LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 1/15 pp. 22-27
  • Dawk li Jagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla Jsibu l-Hena

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dawk li Jagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla Jsibu l-Hena
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ewwel Ġurnata​—Ma Ninsewx il-​Ġid Kollu li Jehovah Għamel Magħna
  • It-​Tieni Ġurnata​—Ibqaʼ Xandar l-​Għeġubijiet t’Alla
  • It-​Tielet Ġurnata—Kunu Wħud li Jagħmlu Dak li Tgħid il-​Kelma t’Alla
  • Għalliema tal-Kelma t’Alla Mħeġġin Iwettqu l-Inkarigu Tagħhom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Proklamaturi Żelużi tas-Saltna” Ferħanin li Jiltaqgħu Flimkien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Il-Kelma Profetika t’Alla Tagħti Tama għall-Futur
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Iddeterminati li Nsegwu l-Mod taʼ Ħajja t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 1/15 pp. 22-27

Dawk li Jagħmlu Dak li Tgħid il-​Kelma t’Alla Jsibu l-​Hena

“Aħna nirrikonoxxu li din il-​konvenzjoni hija provvediment ieħor mingħand Jehovah biex jippreparana għal iktar attività tas-​Saltna,” qal wieħed mill-​kelliema fil-​bidu tal-​Konvenzjoni Distrettwali tax-​Xhieda taʼ Jehovah “Nagħmlu Dak li Tgħid il-​Kelma t’Alla.” Hu żied: “Ippreparajna lilna nfusna biex niġu istruwiti dwar il-​ħajja hienja fil-​familja u biex niġu inkuraġġiti nibqgħu qrib taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Ippreparajna lilna nfusna wkoll biex niġu motivati sabiex nibqgħu żelużi fis-​servizz tas-​Saltna u biex niġu mfakkrin dwar il-​bżonn li nibqgħu għassa.”

MILL-​AĦĦAR taʼ Mejju 2000, miljuni minn dawk li jagħmlu dak li tgħid il-​kelma t’Alla u l-​ħbieb tagħhom marru bi ħġarhom lejn eluf taʼ postijiet madwar il-​globu biex jirċievu edukazzjoni vitali mill-​Bibbja. X’tgħallmu matul il-​konvenzjoni li kienet mifruxa fuq tlett ijiem?

L-​Ewwel Ġurnata​—Ma Ninsewx il-​Ġid Kollu li Jehovah Għamel Magħna

Fit-​taħdita tal-​ftuħ, iċ-​chairman stieden lill-​udjenza biex tesperjenza l-​barkiet li jiġu mill-​qima taʼ Jehovah bħala grupp fil-​konvenzjonijiet. Dawk kollha li kienu fl-​udjenza ġew żgurati li l-​fidi tagħhom kellha tiżdied u li r-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah kellha tissaħħaħ.

“Alla l-​imbierek” jaf x’għandna bżonn biex inkunu henjin. (1 Timotju 1:​11) B’hekk, it-​taħdita “Niksbu l-​Ferħ Meta Nagħmlu r-​Rieda t’Alla” enfasizzat li l-​Kelma taʼ Jehovah, il-​Bibbja, turina l-​aħjar mod kif għandna ngħixu. (Ġwann 13:17) Numru taʼ intervisti maʼ wħud li ilhom Xhieda taʼ Jehovah għal ħafna żmien urew kif li nagħmlu r-​rieda t’Alla taħt ċirkustanzi differenti jagħti iktar sens lil ħajjitna. It-​taħdita li kien imiss, “Ħa Jiddi Wiċċek Minħabba t-​Tjieba taʼ Jehovah,” enfasizzat li bħala wħud li ‘jixbhu lil Alla,’ il-​Kristjani jridu jagħmlu “kull ma hu tjieba” f’ħajjithom. (Efesin 5:​1, 9) Mod li jispikka kif nagħmlu dan huwa billi nippridkaw l-​aħbar tajba u nagħmlu dixxipli.​—Salm 145:7.

