LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 5/15 pp. 26-30
  • Qiegħed int miexi ’l quddiem mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qiegħed int miexi ’l quddiem mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​ATTAKK TAʼ SATANA JWASSAL GĦAL ARMAGEDDON
  • GĦALA L-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA TKOMPLI TIKBER
  • DAK LI ĠEĦOVA JIRRIKJEDI MINNA
  • IBQAʼ MIEXI ’L QUDDIEM MAL-​ORGANIZZAZZJONI T’ALLA
  • Ibqaʼ fis-Sigurtà Bħala Parti mill-Organizzazzjoni t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • ‘Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Żomm il-Pass maʼ l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • L-Organizzazzjoni Viżibbli T’Alla
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 5/15 pp. 26-30
Kristjani tal-​ewwel seklu qed jitilqu minn Ġerusalemm

Qiegħed int miexi ’l quddiem mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

“Għajnejn Ġeħova huma fuq in-​nies sewwa.” —1 PT. 3:12.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġeħova x’se jagħmel meta l-​poplu tiegħu jiġi attakkat?

  • X’inhuma xi affarijiet li Alla jirrikjedi minna bħala l-​poplu tiegħu?

  • Għala għandna nibqgħu mexjin ’il quddiem mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

1. Liema organizzazzjoni ħadet post il-​ġens t’Iżrael bħala l-​poplu magħżul t’Alla? (Ara l-​ewwel stampa.)

IL-​POPLU taʼ Ġeħova fuq l-​art illum jaqdih b’mod li jogħġob Lilu. Fil-​passat, il-​membri tal-​ġens t’Iżrael kienu l-​poplu magħżul t’Alla. Imma dawn saru apostati. Ġeħova mbagħad ħalaq ġens ġdid magħmul minn segwaċi taʼ Kristu. Dawn saru organizzazzjoni li rrappreżentat lil Ġeħova. Għalkemm Ġerusalemm inqerdet fis-​sena 70 EK, din l-​organizzazzjoni ma nqerditx. (Lq. 21:20, 21) F’dawn l-​aħħar jiem, il-​ġens il-​ġdid hu organizzat biex jirrappreżenta lil Ġeħova. Dan mhux se jinqered meta d-​dinja taʼ Satana titneħħa għal dejjem. (2 Tim. 3:1) Kif nistgħu nkunu ċerti?

2. Ġesù x’qal dwar ‘it-​tribulazzjoni l-​kbira,’ u kif se tibda?

2 Ġesù bassar x’kien se jiġri fl-​aħħar jiem: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” (Mt. 24:3, 21) Din it-​tribulazzjoni se tibda meta Ġeħova jeqred lil “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Dan se jagħmlu billi juża gvernijiet umani. (Riv. 17:3-​5, 16) Imbagħad x’se jiġri?

L-​ATTAKK TAʼ SATANA JWASSAL GĦAL ARMAGEDDON

3. Wara li tinqered ir-​reliġjon falza, x’se jiġri lill-​poplu taʼ Ġeħova?

3 Wara li tinqered ir-​reliġjon falza, Satana u d-​dinja tiegħu se jattakkaw lill-​qaddejja taʼ Ġeħova. Se jidher bħallikieku l-​poplu paċifiku taʼ Ġeħova m’għandux protezzjoni. Dwar “Gog taʼ l-​art taʼ Magog,” il-​Bibbja tgħid: “Int se jkollok titlaʼ. Tiġi bħal maltempata. Tkun bħal sħab li jiksi l-​pajjiż, int u l-​qtajjaʼ kollha tiegħek u ħafna popli miegħek.” Imma dan l-​attakk se jkun żball kbir!—Eżek. 38:1, 2, 9-​12.

4, 5. Ġeħova x’se jagħmel meta l-​poplu tiegħu jiġi attakkat?

4 Alla kif se jwieġeb għall-​isforzi taʼ Satana u s-​segwaċi tiegħu biex jeqirdu lill-​poplu Tiegħu? Ġeħova se jaqbeż għalihom, u b’hekk juża d-​dritt tiegħu bħala s-​Sovran Universali. Ġeħova jqis attakk fuq il-​qaddejja tiegħu bħala attakk fuqu nnifsu. (Aqra Żakkarija 2:8.) Għalhekk, Missierna tas-​sema se jieħu azzjoni minnufih biex isalvana. Dan il-​ħelsien se jilħaq il-​quċċata tiegħu bil-​qerda tad-​dinja taʼ Satana f’Armageddon, il-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.”—Riv. 16:14, 16.

5 Rigward Armageddon, il-​profezija Biblika tgħid: “‘Ġeħova qiegħed f’kontroversja mal-​ġnus. Hu se jkollu xi jgħid mal-​bnedmin kollha, u lill-​ħżiena jagħtihom għas-​sejf,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova. Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Ara! Se jgħaddi gwaj minn ġens għal ġens, u tempesta kbira se tqum mill-​ibgħad partijiet taʼ l-​art. U dakinhar, dawk maqtulin minn Ġeħova se jkunu minn tarf sat-​tarf l-​ieħor taʼ l-​art. Ma jibkuhomx, lanqas jiġbruhom jew jidfnuhom. Bħal demel fuq wiċċ l-​art isiru.’” (Ġer. 25:31-​33) Armageddon se ġġib tmiem għal din is-​sistema mill-​agħar. Id-​dinja taʼ Satana se tinqered, imma l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova se ssalva.

GĦALA L-​ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA TKOMPLI TIKBER

6, 7. (a) Minn fejn jiġu dawk li jifformaw ‘il-​folla l-​kbira’? (b) Liema żieda kien hemm fi snin reċenti?

6 Illum, l-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art tkompli tikber għax hi mimlija nies li għandhom l-​approvazzjoni t’Alla. Il-​Bibbja tgħid: “Għajnejn Ġeħova huma fuq in-​nies sewwa, u widnejh miftuħin għat-​talb bil-​ħerqa tagħhom.” (1 Pt. 3:12) In-​nies sewwa jinkludu “folla kbira” li “ħarġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira.” (Riv. 7:9, 14) Dawn l-​uħud li jsalvaw mhumiex biss “folla.” Huma “folla kbira”—għadd kbir taʼ nies. Tara lilek innifsek fosthom bħala xi ħadd li salva “mit-​tribulazzjoni l-​kbira”?

7 Minn fejn jiġu dawk li jifformaw il-​folla l-​kbira? Qed jinġabru flimkien minħabba dak li bassar Ġesù bħala parti mis-​sinjal tal-​preżenza tiegħu. Hu qal: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mt. 24:14) F’dawn l-​aħħar jiem, dan hu x-​xogħol prinċipali tal-​organizzazzjoni t’Alla. Minħabba l-​ippritkar u l-​attività tat-​tagħlim globali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, miljuni taʼ nies tgħallmu jqimu lil Alla “bl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġw. 4:23, 24) Pereżempju, bejn l-​2003 u l-​2012, iktar minn 2,707,000 ruħ iddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u tgħammdu. Illum, hemm iktar minn 7,900,000 Xhud, u kull sena miljuni oħrajn jattendu t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu. Aħna nifirħu li l-​folla l-​kbira qed tikber malajr u nafu li hu Ġeħova li qed ikabbarha.—1 Kor. 3:5-​7.

8. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova għala qed tikber daqstant?

8 Kien hemm tkabbir tal-​għaġeb fl-​għadd taʼ qaddejja t’Alla għax Ġeħova nnifsu qed jappoġġa lix-​Xhieda tiegħu. (Aqra Isaija 43:10-​12.) Din iż-​żieda kienet imbassra f’dan il-​kliem profetiku: “Il-​wieħed ċkejken isir elf, u ż-​żgħir ġens setgħan. Jien innifsi, Ġeħova, se ngħaġġlu f’waqtu.” (Is. 60:22) Il-​fdal midluk, “l-​Israel t’Alla,” kienu bħall-​“wieħed ċkejken,” imma Ġeħova bierek ix-​xogħol tal-​ippritkar tagħhom. L-​għadd taʼ dawn l-​uħud kiber hekk kif midlukin oħrajn iddaħħlu fl-​organizzazzjoni t’Alla. (Gal. 6:16) Minħabba l-​barka taʼ Ġeħova matul is-​snin, iż-​żieda tkompli bil-​ġbir tal-​folla l-​kbira.

DAK LI ĠEĦOVA JIRRIKJEDI MINNA

9. Xi rridu nagħmlu biex nibbenefikaw mill-​wegħda t’Alla għal futur meraviljuż?

9 Ġeħova wiegħed futur meraviljuż għalina lkoll, kemm jekk aħna minn tal-​midlukin u kemm jekk minn tal-​folla l-​kbira. Biex nibbenefikaw minn din il-​wegħda, irridu nobdu l-​kmandamenti tiegħu. (Is. 48:17, 18) Pereżempju, Ġeħova kien jirrikjedi li l-​Iżraelin jobdu l-​Liġi tiegħu. Il-​Liġi kienet se tipproteġihom u tgħallimhom kif ikollhom familja hienja u ħbieb tajbin, kif jagħmlu n-​negozju b’mod onest, u kif jittrattaw lil oħrajn bil-​qalb tajba. (Eżo. 20:14; Lev. 19:18, 35-​37; Dt. 6:6-​9) L-​istess hu minnu għalina llum. Il-​kmandamenti t’Alla jipproteġuna u huma għall-​ġid tagħna. Mhumiex diffiċli wisq biex nobduhom. (Aqra l-​1 Ġwanni 5:3.) Meta nobduhom, ħajjitna tkun iktar hienja, u fuq kollox, tissaħħaħ il-​fidi tagħna f’Ġeħova.—Titu 1:13.

10. Għala għandna nwarrbu l-​ħin għall-​istudju tal-​Bibbja u għal-​lejla tal-​Qima tal-​Familja kull ġimgħa?

10 Il-​parti tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-​art miexja ’l quddiem b’diversi modi. Pereżempju, il-​fehma tagħna tal-​verità tal-​Bibbja dejjem qed tiċċara. Dan għandna nistennewh, għax “il-​mogħdija tan-​nies sewwa hi bħal dawl qawwi li qed jiżdied iktar u iktar sal-​milja tal-​jum.” (Prov. 4:18) Imma kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi: ‘Aġġornat jien mal-​bidliet reċenti fil-​mod kif nifhmu ċerti skritturi? Hija d-​drawwa tiegħi li naqra l-​Bibbja kuljum? Inkun ħerqan biex naqra kull pubblikazzjoni ġdida? Għandi lejla kull ġimgħa għall-​Qima tal-​Familja?’ Il-​biċċa l-​kbira minna naqblu li mhuwiex diffiċli ħafna li nagħmlu dawn l-​affarijiet. Spiss hi sempliċement kwistjoni taʼ li nwarrbu l-​ħin biex nagħmluhom. U kemm hu importanti li nieħdu għarfien Skritturali eżatt, napplikawh, u nagħmlu progress spiritwali—speċjalment issa li t-​tribulazzjoni l-​kbira hi tant fil-​viċin!

11. Il-​festi tal-​qedem u l-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet taʼ żmienna, b’liema modi kienu u għadhom taʼ benefiċċju?

11 L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tinkuraġġina nsegwu l-​parir taʼ Pawlu: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.” (Ebr. 10:24, 25) Festi annwali u laqgħat oħrajn għall-​qima saħħew lill-​Iżraelin spiritwalment. Barra minn hekk, ġrajjiet bħall-​Festa tal-​Għerejjex fi żmien Neħemija kienu okkażjonijiet taʼ ferħ. (Eżo. 23:15, 16; Neħ. 8:9-​18) Aħna niksbu benefiċċji simili mil-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tagħna. Ejja nieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn il-​provvedimenti għas-​saħħa spiritwali u l-​ferħ tagħna.—Titu 2:2.

12. Kif għandna nħossuna dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar?

12 Bħala membri tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, għandna nippritkaw l-​aħbar tajba. Dan hu unur kbir għalina. Infatti, fil-​Bibbja dan ix-​xogħol jissejjaħ “qaddis,” jew sagru. (Rum. 15:16) Meta nippritkaw inkunu qed naħdmu “mal-​Qaddis,” Ġeħova. (1 Pt. 1:15; 1 Kor. 3:9) Għandna sehem ukoll f’li nonoraw l-​isem qaddis taʼ Ġeħova. Inħossuna ferħanin meta nippritkaw “l-​aħbar tajba u glorjuża taʼ l-​Alla l-​hieni.”—1 Tim. 1:11.

13. Saħħa spiritwali tajba u l-​ħajja nfisha minn xiex jiddependu?

13 Alla jridna nżommu saħħa spiritwali tajba billi nibqgħu qrib tiegħu u nappoġġaw lill-​organizzazzjoni tiegħu. Mosè qal lill-​Iżraelin: “Jien illum insejjaħ is-​smewwiet u l-​art bħala xhieda kontrikom, li qegħedt il-​ħajja u l-​mewt quddiemek, il-​barka u s-​saħta; u trid tagħżel il-​ħajja sabiex tibqaʼ ħaj, int u nislek, billi tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek, billi tismaʼ minn leħnu, u billi tintrabat miegħu; għax hu ħajtek u t-​tul taʼ jiemek, biex tgħammar fuq l-​art li Ġeħova ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb li jagħtihielhom.” (Dt. 30:19, 20) Il-​ħajja tagħna tiddependi milli nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova, inħobbuh, nobdu kulma jgħidilna, u nibqgħu qrib tiegħu.

14. Wieħed ħu kif ħassu dwar l-​organizzazzjoni t’Alla?

14 Ħuna Pryce Hughes, li tgħallem il-​verità qabel l-​1914, baqaʼ leali lejn Ġeħova u l-​organizzazzjoni Tiegħu matul ħajtu kollha. Meta kien qed jirrakkonta l-​istorja taʼ ħajtu, hu qal li l-​iktar lezzjoni importanti li tgħallem kienet li jibqaʼ qrib l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u ma jistrieħx fuq il-​ħsieb tal-​bniedem. Dan għenu jissaporti l-​provi tal-​fidi li ffaċċja f’ħajtu. Ħuna Hughes qal li l-​uniku mod kif ikollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova hu billi dejjem insegwu d-​direzzjoni tal-​organizzazzjoni Tiegħu.

IBQAʼ MIEXI ’L QUDDIEM MAL-​ORGANIZZAZZJONI T’ALLA

15. Liema eżempju Bibliku jgħallimna kif għandna nirreaġixxu meta jkun hemm aġġustamenti fil-​fehma tagħna?

15 Biex ikollna l-​approvazzjoni u l-​barka taʼ Ġeħova bħala individwi, irridu nappoġġaw l-​organizzazzjoni tiegħu u naċċettaw aġġustamenti fil-​fehma tagħna tal-​Iskrittura. Ikkunsidra dan: Wara l-​mewt taʼ Ġesù, kien hemm eluf taʼ Kristjani Lhud li kienu żelużi għal-​Liġi u sabuha diffiċli biex ma jibqgħux isegwuha. (Atti 21:17-​20) Imma Pawlu kkoreġiehom u għenhom jaraw li kien is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, mhux is-​sagrifiċċji tal-​annimali, li għamilha possibbli li jinħafru d-​dnubiet. (Ebr. 10:5-​10) Bla dubju, il-​biċċa l-​kbira minn dawn il-​Kristjani li kienu taʼ dixxendenza Lhudija aġġustaw il-​ħsib tagħhom u mxew ’il quddiem spiritwalment. Aħna wkoll irridu nistudjaw b’mod diliġenti u jkollna moħħ miftuħ meta jkun hemm aġġustamenti fil-​fehma tal-​Kelma t’Alla jew fix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar.

16. (a) Il-​ħajja fil-​Ġenna tal-​art għala se tkun meraviljuża? (b) Int għal liema affarijiet qed tħares ’il quddiem fid-​dinja l-​ġdida?

16 Dawk kollha li jibqgħu leali lejn Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu se jkollhom il-​barka kontinwa tiegħu. Il-​midlukin leali se jgawdu privileġġi kbar bħala werrieta bi sħab maʼ Kristu fis-​sema. (Rum. 8:16, 17) Jekk it-​tama tagħna hi għall-​art, immaġina kemm se jkun meraviljuż li ngħixu fil-​Ġenna tal-​art. Bħala parti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, kemm inħossu ferħ issa meta ngħidu lil oħrajn dwar id-​dinja l-​ġdida mwiegħda t’Alla! (2 Pt. 3:13) Salm 37:11 jgħid: “Il-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” In-​nies “se jibnu djar u jgħammru fihom” u se jgawdu “xogħol idejhom.” (Is. 65:21, 22) Mhux se jkun hemm iktar moħqrija, faqar, u ġuħ. (Salm 72:13-​16) Ir-​reliġjon falza mhux se tibqaʼ tgħallem gideb dwar Alla, għax se tinqered. (Riv. 18:8, 21) Il-​mejtin se jiġu rxoxtati u jingħataw l-​opportunità li jgħixu għal dejjem. (Is. 25:8; Atti 24:15) Xi prospetti eċċitanti hemm għal miljuni taʼ wħud li ddedikaw ruħhom lil Ġeħova! Biex dawn il-​wegħdi Skritturali jsiru realtà għalina bħala individwi, irridu nsaħħu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova u nibqgħu mexjin ’il quddiem mal-​organizzazzjoni tiegħu.

Qaddejja leali t’Alla qed igawdu l-​ħajja f’Ġenna tal-​art

Tistaʼ tara lilek innifsek fil-​Ġenna tal-​art? (Ara paragrafu 16)

17. X’għandha tkun l-​attitudni tagħna lejn il-​qima taʼ Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu?

17 Bit-​tmiem taʼ din is-​sistema tant fil-​qrib, ejja nibqgħu sodi fil-​fidi u nuru gratitudni għall-​arranġament li Alla għamel għall-​qima. Din kienet l-​attitudni tas-​salmista David, li kanta: “Ħaġa waħda tlabt mingħand Ġeħova—lilha se nfittex, li ngħammar fid-​dar taʼ Ġeħova l-​jiem kollha taʼ ħajti, biex nara s-​sbuħija taʼ Ġeħova u biex inħares b’apprezzament lejn it-​tempju tiegħu.” (Salm 27:4) Jalla kull wieħed u waħda minna jibqaʼ qrib t’Alla, iżomm il-​pass mal-​poplu Tiegħu, u jibqaʼ miexi ʼl quddiem mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja