Żomm il-Pass maʼ l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah
“Alla tas-sliem . . . iwettaqkom b’kull ħaġa tajba, biex tagħmlu r-rieda tiegħu.”—LHUD 13:20, 21.
1. Kemm hi l-popolazzjoni tad-dinja, u kemm hemm li huma mniżżlin bħala membri f’ċerti reliġjonijiet?
FIS-SENA 1999, il-popolazzjoni tad-dinja laħqet is-sitt elef miljun ruħ! The World Almanac jgħidilna li 1,165,000,000 minnhom huma Musulmani; 1,030,000,000 huma Kattoliċi Rumani; 762,000,000 huma Ħindu; 354,000,000 huma Buddisti; 316,000,000 huma Protestanti; u 214,000,000 huma Ortodossi.
2. X’jistaʼ jingħad dwar is-sitwazzjoni reliġjuża li teżisti llum?
2 Meta wieħed iqis il-firda u t-taħwid li hawn fir-reliġjonijiet illum, jistaʼ jkun li dawn il-miljuni kollha qed jaġixxu fi qbil mar-rieda t’Alla? Ma jistax ikun, “għax Alla m’hux Alla tad-diżordni iżda tas-sliem.” (1 Korintin 14:33) Mill-banda l-oħra, xi ngħidu dwar il-fratellanza internazzjonali tal-qaddejja taʼ Jehovah? (1 Pietru 2:17) Meta wieħed jinvestiga bir-reqqa jsib li ‘Alla tas-sliem iwettaqhom b’kull ħaġa tajba biex jagħmlu r-rieda tiegħu.’—Lhud 13:20, 21.
3. X’ġara f’Ġerusalemm nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., u għala?
3 M’għandniex xi ngħidu, in-numru taʼ dawk li jassoċjaw max-Xhieda taʼ Jehovah m’huwiex il-kriterju li fuqu jiġi determinat jekk dawn għandhomx l-approvazzjoni t’Alla. L-istatistika ma timpressjonahx lil Alla. Hu m’għażilx lill-Iżraelin għax kienu “kbar fil-għadd” iżjed minn kull poplu ieħor. Fil-fatt, kienu “l-iċken fil-għadd” fosthom kollha. (Dewteronomju 7:7) Imma għax Iżrael ma baqax leali, nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., Jehovah ttrasferixxa l-favur u l-barkiet tiegħu fuq il-kongregazzjoni l-ġdida li kienet magħmula mis-segwaċi taʼ Ġesù Kristu. Dawn ġew midlukin bl-ispirtu qaddis taʼ Jehovah u ħarġu bi ħġarhom ixandru l-verità dwar Alla u dwar Kristu lil oħrajn.—Atti 2:41, 42.
Miexja ’l Quddiem il-Ħin Kollu
4. Għala tistaʼ tgħid li l-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu kienet miexja ’l quddiem il-ħin kollu?
4 Matul l-ewwel seklu, il-kongregazzjoni Kristjana kienet miexja ’l quddiem il-ħin kollu, tiftaħ territorji ġodda, tagħmel dixxipli, u tikseb fehma dejjem akbar taʼ l-iskopijiet t’Alla. Il-Kristjani bikrin żammew il-pass mat-tidwil spiritwali provdut permezz taʼ ittri mnebbħin minn Alla. Grazzi għall-inkuraġġiment li rċivew permezz taʼ żjajjar li għamlulhom l-appostli u oħrajn, huma wettqu għalkollox il-ministeru tagħhom. Dan kollu hu mniżżel għalina bil-miktub fl-Iskrittura Griega Kristjana.—Atti 10:21, 22; 13:46, 47; 2 Timotju 1:13; 4:5; Lhud 6:1-3; 2 Pietru 3:17, 18.
5. L-organizzazzjoni t’Alla għala miexja ’l quddiem illum, u aħna għala rridu nibqgħu nżommu l-pass magħha?
5 Bħall-Kristjani tal-bidu, ix-Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna żviluppaw minn bidu żgħir. (Żakkarija 4:8-10) Minn tmiem is-seklu 19, kien hemm evidenza ċara li l-ispirtu t’Alla kien qed jopera fuq l-organizzazzjoni tiegħu. Minħabba l-fatt li striħajna fuq il-gwida taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, u mhux fuq il-qawwa tal-bniedem, issoktajna nimxu ’l quddiem fil-fehma tagħna taʼ l-Iskrittura u f’li nagħmlu r-rieda t’Alla. (Żakkarija 4:6, NW) Issa li qegħdin fl-aħħar żminijiet, huwa vitali għalina li nibqgħu nżommu l-pass maʼ l-organizzazzjoni progressiva taʼ Jehovah. (2 Timotju 3:1-5) Meta nagħmlu hekk inkunu nistgħu nżommu t-tama tagħna ħajja u nieħdu sehem f’li nagħtu xiehda dwar is-Saltna stabbilita t’Alla, qabel ma jasal it-tmiemnett fuq din is-sistema li qed ngħixu fiha.—Mattew 24:3-14.
6, 7. Liema tliet oqsma li fihom l-organizzazzjoni taʼ Jehovah mxiet ’il quddiem se nikkunsidraw?
6 Fostna hemm dawk li bdew jassoċjaw maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah mis-snin 20, mis-snin 30, u mis-snin 40. F’dawk is-snin bikrin, min fostna qatt kien jimmaġina ż-żjieda taʼ l-għaġeb u l-iżvilupp progressiv li għamlet l-organizzazzjoni sal-ġurnata tal-lum? Aħseb dwar il-ġrajjiet importanti li għaddejna minnhom u li se jibqgħu mmarkati fl-istorja moderna tagħna! Tassew tħossok tibbenefika spiritwalment meta toqgħod tirrifletti fuq dak li Jehovah wettaq permezz tal-poplu tiegħu li hu organizzat b’mod teokratiku.
7 David, is-sultan tal-qedem, baqaʼ impressjonat ferm meta qagħad jaħseb dwar l-għeġubijiet taʼ Jehovah. “Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem,” hu qal, “iżda huma ħafna biex insemmihom.” (Salm 40:6 [40:5, NW]) Aħna qed inħabbtu wiċċna maʼ l-istess limitazzjoni, peress li ma nistgħux nirrakkontaw l-għemejjel kbar u taʼ min ifaħħarhom li Jehovah għamel fi żmienna. Minkejja dan, ejja nikkunsidraw tliet oqsma li fihom l-organizzazzjoni taʼ Jehovah mxiet ’il quddiem: (1) tidwil spiritwali progressiv, (2) ministeru mtejjeb u iktar estensiv, u (3) aġġustamenti f’waqthom fil-proċeduri organizzazzjonali.
Grati għat-Tidwil Spiritwali
8. Fi qbil maʼ Proverbji 4:18, liema ħaġa stajna nsiru nafu rigward is-Saltna bis-saħħa tat-tidwil spiritwali?
8 Rigward it-tidwil spiritwali progressiv, Proverbji 4:18 verament wera kemm hu minnu. Dan jgħid: “Triq it-tajbin bħal dawl iż-żerniq, li jżid jitqawwa sal-milja tal-jum.” Kemm aħna grati għat-tidwil spiritwali progressiv li kellna! Fil-konvenzjoni taʼ Cedar Point, Ohio, li saret fl-1919, ġiet enfasizzata s-Saltna t’Alla. Jehovah juża din is-Saltna biex iqaddes lil ismu u jivvindika s-sovranità tiegħu. Fil-fatt, bis-saħħa tat-tidwil spiritwali aħna sirna nafu li, mill-Ġenesi sa l-Apokalissi, il-Bibbja tixhed dwar l-iskop taʼ Jehovah li jqaddes lil ismu permezz tas-Saltna mmexxija minn Ibnu. Hemmhekk insibu t-tama grandjuża għal dawk kollha li jħobbu t-tjieba.—Mattew 12:18, 21.
9, 10. Fis-snin 20 x’sirna nafu dwar is-Saltna u dwar iż-żewġ organizzazzjonijiet opposti għal xulxin, u dan kif għenna?
9 Fil-konvenzjoni taʼ Cedar Point, fl-1922, il-kelliemi prinċipali, J. F. Rutherford ħeġġeġ lill-poplu t’Alla biex ‘jirreklamaw, jirreklamaw, jirreklamaw, lis-Sultan u lis-saltna tiegħu.’ L-artiklu intitolat “Twelid tal-Ġens,” pubblikat f’The Watch Tower taʼ l-1 taʼ Marzu, 1925, ġibed l-attenzjoni taʼ l-aħwa għal dehen spiritwali rigward profeziji li kienu indikaw minn qabel it-twaqqif tas-Saltna t’Alla fl-1914. Fis-snin 20 stajna nifhmu wkoll li hemm żewġ organizzazzjonijiet opposti għal xulxin, dik taʼ Jehovah u dik taʼ Satana. Il-ġlieda għadha sejra bejniethom, u aħna se nkunu fuq in-naħa rebbieħa dment li nżommu l-pass maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah.
10 Dan it-tidwil spiritwali kif għenna? Ladarba s-Saltna t’Alla u s-Sultan Ġesù Kristu m’huma ebda parti mid-dinja, lanqas aħna ma nistgħu nkunu parti minnha. Billi nżommu ruħna separati mid-dinja nuru li aħna qegħdin fuq in-naħa tal-verità. (Ġwann 17:16; 18:37) Meta nosservaw il-problemi diffiċli li qed jifilġu ’l din is-sistema mill-agħar, kemm aħna grati li m’aħna ebda parti mill-organizzazzjoni taʼ Satana! U kemm aħna ffavoriti li għandna din is-sigurtà spiritwali ġewwa l-organizzazzjoni taʼ Jehovah!
11. B’liema isem Skritturali bdew jissejħu n-nies t’Alla fl-1931?
11 Fil-konvenzjoni taʼ Columbus, Ohio, fl-1931, bdejna napplikaw b’mod xieraq Isaija 43:10-12. L-Istudenti tal-Bibbja bdew jissejħu bl-isem uniku Xhieda taʼ Jehovah. Xi privileġġ grandjuż li dan l-isem t’Alla nagħmluh magħruf biex nies oħrajn ikunu jistgħu jsejħu dan l-isem sabiex jiġu salvati!—Salm 83:19 [83:18, NW]; Rumani 10:13.
12. Liema tidwil spiritwali rigward il-folla kbira ġie provdut fl-1935?
12 Qabel is-snin 30 ħafna min-nies t’Alla kienu xi ftit imħawdin rigward it-tamiet tagħhom għall-futur. Xi wħud kienu jixxennqu għal ħajja fis-sema imma fl-istess ħin kienu affaxxinati bit-tagħlim tal-Bibbja dwar ġenna taʼ l-art. L-aħbar eċċitanti fil-konvenzjoni taʼ Washington, D.C., fl-1935 kienet li l-kotra l-kbira, jew folla kbira, taʼ Apokalissi kapitlu 7 hija klassi taʼ nies bit-tama li jirtu l-art. Minn dak in-nhar ’l hawn il-ġbir tal-folla kbira mexa ’l quddiem b’mod iktar mgħaġġel. M’aħniex grati aħna li l-identifikar tal-kotra kbira m’għadux misteru għalina? Ir-realtà tal-fatt li n-nies qegħdin jinġabru fi kwantitajiet kbar minn kull ġens, tribù, u lsien tqanqalna biex inħaffu l-pass tagħna hekk kif inkomplu mexjin pass pass maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah.
13. Liema kwistjoni kbira ġiet enfasizzata fil-konvenzjoni taʼ St. Louis fl-1941?
13 Il-kwistjoni l-kbira li għandha tikkonċerna lis-soċjetà umana ġiet enfasizzata fl-1941 fil-konvenzjoni ġewwa St. Louis, Missouri. Din hija d-dominazzjoni, jew is-sovranità, universali. Hija l-kwistjoni li trid tiġi ssetiljata ma ddumx, u l-jum il-kbir li jqanqal il-biżaʼ biex dan isir qed joqrob ġmielu! Fis-sena 1941 inġiebet fuq quddiem kwistjoni oħra li għandha x’taqsam magħha: dik taʼ l-integrità. Din tagħmilha possibbli għalina li nuru fuq liema naħa qegħdin individwalment rigward is-sovranità t’Alla.
14. Fil-konvenzjoni internazzjonali li saret fl-1950, liema dawl kien hemm dwar il-prinċpijiet imsemmijin f’Isaija 32:1, 2?
14 Fil-konvenzjoni internazzjonali li saret fil-Belt taʼ New York fl-1950, il-prinċpijiet imsemmijin f’Isaija 32:1, 2 ġew identifikati b’mod preċiż. Kien mument eċċitanti ferm meta Ħuna Frederick Franz tkellem fuq dan is-suġġett u spjega li l-prinċpijiet prospettivi taʼ l-art ġdida kienu fostna. F’dik il-konvenzjoni u f’konvenzjonijiet oħrajn li ġew warajha, kien hemm tant u tant leħħiet taʼ dawl spiritwali. (Salm 97:11) Kemm aħna grati li t-triq tagħna hi “bħad-dawl qawwi li qiegħed isir iktar u iktar qawwi”!
Nimxu ’l Quddiem fil-Ministeru Tagħna
15, 16. (a) Kif imxejna ’l quddiem fil-ministeru tagħna matul is-snin 20 u s-snin 30? (b) Liema pubblikazzjonijiet taw spinta lill-ministeru Kristjan fis-snin iktar reċenti?
15 It-tieni mod li bih l-organizzazzjoni taʼ Jehovah mxiet ’il quddiem għandu x’jaqsam max-xogħol ewlieni tagħna, dak taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna u li nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20; Mark 13:10) Biex inwettqu dan ix-xogħol, l-organizzazzjoni għenitna nżommu dejjem quddiem għajnejna kemm hu importanti li nespandu l-ministeru tagħna. Lura fis-sena 1922, il-Kristjani kollha ġew imħeġġin biex jieħdu sehem fl-attività taʼ l-ippridkar. Kollha kienu fid-dmir li jħallu d-dawl tagħhom jiddi, u b’hekk ikollhom sehem persunali f’li jagħtu xiehda għall-verità. (Mattew 5:14-16) Fl-1927, ittieħdu passi biex il-Ħadd jitħalla bħala jum għall-ministeru taʼ l-għalqa. Minn Frar taʼ l-1940, saret xi ħaġa komuni li tara lix-Xhieda fit-toroq fi nħawi tan-negozju joffru The Watchtower u Consolation (issa msejjaħ Awake!).
16 Il-ktejjeb Model Study ġie introdott fl-1937 u dan enfasizza l-ħtieġa li nagħmlu żjajjar lura sabiex ngħallmu l-verità tal-Bibbja lil oħrajn. Fis-snin taʼ wara, l-attività li nibdew nikkonduċu studju tal-Bibbja bdiet tiġi enfasizzata ħafna. Ngħatat spinta lil dan il-qasam tal-ministeru bil-ħruġ tal-ktieb “Let God Be True” fl-1946 u l-ktieb Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna fl-1968. Bħalissa qed nużaw il-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Meta wieħed jgħaddi dan il-materjal ikun qed ipoġġi pedament Skritturali sod biex jagħmel dixxipli.
Iktar Irfinar fil-Mod Kif Jiġu Organizzati l-Affarijiet
17. Fi qbil maʼ Isaija 60:17, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah kif baqgħet miexja ’l quddiem?
17 It-tielet ħaġa li l-organizzazzjoni taʼ Jehovah mxiet ’il quddiem fiha għandha x’taqsam maʼ l-irfinar fil-mod kif jiġu organizzati l-affarijiet. Fi qbil maʼ Isaija 60:17, Jehovah wiegħed: “Minflok il-bronż, nġiblek id-deheb; flok il-ħadid, il-fidda; flok l-injam, il-bronż; flok il-ġebel, il-ħadid. U nagħmel is-Sliem [“l-indokraturi,” NW] tiegħek, u l-Ġustizzja [“dawk li jagħtuk ix-xogħol,” NW].” Fi qbil maʼ din il-profezija ttieħdu passi biex isir titjib fil-mod kif l-organizzazzjoni tindokra x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u kif tirgħa l-merħla.
18, 19. Liema rfinar fil-mod kif jiġu organizzati l-affarijiet kien hemm matul is-snin?
18 Fl-1919 inħatar direttur tas-servizz f’kull kongregazzjoni li talbet biex tiġi organizzata għas-servizz taʼ l-għalqa. Dan l-arranġament ġdid ta spinta lill-ministeru tagħna fis-servizz taʼ l-għalqa. Fl-1932 l-anzjani u d-djakni ma baqgħux jiġu eletti iktar, u dan wera ċar li ma bqajniex nużaw metodi demokratiċi. Titjib notevoli ieħor sar fl-1938 meta l-qaddejja kollha fil-kongregazzjoni bdew jinħatru dejjem iktar fi qbil maʼ l-arranġamenti għall-ħatriet teokratiċi li kienu jsiru fil-kongregazzjoni Kristjana bikrija. (Atti 14:23; 1 Timotju 4:14) Fl-1972 indokraturi u qaddejja ministerjali ġew maħturin biex jaqdu, bħalma kienu jagħmlu rġiel bħal dawn fost il-Kristjani bikrin. Filippin 1:1 u skritturi oħrajn jindikaw li dawk li jilħqu l-ħtiġijiet Skritturali għal indokraturi jifformaw ġemgħa taʼ anzjani, minflok ma jkun hemm raġel wieħed biss jaqdi bħala l-indokratur tal-kongregazzjoni.—Atti 20:28; Efesin 4:11, 12.
19 Fl-1975 beda jseħħ arranġament biex ikun hemm kumitati tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah biex jindokraw l-attivitajiet taʼ l-organizzazzjoni t’Alla mad-dinja kollha. Inħatru Kumitati tal-Fergħa biex jieħdu ħsieb ix-xogħol fit-territorji rispettivi tagħhom. Minn dak iż-żmien ’l hawn ngħatat attenzjoni biex ix-xogħol fil-kwartieri ġenerali u fil-fergħat tal-Watch Tower Society jiġi simplifikat biex b’hekk inkunu ‘nistgħu nagħrfu nagħżlu l-aħjar.’ (Filippin 1:9, 10) Ir-responsabbiltajiet fuq spallejn is-sotto-rgħajja taʼ Kristu jinvolvu li jkunu minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ l-evanġelizzazzjoni, f’li jgħallmu b’mod effettiv fil-kongregazzjoni, u f’li jirgħu lill-merħla t’Alla kif jixraq.—1 Timotju 4:16; Lhud 13:7, 17; 1 Pietru 5:2, 3.
It-Tmexxija Attiva taʼ Ġesù
20. Biex nibqgħu nżommu l-pass maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah liema ħaġa jeħtieġ li nagħrfu dwar l-irwol li għandu Ġesù?
20 Biex nibqgħu nżommu l-pass maʼ l-organizzazzjoni progressiva taʼ Jehovah jeħtieġ li nagħrfu l-irwol li Alla ta lil Ġesù Kristu bħala l-kap tal-kongregazzjoni. (Efesin 5:22, 23) Taʼ min jinnota wkoll Isaija 55:4, fejn jintqalilna: “Ara, jien [Jehovah] qegħedtu xhud fost il-ġnus, prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.” Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġesù jaf kif imexxi. Lin-nagħaġ tiegħu jafhom, u jaf l-għemejjel tagħhom. Fil-fatt, meta spezzjona s-sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri, ħames darbiet uża l-frażi: “Jiena naf l-opri tiegħek.” (Apokalissi 2:2, 19; 3:1, 8, 15) Ġesù jaf ukoll il-ħtiġijiet tagħna, bħalma jafhom Missieru, Jehovah. Qabel ma tana t-Talba Mudell, Ġesù stqarr: “Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom.”—Mattew 6:8-13.
21. It-tmexxija taʼ Ġesù kif nistgħu narawha fil-kongregazzjoni Kristjana?
21 It-tmexxija taʼ Ġesù kif nistgħu narawha? Mod wieħed hu permezz taʼ l-indokraturi, l-“għotjiet fi rġiel.” (Efesin 4:8, NW) Apokalissi 1:16 juri lil dawn l-indokraturi bħala li qegħdin fl-id il-leminija taʼ Kristu, taħt il-kontroll tiegħu. Illum, Ġesù jidderieġi dan l-arranġament taʼ l-anzjani, sew jekk dawn l-irġiel għandhom tama għas-sema u sew jekk it-tama tagħhom hi għall-art. Bħalma ġie spjegat fl-artiklu taʼ qabel, dawn jinħatru permezz taʼ l-ispirtu qaddis fi qbil mal-ħtiġijiet Skritturali. (1 Timotju 3:1-7; Titu 1:5-9) Fl-ewwel seklu, grupp taʼ rġiel maturi f’Ġerusalemm ifformaw ġemgħa li tiggverna li kienet tieħu ħsieb il-kongregazzjonijiet u l-attività taʼ l-ippridkar tas-Saltna b’mod ġenerali. Dan l-istess mudell qed jiġi segwit illum ġewwa l-organizzazzjoni taʼ Jehovah.
Żomm il-Pass!
22. Il-Ġemgħa li Tiggverna liema għajnuna tipprovdi?
22 L-interessi tas-Saltna fuq l-art ġew fdati f’idejn “l-ilsir leali u diskret,” rappreżentat mill-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. (Mattew 24:45-47, NW) It-tħassib tal-Ġemgħa li Tiggverna huwa primarjament biex tipprovdi istruzzjoni u direzzjoni spiritwali għall-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 6:1-6) Madankollu, meta l-aħwa jintlaqtu minn xi diżastru naturali, il-Ġemgħa li tiggverna titlob lil xi entità jew entitajiet legali biex tipprovdi l-għajnuna u biex issewwi djar u Swali tas-Saltna li tkun saritilhom il-ħsara. Jekk ikun hemm xi Kristjani li qed jiġu trattati bl-aħrax jew persegwitati, jittieħdu passi biex dawn jiġu msaħħin spiritwalment. U “fi staġun taʼ inkwiet,” isir kull sforz biex ix-xogħol taʼ l-ippridkar jibqaʼ miexi ’l quddiem.—2 Timotju 4:1, 2, NW.
23, 24. Tkun xi tkun is-sitwazzjoni li jistaʼ jippermetti fuq in-nies tiegħu, Jehovah x’jipprovdilhom il-ħin kollu, u x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
23 Tkun xi tkun is-sitwazzjoni li jistaʼ jippermetti fuq in-nies tiegħu, Jehovah l-ħin kollu jipprovdilna l-ikel spiritwali u d-direzzjoni li jkollna bżonn. Alla jagħti wkoll id-dehen u l-għaqal lil aħwa responsabbli biex iħejju għal iktar mixi ’l quddiem u titjib fl-organizzazzjoni teokratika. (Dewteronomju 34:9; Efesin 1:16, 17) Bla ebda dubju, Jehovah jipprovdi dak li neħtieġu sabiex inwettqu l-inkarigu li għandna biex nagħmlu dixxipli u nkomplu fil-ministeru tagħna mad-dinja kollha.—2 Timotju 4:5.
24 Għandna fiduċja sħiħa li Jehovah qatt ma se jabbandunahom lin-nies leali tiegħu. Hu se jeħlishom mit-“taħbit il-kbir” jew tribulazzjoni l-kbira li ġejja. (Apokalissi 7:9-14; Salm 94:14; 2 Pietru 2:9) Għandna kull raġuni għalxiex inżommuha sħiħa sa l-aħħar il-fiduċja li kellna fil-bidu. (Lhud 3:14) Għalhekk, ejja nkunu determinati li nibqgħu nżommu l-pass maʼ l-organizzazzjoni taʼ Jehovah.
Int Kif Twieġeb?
• Għala nistgħu ngħidu li l-organizzazzjoni taʼ Jehovah tibqaʼ miexja dejjem ’il quddiem?
• X’evidenza hemm li n-nies t’Alla qed igawdu tidwil spiritwali progressiv?
• Kif kien hemm titjib fil-ministeru Kristjan?
• Liema aġġustamenti f’waqthom saru fil-proċeduri organizzazzjonali fost il-qaddejja taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 17]
Bħal David, aħna ma nistgħux nirrakkontaw dwar l-għemejjel taʼ l-għaġeb kollha li Jehovah wettaq
[Stampa f’paġna 18]
Il-merħla t’Alla bbenefikat mill-aġġustamenti f’waqthom fil-proċeduri organizzazzjonali