Id-diskussjoni “Ibqaʼ bla Mittiefes Qisek Qed Tara lil Dak li Ma Jidhirx” urietna kif il-​fidi soda tgħinna ‘naraw’ lil dak Alla inviżibbli. Il-​kelliemi spjega kif nies spiritwali huma konxji tal-​kwalitajiet li għandu Alla, inkluż l-​abbiltà tiegħu li jkun jaf saħansitra x’naħsbu. (Proverbji 5:21) Dawk li ġew intervistati tkellmu dwar il-​passi li ħadu biex jiżviluppaw fidi iktar soda u jpoġġu l-​interessi spiritwali l-​ewwel f’ħajjithom.

Is-sessjoni taʼ fil-​għodu ntemmet bit-​taħdita prinċipali, “Faħħar lil Jehovah​—Dak li Jagħmel Affarijiet taʼ l-​Għaġeb.” Din għenet lill-​udjenza tapprezza li iktar ma nitgħallmu dwar Jehovah, iktar għandna raġunijiet biex infaħħruh bħala Dak li jagħmel affarijiet taʼ l-​għaġeb. Il-​kelliemi qal: “Hekk kif nikkontemplaw dwar ix-​xogħlijiet meraviljużi t’Alla li nsibu fil-​ħolqien flimkien mal-​ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb li qed jagħmel għalina issa stess, l-​apprezzament mill-​qalb tagħna jqanqalna biex infaħħruh. Hekk kif nimmeditaw fuq l-​affarijiet mirakolużi li għamel għall-​poplu tiegħu fiż-​żminijiet l-​imgħoddija, inkunu rridu nfaħħruh. U hekk kif nikkontemplaw dwar il-​wegħdi taʼ ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb li Jehovah għad irid iwettaq, nibdew infittxu wkoll kif se naqbdu nesprimu l-​apprezzament tagħna.”

Is-sessjoni taʼ wara nofsinhar bdiet bit-​taħdita “Taqtax Qalbek Milli Tagħmel Dak li Hu Sewwa.” Din fakkret lil kulħadd preżenti li l-​pressjonijiet taʼ din id-​dinja jikkonfermaw li t-​tmiem hu fil-​qrib. (2 Timotju 3:1) Madankollu, jekk ma naqtgħux qalbna, inkunu nistgħu nagħtu prova li “aħna minn dawk li jemmnu, biex insalvaw.”—Lhud 10:39.

Liema parir Bibliku ngħata fejn tidħol il-​ħajja fil-​familja? L-​ewwel serje taʼ taħditiet fil-​konvenzjoni—“Obdi l-​Kelma t’Alla”—bdiet bit-​taħdita “Meta Tiġi biex Tagħżel lil Min Tiżżewweġ.” Meta wieħed jiġi biex jagħżel lil min jiżżewweġ hija waħda mid-​deċiżjonijiet l-​iktar serji li wieħed jistaʼ jieħu. B’hekk, il-​Kristjani jridu jistennew sakemm ikunu maturi biex jiżżewġu u għandhom jiżżewġu “basta fil-​Mulej.” (1 Korintin 7:39) It-​tieni parti tas-​serje taʼ taħditiet tkellmet dwar ix-​xewqa li għandu Jehovah biex kull familja Kristjana tirnexxi bħala rabta spiritwali soda. Din it-​taħdita offriet ukoll modi prattiċi kif dan jistaʼ jitwettaq. L-​aħħar parti fakkret lill-​ġenituri li sabiex jgħallmu lit-​tfal isiru jħobbu lil Alla jridu l-​ewwel huma stess bħala ġenituri jkunu jħobbuh.

Il-punti preżentati fit-​taħdita “Ibżaʼ mix-​Xnigħat u s-​Seksik” għenu lil kulħadd biex jara li għalkemm affarijiet kbar jistgħu jiġru verament, għandna nirreaġixxu bil-​għaqal, u mhux nibilgħu kollox, meta nisimgħu rapporti sensazzjonali. Ikun aħjar għall-​Kristjani li jitkellmu fuq dak li jafu li hu veru—l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Ħafna sabu li t-​taħdita li kien imiss, “Nagħrfu Ngħixu b’‘Xewka f’Ġisimna,’” farrġithom u għollitilhom il-​moral. Din għenithom jaraw li għalkemm niffaċċjaw ħafna problemi, Jehovah jistaʼ jsaħħaħna permezz taʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu, il-​Kelma tiegħu, u l-​fratellanza Kristjana tagħna. F’dan ir-​rigward ħadna inkuraġġiment kbir mill-​esperjenza persunali taʼ l-​appostlu Pawlu.​—2 Korintin 12:​7-​10; Filippin 4:​11, 13.

L-aħħar taħdita taʼ l-​ewwel ġurnata kienet “Inżommu l-​Pass maʼ l-​Organizzazzjoni taʼ Jehovah.” Ġew kunsidrati tliet aspetti li fihom l-​organizzazzjoni t’Alla mxiet ’il quddiem b’mod partikulari: (1) il-​fehma li dejjem tiżdied dwar id-​dawl spiritwali mingħand Jehovah, (2) il-​ministeru li fdalna Alla, u (3) l-​aġġustamenti f’waqthom tal-​proċeduri organizzazzjonali. Imbagħad il-​kelliemi stqarr b’mod kunfidenti: “Aħna nħossuna eċċitati dwar x’ġej għalina fil-​futur.” Hu staqsa: “Jistaʼ jkun hemm xi dubju li għandna kull raġuni biex il-​fiduċja li kellna fil-​bidu nżommuha soda sat-​tmiem?” (Lhud 3:​14) It-​tweġiba kienet ovvja. Dan wassal għall-​ħruġ taʼ browxer ġdid bl-​isem Int Tistaʼ Tkun il-​Ħabib t’Alla! Il-​browxer se jkun t’għajnuna kbira għal uħud taʼ edukazzjoni limitata jew li ma tantx jafu jaqraw biex jitgħallmu dwar Jehovah.

It-​Tieni Ġurnata​—Ibqaʼ Xandar l-​Għeġubijiet t’Alla

Wara li ġiet kunsidrata l-​iskrittura tal-​jum, it-​tieni ġurnata tal-​konvenzjoni kompliet bis-​serje taʼ taħditiet “Ministri tal-​Kelma t’Alla.” L-​ewwel parti ġibdet l-​attenzjoni lejn is-​suċċess preżenti tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna madwar il-​globu. Madankollu, il-​fatt li nibqgħu nagħmlu dan ix-​xogħol huwa sfidat mill-​maġġuranza li ma jaċċettawx il-​messaġġ tas-​Saltna. Numru taʼ pubblikaturi li ilhom fil-​verità spjegaw kif żammew il-​ferħ tagħhom fil-​ministeru billi saħħew moħħhom u qalbhom biex jilqgħu din l-​isfida t’apatija jew oppożizzjoni. It-​tieni parti fakkret lil dawk preżenti għall-​konvenzjoni li x-​Xhieda taʼ Jehovah jaħdmu iebes biex jilħqu lin-​nies kullimkien, kemm b’mod formali u kemm b’mod informali. L-​aħħar parti ddeskriviet il-​varjetà kbira taʼ modi li bihom il-​Kristjani kollha jistgħu jespandu l-​ministeru persunali tagħhom. Il-​kelliemi enfasizza li sabiex dan iseħħ, irridu nagħtu l-​ogħla prijorità lis-​Saltna t’Alla, saħansitra jekk dan jirrikjedi inkonvenjenza u sagrifiċċju min-​naħa tagħna.​—Mattew 6:19-​21.

Ladarba qed ngħixu f’dinja li ma tridx taf b’Alla, mimlija b’xenqiet li ma jaqtgħu xejn għall-​affarijiet materjali, it-​taħdita “Ikkultiva Devozzjoni Lejn Alla waqt li Tkun Kuntent b’li Għandek” ġiet fil-​ħin u fil-​waqt. Billi bbaża xi ftit mill-​kummenti tiegħu fuq l-​1 Timotju 6:​6-​10, 18, 19, il-​kelliemi wera kif id-​devozzjoni lejn Alla tgħin lill-​Kristjani biex jevitaw li jsiru jħobbu l-​flus, għax dan jistaʼ jbegħedhom mill-​verità u jikkawża ħafna wġigħ. Hu enfasizza li tkun xi tkun is-​sitwazzjoni ekonomika tagħna, l-​hena jiddependi mir-​relazzjoni li jkollna maʼ Jehovah u mill-​qagħda tajba spiritwali tagħna. Ħafna ġew imqanqlin profondament bil-​punti murijin fit-​taħdita “Lil Alla Ma Nagħtuh Xejn minn Xiex Jistħi.” Ġie enfasizzat il-​fatt li Jehovah ma jinsa qatt lix-​Xhieda leali tiegħu. L-​eżempju sublimi taʼ Ġesù Kristu​—li “hu dak li kien, fl-​imgħoddi, issa u għal dejjem”​—se jgħin lil ħafna biex jibqgħu jissaportu huma u jkomplu jiġru t-​tiġrija għall-​ħajja.​—Lhud 13:8.

Is-sessjoni taʼ fil-​għodu għalqet bit-​taħdita tal-​magħmudija​—li dejjem tispikka fil-​laqgħat il-​kbar tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Kemm hu taʼ ferħ li tara wħud dedikati ġodda jimxu fil-​passi taʼ Ġesù billi jissottomettu ruħhom għall-​magħmudija taʼ l-​ilma! (Mattew 3:​13-​17) Dawk kollha li jieħdu dan il-​pass diġà wettqu ħafna bħala wħud li jagħmlu dak li tgħid il-​kelma t’Alla. Iktar minn hekk, meta jitgħammdu jsiru ministri ordnati taʼ l-​aħbar tajba u jkollhom ferħ kbir mill-​fatt li jafu li qed jagħtu sehemhom biex iqaddsu l-​isem taʼ Jehovah.—Proverbji 27:11.

Pariri ċari ngħataw fit-​taħdita “Neħtieġu l-​Maturità biex Niddistingwu bejn Dak li Hu Tajjeb u Dak li Hu Ħażin.” Il-​livelli dinjin taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin m’huma adegwati xejn. Għalhekk aħna rridu nistrieħu fuq il-​livelli taʼ Jehovah. (Rumani 12:2) Kulħadd ġie inkuraġġit biex jaħdem iebes ħalli jikseb fehma eżatta tal-​modi t’Alla, u b’hekk jikber għall-​maturità. Imbagħad, bil-​prattika u bis-​sens biex nagħżlu, se niġu mħarrġin ‘biex nagħżlu t-​tajjeb mill-​ħażin.’—Lhud 5:​11-14, Saydon.

Wara kien hemm is-​serje taʼ taħditiet “Aħdem Iebes biex Tikkultiva l-​Ispiritwalità.” Kristjani veri jagħrfu l-​importanza li niżviluppaw u nżommu l-​ispiritwalità. Dan jinvolvi xogħol iebes—qari, studju, u meditazzjoni. (Mattew 7:​13, 14; Luqa 13:24) Persuni spiritwali jibqgħu wkoll jagħmlu “kull xorta taʼ talb u suppliki.” (Efesin 6:​18, Saydon) Aħna nirrealizzaw li t-​talb tagħna jikxef kemm huma profondi l-​fidi u d-​devozzjoni tagħna, il-​livell taʼ l-​ispiritwalità tagħna, kif ukoll dak li aħna nqisu bħala li hu “l-​aħjar.” (Filippin 1:10) Ġiet enfasizzata wkoll l-​importanza taʼ li niżviluppaw relazzjoni kordjali u mimlija mħabba maʼ Jehovah bħal dik li jgawdi tifel ubbidjenti maʼ missier ħanin. Aħna ma rridux li jkollna biss reliġjon—għalkemm din hija l-​waħda vera—imma rridu nibnu fidi soda, bħal li ‘kieku qed naraw lil Alla.’—Lhud 11:​6, 27.

Is-suġġett dwar il-​progress spiritwali kompla jiġi diskuss fit-​taħdita “Ħalli ’l Kulħadd Jara li Int Miexi ’l Quddiem.” Tliet aspetti t’avvanzi bħal dawn kienu kunsidrati: (1) inżidu l-​għarfien, il-​fehma, u l-​għerf, (2) nipproduċu l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla, u (3) inwettqu r-​responsabbiltajiet tagħna bħala membri tal-​familja.

Fit-​tmiem tat-​taħdita finali tal-​jum, “Nimxu fid-​Dawl tal-​Kelma t’Alla li Dejjem Jitqawwa,” dawk preżenti għall-​konvenzjoni ħadu pjaċir jirċievu ktieb ġdid, Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha I. Dan huwa l-​ewwel wieħed minn żewġ volumi li se jittrattaw il-​ktieb Bibliku taʼ Isaija kapitlu kapitlu. “Il-​ktieb taʼ Isaija għandu messaġġ għalina llum,” qal il-​kelliemi, u żied: “Iva, ħafna mill-​profeziji tiegħu twettqu lura fi żmien Isaija. . . . Madankollu, ħafna mill-​profeziji taʼ Isaija qegħdin jitwettqu llum, u ftit minnhom se jitwettqu fid-​dinja ġdida mwegħda minn Alla.”

It-​Tielet Ġurnata—Kunu Wħud li Jagħmlu Dak li Tgħid il-​Kelma t’Alla

L-​aħħar ġurnata tal-​konvenzjoni bdiet b’diskussjoni taʼ l-​iskrittura tal-​jum. Imbagħad kien hemm is-​serje taʼ taħditiet “Il-​Profezija taʼ Sofonija Mimlija Tifsir għal Min Jagħmel ir-​Rieda t’Alla.” It-​tliet taħditiet f’din is-​serje wrew li, bħalma Jehovah għamel fi żmien Ġuda li kienet mimlija b’nies xellerati, hekk ukoll se jagħmel issa billi jġib sofferenzi fuq dawk li ma jridux jisimgħu mit-​twissija tiegħu. Minħabba li jidinbu kontra Alla, se jimxu ’l hawn u ’l hinn mingħajr protezzjoni bħal irġiel għomja, u ma jsibux min jeħlishom. Madankollu, il-​Kristjani veri jibqgħu jfittxu lealment lil Jehovah, u se jiġu moħbijin f’jum ir-​rabja t’Alla. Iktar minn hekk, huma saħansitra issa jgawdu ħafna barkiet. Għandhom l-​opportunità mbierka li jitkellmu l-​“lingwa safja” tal-​verità tal-​Bibbja. (Sofonija 3:​9, NW) Il-​kelliemi nnota: “Mela li nitkellmu l-​lingwa safja jinvolvi mhux biss li nemmnu l-​verità u li ngħallmuha lil ħaddieħor imma wkoll li l-​imġiba tagħna tkun fi qbil mal-​liġijiet u mal-​prinċipji t’Alla.”

Dawk preżenti għall-​konvenzjoni stennew b’ħerqa kbira d-​drama “Eżempji taʼ Twissija għal Żmienna.” Din id-​drama bil-​kostum uriet kif eluf taʼ Iżraelin tilfu ħajjithom hekk kif waslu ħdejn il-​fruntiera taʼ l-​Art Imwegħda minħabba li nsew lil Jehovah u ġew imħajrin min-​nisa pagani billi waqgħu fil-​fornikazzjoni u l-​qima falza. Wieħed mill-​karattri ewlenin—Ġamin​—għall-​bidu kien bejn ħalltejn jekk jagħtix prijorità lin-​nisa Mowabin jew lid-​devozzjoni tiegħu lil Jehovah. L-​iktar li spikkaw kienu l-​fidi u d-​devozzjoni taʼ Fineħas kif ukoll ir-​raġunar falz u l-​ħsieb imqarraq tal-​midneb Żimri. Ġie muri b’mod ċar il-​periklu li wieħed jinvolvi ruħu maʼ wħud li ma jħobbux lil Jehovah.

Id-drama ħejjietna għat-​taħdita li segwiet, “Issirux Uħud li Tisimgħu u Tinsew.” Analisi taʼ l-​1 Korintin 10:​1-10 wriet li Jehovah jeżamina l-​ubbidjenza tagħna biex jiddetermina kemm aħna denji li nirċievu wirt fid-​dinja l-​ġdida. Saħansitra issa li qegħdin viċin biex nidħlu fis-​sistema l-​ġdida, xi wħud xorta jħallu x-​xewqat tal-​ġisem joħonqu l-​miri spiritwali. Kulħadd ġie inkuraġġit biex ma jitlifx l-​opportunità li ‘jidħol fil-​mistrieħ’ taʼ Jehovah.​—Lhud 4:1.

It-taħdita pubblika kellha t-​tema “Għala Għandek Taħseb fuq l-​Għeġubijiet t’Alla.” “L-​għeġubijiet” taʼ Jehovah jirriflettu l-​għerf tiegħu u l-​awtorità li għandu fuq il-​ħolqien fiżiku kollu li hawn madwarna. (Ġob 37:14) Jehovah poġġa għadd taʼ mistoqsijiet li lil Ġob ġagħluh jaħseb. Dawn kienu biżżejjed biex jimpressjonawh u juruh il-​qawwa li għandu l-​Ħallieq li jistaʼ kollox. Fil-​futur Jehovah se jagħmel ukoll “għeġubijiet” oħrajn għall-​qaddejja leali tiegħu. Il-​kelliemi kkonkluda: “Jidher ċar li għandna mitt elf raġuni għala rridu naħsbu fuq l-​għeġubijiet taʼ Jehovah—x’għamel hu fil-​passat, x’qed jagħmel madwarna fil-​ħolqien illum, u x’qed iwiegħed li jagħmel fil-​ġejjieni qarib.”

Wara sommarju taʼ l-​artiklu taʼ studju mit-​Torri taʼ l-​Għassa għal dik il-​ġimgħa, ngħatat l-​aħħar taħdita tal-​konvenzjoni. Din it-​taħdita li tqanqal intitolata “Għożżuh Ferm il-​Privileġġ li Nagħmlu Dak li Tgħid il-​Kelma t’Alla” enfasizzat il-​fatt li huwa unur li nkunu wħud li nagħmlu dak li tgħid il-​kelma t’Alla. (Ġakbu 1:22) L-​udjenza ġiet imfakkra li l-​privileġġ tagħna li nagħmlu dak li tgħid il-​kelma t’Alla huwa uniku. Iktar ma nagħmlu użu minn dan il-​privileġġ, iktar se jikber l-​apprezzament tagħna lejh. Dawk kollha preżenti ġew inkuraġġiti biex jirriflettu dwar l-​ispinta ’l quddiem li tat din il-​konvenzjoni distrettwali biex titkattar fihom kemm jistaʼ jkun ix-​xewqa biex ikunu wħud li jagħmlu dak li tgħid il-​kelma t’Alla. Dak huwa l-​uniku mod biex tesperjenza l-​akbar hena possibbli.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 25]

Int Tistaʼ Tkun il-​Ħabib t’Alla!

Il-​Ġimgħa wara nofsinhar ħareġ browxer ġdid bit-​titlu Int Tistaʼ Tkun il-​Ħabib t’Alla! Jeżisti bżonn kbir għal edukazzjoni simplifikata tal-​Bibbja f’diversi partijiet tad-​dinja, u dan il-​browxer se jintuża biex jissodisfa dan il-​bżonn. Se jkun taʼ barka kbira għal dawk in-​nies li huma limitati f’dik li hi edukazzjoni jew abbiltà biex jaqraw.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 26]

Il-​Profezija taʼ Isaija —Dawl għall-​Bnedmin Kollha

Dawk li attendew għall-​konvenzjoni tgħidx kemm ħadu pjaċir meta rċivew l-​ewwel Volum mis-​sett taʼ żewġ volumi taʼ Il-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha. F’din il-​pubblikazzjoni, ġie enfasizzat il-​valur prattiku tal-​profezija taʼ Isaija għal żmienna.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja