LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 4/15 pp. 27-31
  • ‘Tegħjewx’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Tegħjewx’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • NILTAQGĦU FLIMKIEN GĦALL-​INKURAĠĠIMENT U GĦALL-​QIMA
  • FITTEX LIL DAWK TAʼ QALB ONESTA
  • IBBENEFIKA MILL-​PROVVEDIMENTI SPIRITWALI
  • APPOĠĠA L-​ARRANĠAMENTI TAL-​ORGANIZZAZZJONI
  • GĦIX B’TALI MOD LI JOGĦĠOB LIL ALLA
  • ‘Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Ġeħova Qed Imexxi l-​Organizzazzjoni Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Qiegħed int miexi ’l quddiem mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • L-Organizzazzjoni Viżibbli T’Alla
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 4/15 pp. 27-31

’Tegħjewx’

“Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb.”—GAL. 6:9.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Liema provvedimenti jgħinuna nibqgħu żelużi għall-​verità?

  • Meta naħsbu dwar ir-​raġuni prinċipali għala għandna nattendu l-​laqgħat, x’niġu motivati nagħmlu?

  • Id-​deċiżjonijiet tagħna kif jistgħu jindikaw jekk aħniex se nissaportu jew inkella negħjew fis-​servizz tagħna?

1, 2. Il-​fiduċja tagħna kif tiżdied meta nimmeditaw fuq l-​organizzazzjoni universali taʼ Ġeħova?

HUWA tal-​għaġeb meta nqisu li aħna parti minn organizzazzjoni universali vasta. Il-​viżjonijiet li hemm f’​Eżekjel kapitlu 1 u f’​Danjel kapitlu 7 jagħtu stampa ċara daqs il-​kristall taʼ kif Ġeħova qed jaħdem biex iwettaq l-​iskop tiegħu. Ġesù qed jieħu t-​tmexxija tal-​parti viżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hu qed jidderiġiha biex tiffoka fuq li tipprietka l-​aħbar tajba, tieħu ħsieb spiritwalment dawk li qed iwettqu dan ix-​xogħol, u tippromwovi l-​qima vera taʼ Ġeħova. X’fiduċja jagħtina dan fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova!—Mt. 24:45.

2 Qegħdin aħna personalment inżommu l-​pass maʼ din l-​organizzazzjoni meraviljuża? L-​entużjażmu tagħna għall-​verità qiegħed dejjem jiżdied jew qed jonqos? Meta nikkunsidraw dawn il-​mistoqsijiet, forsi ninnotaw li bdejna negħjew jew forsi tlifna xi ftit miż-​żelu tagħna. Dan jistaʼ jiġri. Fl-​ewwel seklu, l-​appostlu Pawlu kellu jħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani biex jikkunsidraw l-​eżempju żeluż taʼ Ġesù. Pawlu qal li dan kien se jgħinhom biex ‘ma jegħjewx u jċedu f’ruħhom.’ (Ebr. 12:3) Fl-​aħħar artiklu ddiskutejna x-​xogħol meraviljuż li qed tagħmel illum l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Sewwasew bħalma l-​eżempju taʼ Kristu inkuraġġixxa lill-​Kristjani fl-​ewwel seklu, l-​eżempju tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinna llum sabiex nissaportu fis-​servizz t’Alla u nżommu ż-​żelu tagħna.

3. X’inhu meħtieġ sabiex ma negħjewx, u x’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 Madankollu, Pawlu indika li għandna bżonn xi ħaġ’oħra sabiex ma negħjewx. Hu stqarr li rridu nibqgħu “nagħmlu dak li hu tajjeb.” (Gal. 6:9) B’hekk, għandna bżonn naġixxu. Ejja nikkunsidraw ħames affarijiet li rridu nagħmlu biex nibqgħu żelużi u nżommu l-​pass mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Imbagħad inkunu nistgħu niddeċiedu personalment jekk aħna jew il-​familji tagħna għandhomx bżonn jaħdmu biex jitjiebu f’xi ftit minn dawn l-​affarijiet.

NILTAQGĦU FLIMKIEN GĦALL-​INKURAĠĠIMENT U GĦALL-​QIMA

4. Għala nistgħu ngħidu li l-​laqgħat tagħna flimkien huma parti importanti mill-​qima vera?

4 Il-​laqgħat minn dejjem kienu attività prinċipali għall-​qaddejja taʼ Ġeħova. Fis-​sema, Ġeħova jiltaqaʼ mal-​anġli. (1 Slat. 22:19; Ġob 1:6; 2:1; Dan. 7:10) F’Iżrael tal-​qedem, il-​ġens kellu jinġabar ‘sabiex jismaʼ u sabiex jitgħallem.’ (Dt. 31:10-​12) Il-​Lhud fl-​ewwel seklu kellhom id-​drawwa li jmorru fis-​sinagogi biex jaqraw mill-​Iskrittura. (Lq. 4:16; Atti 15:21) Il-​laqgħat baqgħu jkunu importanti meta ġiet ifformata l-​kongregazzjoni Kristjana, u għadhom importanti ferm fil-​qima tagħna. Il-​Kristjani veri ‘jagħtu kas xulxin biex jitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin.’ Għandna bżonn nibqgħu ‘ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif naraw joqrob il-​jum taʼ Ġeħova.’—Ebr. 10:24, 25.

5. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin fil-​laqgħat tagħna?

5 Mod importanti kif ninkuraġġixxu lil xulxin hu billi nieħdu sehem fil-​laqgħat tagħna. Pereżempju, nistgħu nwieġbu l-​mistoqsija għall-​paragrafu, nikkummentaw fuq xi skrittura, jew ngħidu xi esperjenza fil-​qosor li turi kif jgħinuna l-​prinċipji tal-​Bibbja. (Salm 22:22; 40:9) Żgur li taqbel li ilek kemm ilek tattendi l-​laqgħat, tibqaʼ tinkuraġġixxi ruħek meta tismaʼ kummenti mill-​qalb li jagħmlu ħutna rġiel u nisa—mill-​kbir saż-​żgħir.

IL-​PARTI VIŻIBBLI TAL-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA TINKLUDI:

  1. Il-​Ġemgħa li Tiggverna

  2. Il-​Kumitati tal-​Fergħa

  3. L-​indokraturi li jivvjaġġaw

  4. Il-​ġemgħat tal-​anzjani

  5. Il-​kongregazzjonijiet

  6. Il-​pubblikaturi individwali

6. Il-​laqgħat tagħna kif jgħinuna nibqgħu attivi spiritwalment?

6 Il-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tagħna jgħinuna b’ħafna modi oħrajn. Pereżempju, jgħinuna biex ikollna l-​kuraġġ nippritkaw saħansitra meta n-​nies fit-​territorju tagħna jopponuna jew ma jkunux iridu jagħtuna widen. (Atti 4:23, 31) It-​taħditiet u partijiet oħrajn ibbażati fuq il-​Bibbja jsaħħulna l-​fidi. (Atti 15:32; Rum. 1:11, 12) It-​tagħlim u l-​inkuraġġiment li nirċievu fil-​laqgħat għall-​qima jgħinuna nesperjenzaw l-​hena veru u jagħtuna “l-​kwiet saħansitra f’jiem taʼ gwaj.” (Salm 94:12, 13) Il-​Kumitat tat-​Tagħlim tal-​Ġemgħa li Tiggverna jindokra l-​preparazzjoni tal-​programmi spiritwali kollha għall-​istruzzjoni tal-​poplu taʼ Ġeħova madwar id-​dinja. Kemm nistgħu nkunu grati għall-​provvedimenti li jsiru għalina biex ingawdu tagħlim li jibnina fil-​laqgħat tagħna kull ġimgħa tas-​sena!

7, 8. (a) X’inhu l-​iskop primarju tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tagħna? (b) Il-​laqgħat kif jgħinuk spiritwalment?

7 Madankollu, hemm xi ħaġa saħansitra iktar importanti mill-​benefiċċji persunali li nirċievu mil-​laqgħat tagħna. L-​iskop primarju tal-​laqgħat flimkien hu biex inqimu lil Ġeħova. (Aqra Salm 95:6.) Xi privileġġ għandna li nfaħħru lil Alla meraviljuż tagħna! (Kol. 3:16) Ġeħova jixraqlu li nqimuh regolarment permezz tal-​attendenza u tal-​parteċipazzjoni tagħna fil-​laqgħat teokratiċi. (Riv. 4:11) Mela, mhux taʼ b’xejn li niġu mħeġġin biex “ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud”!—Ebr. 10:25.

8 Narawhom il-​laqgħat Kristjani tagħna bħala provvediment li jgħinna nissaportu sakemm Ġeħova jaġixxi kontra din is-​sistema mill-​agħar? Jekk iva, il-​laqgħat se jkunu fost “dak li hu iktar importanti” u li nagħmlu l-​wisaʼ għalih fil-​ħajja mgħaġġla tagħna. (Flp. 1:10) Dment li ma jkunx hemm raġuni serja, qatt m’għandna nitilfu xi laqgħa.

FITTEX LIL DAWK TAʼ QALB ONESTA

9. Kif nafu li x-​xogħol tal-​ippritkar hu importanti?

9 Is-​sehem sħiħ tagħna fix-​xogħol tal-​ippritkar jgħinna wkoll biex inżommu l-​pass mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ġesù beda dan ix-​xogħol meta kien fuq l-​art. (Mt. 28:19, 20) Minn dakinhar ’l hawn, l-​ippritkar u x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli kienu u għadhom fost l-​iktar attivitajiet importanti tal-​organizzazzjoni kollha taʼ Ġeħova. Ħafna esperjenzi juruna li l-​anġli qed jappoġġaw ix-​xogħol tagħna u qed jiggwidawna biex insibu lil ‘dawk kollha li għandhom attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.’ (Atti 13:48; Riv. 14:6, 7) U l-​iskop kollu tal-​parti viżibbli tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova hu li torganizza u tappoġġa x-​xogħol tal-​ippritkar. Huwa dan ix-​xogħol fost l-​iktar affarijiet importanti għalik ukoll?

10. (a) Agħti eżempju taʼ kif nistgħu nibqgħu entużjasti għall-​verità. (b) Il-​ministeru kif għenek biex ma tegħjiex?

10 Iż-​żelu fil-​ministeru jgħinna nibqgħu entużjasti għall-​verità. Ikkunsidra l-​kummenti taʼ Mitchel, li ilu żmien twil jaqdi bħala anzjan u pijunier regulari. Hu jgħid: “Inħobb nitkellem man-​nies dwar il-​verità. Naħseb dwar xi artiklu ġdid fit-​Torri tal-​Għassa jew fi Stenbaħ! u nibqaʼ mmeraviljat bl-​għerf, id-​dehen, u l-​bilanċ perfett f’kull ħarġa. Ikolli sebaʼ mitt sena biex noħroġ fil-​ministeru ħalli nara kif se jirreaġixxu n-​nies u kif nistaʼ nqanqlilhom l-​interess. Il-​ministeru jżommni stabbli. Inwarrab ħin għall-​ministeru u nagħmel ċert li kull ħaġ’oħra ssir qabel jew wara dak il-​ħin.” Bl-​istess mod, li jkollna ħafna x’nagħmlu fis-​servizz sagru jistaʼ jgħinna nissaportu f’dawn l-​aħħar jiem.—Aqra l-​1 Korintin 15:58.

IBBENEFIKA MILL-​PROVVEDIMENTI SPIRITWALI

11. Għala għandna naqraw il-​pubblikazzjonijiet tagħna u nimmeditaw fuq dak li naqraw?

11 Ġeħova pprovdielna abbundanza taʼ ikel spiritwali biex isaħħaħna. Bla dubju, tistaʼ taħseb f’meta qrajt xi pubblikazzjoni u mbagħad għedt: ‘Dak kien preċiż dak li kelli bżonn! Huwa bħallikieku Ġeħova kitbu proprju għalija persunali!’ Dan ma jiġrix b’kumbinazzjoni. Permezz taʼ dawn il-​provvedimenti, Ġeħova tassew jistruwina u jiggwidana. Hu qal: “Se nagħtik id-​dehen u nistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad.” (Salm 32:8) Nagħmlu aħna l-​almu tagħna biex naqraw il-​pubblikazzjonijiet kollha li nirċievu u nimmeditaw fuq dak li naqraw? Dan se jgħinna nissaportu u nżommu ż-​żelu tagħna fis-​servizz t’Alla f’dawn l-​aħħar jiem diffiċli.—Aqra Salm 1:1-​3; 35:28; 119:97.

12. X’jistaʼ jgħinna napprezzaw il-​provvedimenti spiritwali tagħna?

12 Aħna se napprezzaw iktar il-​pubblikazzjonijiet tagħna jekk naħsbu dwar ix-​xogħol kollu involut biex isiru. Il-​Kumitat tal-​Kitba tal-​Ġemgħa li Tiggverna jindokra l-​proċess tar-​riċerka, tal-​kitba, tal-​qari tal-​provi, tal-​għażla tal-​istampi, u tat-​traduzzjoni taʼ kull pubblikazzjoni li nistampaw jew li nitfgħu fil-​Websajt tagħna. Il-​fergħat tal-​istampar jibagħtu l-​letteratura lill-​ħafna kongregazzjonijiet fit-​territorju tagħhom. Dan ix-​xogħol kollu għala jsir? Sabiex in-​nies taʼ Ġeħova jiġu mitmugħin sewwa spiritwalment. (Is. 65:13) Jalla nibbenefikaw mill-​ikel spiritwali kollu li nirċievu permezz tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.—Salm 119:27.

APPOĠĠA L-​ARRANĠAMENTI TAL-​ORGANIZZAZZJONI

13, 14. Min qed jappoġġa l-​arranġamenti taʼ Ġeħova fis-​smewwiet, u kif nistgħu nuru appoġġ simili fuq l-​art?

13 Fil-​viżjoni li ngħatat lill-​appostlu Ġwanni, lil Ġesù narawh riekeb fuq żiemel abjad biex jirbaħ lil dawk li jirribellaw kontra Ġeħova. (Riv. 19:11-​15) Kemm isaħħilna l-​fidi li nkunu nafu li preċiż wara Ġesù hemm l-​anġli leali u miegħu hemm il-​midlukin leali li ġew irxoxtati biex imorru fis-​sema! (Riv. 2:26, 27) X’eżempju mill-​aqwa għalina biex nappoġġaw l-​arranġamenti taʼ Ġeħova!

14 Bl-​istess manjiera, il-​folla l-​kbira jappoġġaw bis-​sħiħ ix-​xogħol taʼ ħut Kristu l-​midlukin li għadhom fuq l-​art u li llum jieħdu t-​tmexxija fl-​organizzazzjoni. (Aqra Żakkarija 8:23.) Kif nistgħu nuru individwalment li nappoġġaw l-​arranġamenti taʼ Ġeħova? Mod wieħed hu billi nkunu sottomessi lejn dawk li jieħdu t-​tmexxija. (Ebr. 13:7, 17) Dan jibda fil-​kongregazzjoni tagħna stess. B’dak li ngħidu dwar l-​anzjani ninkuraġġixxu aħna lil ħaddieħor biex jirrispetta lilhom u x-​xogħol li jagħmlu? Ngħallmu aħna lil uliedna biex jirrispettaw lil dawn l-​irġiel leali u biex jagħtu widen għall-​pariri tagħhom? Iżjed minn hekk, niddiskutu aħna bħala familja kif nistgħu nużaw il-​finanzi tagħna ħalli nappoġġaw ix-​xogħol madwar id-​dinja permezz tad-​donazzjonijiet tagħna? (Prov. 3:9; 1 Kor. 16:2; 2 Kor. 8:12) Barra minn hekk, ngħinu biex is-​Sala tas-​Saltna nżommuha nadifa u fi stat tajjeb? Meta Ġeħova jara li qed nappoġġaw lill-​organizzazzjoni b’dawn il-​modi, hu jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu. Permezz taʼ dan l-​ispirtu nirċievu għajnuna kontinwa biex ma negħjewx f’dawn l-​aħħar jiem.—Is. 40:29-​31.

GĦIX B’TALI MOD LI JOGĦĠOB LIL ALLA

15. Għala rridu nikkumbattu kontinwament biex nagħmlu dak li hu tajjeb?

15 Finalment, biex nissaportu u nibqgħu nżommu l-​pass mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, irridu ngħixu b’tali mod li jogħġob lil Alla billi ‘naċċertaw ruħna dwar x’inhu aċċettabbli għall-​Mulej.’ (Efes. 5:10, 11) Minħabba l-​imperfezzjoni tagħna u l-​isforzi taʼ Satana u taʼ din id-​dinja mill-​agħar, qed nikkumbattu kontinwament kontra l-​influwenzi negattivi f’ħajjitna. Xi wħud minnkom, għeżież ħutna, għandkom ġlieda iebsa kuljum biex iżżommu l-​ħbiberija tagħkom maʼ Ġeħova. Ġeħova jħobbkom minħabba l-​isforzi li tagħmlu. Taqtgħux qalbkom! Li ngħixu ħajjitna f’armonija mal-​iskop taʼ Ġeħova jagħtina sodisfazzjon kbir u jiżgurana li l-​qima tagħna mhijiex għalxejn.—1 Kor. 9:24-​27.

16, 17. (a) X’għandna nagħmlu jekk inkunu kkommettejna xi dnub serju? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Anne?

16 Madankollu, x’għandna nagħmlu jekk inkunu kkommettejna xi dnub serju? Niksbu l-​għajnuna malajr kemm jistaʼ jkun. Jekk inħallu l-​kwistjoni moħbija, inkunu qed niggravaw l-​affarijiet. Ftakar li David qal li meta baqaʼ sieket dwar dnubietu, ‘għadmu ttiekel minħabba l-​krib tiegħu l-​jum kollu.’ (Salm 32:3) Iva, li naħbu dnubiet serji sempliċement se jġegħelna negħjew emozzjonalment u spiritwalment, imma jekk ‘nistqarruhom u nitilquhom nintwerew ħniena.’—Prov. 28:13.

17 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Anne.a Meta Anne kienet fl-​aħħar snin tal-​adoloxxenza tagħha kienet taqdi bħala pijuniera regulari. Madankollu, bdiet tgħix ħajja doppja. Dan effettwaha ħafna, u kellha kuxjenza ħatja. Hi tgħid, “Ma kont ferħana xejn u ħassejtni dipressa l-​ħin kollu.” X’għamlet? Hi tistqarr li darba minnhom fil-​laqgħa ġiet diskussa l-​iskrittura taʼ Ġakbu 5:14, 15. Anne irrealizzat li kellha bżonn l-​għajnuna, u għalhekk marret għand l-​anzjani. Meta tħares lura, hi tgħid: “Dawk l-​iskritturi huma bħal riċetta tat-​tabib miktuba minn Ġeħova għall-​fejqan spiritwali. Il-​mediċina ma tkunx faċli biex tniżżilha, imma tassew tfejjaq. Jien tajt kas il-​parir li hemm f’dawn il-​versi, u rnexxieli nfiq.” Għaddew xi snin u Anne qed terġaʼ taqdi lil Ġeħova biż-​żelu u b’kuxjenza nadifa.

18. X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna?

18 Xi privileġġ li ngħixu f’dawn l-​aħħar jiem u li nkunu parti mill-​organizzazzjoni inkredibbli taʼ Ġeħova! Ejja nkunu determinati li dejjem napprezzaw dak li għandna. Għalhekk, ejja naħdmu flimkien bħala familja biex inkunu regulari fil-​laqgħat għall-​qima mal-​kongregazzjoni tagħna, biex infittxu bir-​reqqa lil dawk taʼ qalb onesta fit-​territorju tagħna, u biex ngħożżu l-​provvedimenti regulari taʼ ikel spiritwali li nirċievu. Ejja wkoll nappoġġaw lil dawk li jieħdu t-​tmexxija u ngħixu b’tali mod li jogħġob lil Ġeħova. Jekk nagħmlu dan, mhux biss inkunu qed inżommu l-​pass mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova imma wkoll qatt ma se negħjew nagħmlu dak li hu tajjeb!

a L-​isem ġie mibdul.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja