼ Ġeħova jżommu maʼ direzzjoni bħal din ibbażata fuq il-Bibbja, huma jgħixu u jaħdmu flimkien fil-paċi u l-unità. (Salm 133:1; Is. 60:17; Rum. 14:19) Xi jsaħħaħ ir-rabta fost ħutna maʼ kullimkien? L-imħabba. Aħna mmotivati mill-imħabba u mlibbsin biha. (Ġw. 13:34, 35; Kol. 3:14) B’dan il-mod approvat minn Alla, aħna nżommu l-pass mal-parti tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fis-sema.
IL-PARTI TAL-ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA FIS-SEMA
8 Il-profeti Isaija, Eżekjel, u Danjel raw viżjonijiet tal-parti tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fis-sema. (Is., kap. 6; Eżek., kap. 1; Dan. 7:9, 10) Bl-istess mod, l-appostlu Ġwanni kellu viżjoni taʼ dan l-arranġament fis-sema u tana lemħa tiegħu fil-ktieb tar-Rivelazzjoni. Hu ra lil Ġeħova fuq tron glorjuż akkumpanjat minn ħlejjaq anġeliċi, li jipproklamaw: “Qaddis, qaddis, qaddis hu Alla Ġeħova, li Jistaʼ Kollox, li kien u li hu u li ġej.” (Riv. 4:8) Ġwanni ra wkoll “wieqaf fin-nofs ħdejn it-tron . . . ħaruf,” il-Ħaruf t’Alla, Ġesù Kristu.—Riv. 5:6, 13, 14; Ġw. 1:29.
9 Din il-viżjoni taʼ Ġeħova bilqiegħda fuq tron tindika li hu l-Kap taʼ din l-organizzazzjoni. Dwaru u dwar il-pożizzjoni superjuri tiegħu, l-1 Kronaki 29:11, 12 jgħid: “Tiegħek, O Ġeħova, huma l-kobor u s-setgħa u l-ġmiel u l-eċċellenza u d-dinjità; għax kulma hemm fis-smewwiet u fl-art hu tiegħek. Tiegħek hi s-saltna, O Ġeħova, int li int l-ogħla Kap fuq kulħadd. Ir-rikkezzi u l-glorja ġejjin minnek, u int qed tiddomina fuq kollox; u f’idek hemm il-qawwa u s-setgħa, u f’idek hemm l-abbiltà li tkabbar u li tagħti s-saħħa lil kulħadd.”
10 Bħala ħaddiem flimkien maʼ Ġeħova, Ġesù Kristu jokkupa pożizzjoni għolja fis-smewwiet, u ngħatatlu ħafna awtorità. Tassew, Alla “ssuġġetta . . . kollox taħt saqajh, u għamlu kap fuq kollox għall-kongregazzjoni.” (Efes. 1:22) L-appostlu Pawlu qal dwar Ġesù: “Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-isem li hu fuq kull isem ieħor, sabiex f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-sema, fuq l-art, u taħt l-art, u kull ilsien jistqarr quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-glorja t’Alla l-Missier.” (Flp. 2:9-11) B’hekk, jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa fit-tmexxija ġusta taʼ Ġesù Kristu.
11 F’viżjoni, il-profeta Danjel ra lix-Xiħ fil-Jiem fuq it-tron Tiegħu fis-sema u ra li “kien hemm elf eluf [taʼ anġli] li kienu jaqduh kontinwament, u għaxart elef għal għaxart elef darba li kienu weqfin quddiemu.” (Dan. 7:10) Il-Bibbja tirreferi għal din l-armata t’anġli fis-sema bħala “spirti għal servizz pubbliku, mibgħutin biex jaqdu lil dawk li se jirtu s-salvazzjoni.” (Ebr. 1:14) Dawn il-ħlejjaq spirti kollha huma organizzati fi ‘tronijiet, ħakmiet, gvernijiet, u awtoritajiet.’—Kol. 1:16.
12 Meta nieħdu l-ħin biex nimmeditaw dwar dawn il-karatteristiki tal-parti tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fis-sema, inkunu nistgħu nifhmu r-reazzjoni taʼ Isaija għall-viżjoni li fiha ra “lil Ġeħova, bil-qiegħda fuq tron għoli u merfugħ ’il fuq,” u “fuqu kien hemm serafini weqfin.” Isaija qal: “Gwaj għalija! Żgur se naqaʼ fis-skiet tal-mewt, għax jien bniedem mhux nadif f’xofftejh, u fost poplu mhux nadif f’xofftejh qed ngħammar; għax għajnejja raw lis-Sultan innifsu, Ġeħova tal-armati!” Tabilħaqq, Isaija baqaʼ miblugħ u ħassu mċekken meta fehem il-kobor tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Tant ġie effettwat profondament b’din l-esperjenza li meta kien hemm sejħa mis-sema dwar xogħol speċjali għax-xandir tal-ġudizzji taʼ Ġeħova, ir-reazzjoni taʼ Isaija kienet: “Hawn jien! Ibgħat lili.”—Is. 6:1-5, 8.
13 Il-poplu taʼ Ġeħova hu motivat bl-istess mod meta jirrikonoxxi u japprezza l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hekk kif l-organizzazzjoni timxi ’l quddiem, aħna nistinkaw biex inżommu l-pass magħha. Nagħmlu ħilitna biex nuru l-fiduċja li għandna fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova llum.
L-ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA MIEXJA ’L QUDDIEM
14 F’kapitlu 1 tal-profezija taʼ Eżekjel, Ġeħova jidher riekeb fuq karru ċelestjali kolossali. Dan il-karru glorjuż jirrappreżenta l-parti inviżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hu jirkeb dan il-karru fis-sens li jidderiġih b’rieda tajba u li jużah skont l-iskop tiegħu.—Salm 103:20.
15 Kull rota tal-karru għandha rota oħra ġo fiha—waħda li għandha l-istess dijametru u li tidħol la ġenba fir-rota ewlenija. B’dan il-mod biss jistaʼ jingħad li r-roti jistgħu “jmorru fl-erbaʼ naħat rispettivi tagħhom.” (Eżek. 1:17) Ir-roti jistgħu jbiddlu d-direzzjoni f’daqqa. Madankollu, dan il-karru mhuwiex bla kontroll jew mingħajr superviżjoni intelliġenti. Ġeħova ma jħallix lill-organizzazzjoni tiegħu tmur kull fejn ifettlilha. Eżekjel 1:20 jgħid: “Kulfejn l-ispirtu kien iqanqalhom imorru, huma kienu jmorru.” B’hekk, huwa Ġeħova li jġiegħel lill-organizzazzjoni tiegħu timxi kull fejn iġegħelha tmur l-ispirtu tiegħu. Il-mistoqsija li għandna nistaqsu lilna nfusna hi, ‘Qiegħed jien inżomm il-pass magħha?’
16 Li nżommu l-pass mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova jinvolvi iżjed milli sempliċement nattendu l-laqgħat u nieħdu sehem fil-ministeru tal-għalqa. Primarjament, li nżommu l-pass għandu x’jaqsam maʼ progress u tkabbir spiritwali. Aħna ‘naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti’ u nibqgħu aġġornati mal-programm taʼ ikel spiritwali. (Flp. 1:10; 4:8, 9; Ġw. 17:3) Għandna niftakru wkoll li, fejn hemm l-organizzazzjoni, hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni tajba. Għalhekk, irridu nkunu konxji tal-importanza li nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi materjali u spiritwali li Ġeħova fdalna sabiex inwettqu x-xogħol tiegħu. Hekk kif inżommu l-pass mal-karru ċelestjali taʼ Ġeħova, ħajjitna se tkun fi qbil mal-messaġġ li nxandru.
17 Bl-għajnuna tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, aħna mexjin ’il quddiem f’li nagħmlu r-rieda t’Alla. Ftakar li r-Rikkieb taʼ dan il-karru ċelestjali huwa Ġeħova. Għalhekk, li nżommu l-pass mal-karru tiegħu juri li għandna rispett lejn Ġeħova u fiduċja fil-“blata” tagħna. (Salm 18:31) Il-Bibbja twiegħed: “Ġeħova se jagħti s-saħħa lill-poplu tiegħu. Ġeħova se jbierek lill-poplu tiegħu bil-paċi.” (Salm 29:11) Ladarba llum nagħmlu parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, aħna nirċievu l-qawwa li jagħti u ngawdu l-paċi li biha jbierek lill-poplu organizzat tiegħu. Iva, m’hemm ebda dubju li barkiet kotrana jkomplu jiġu fuqna hekk kif nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova issa u għal dejjem.