Iddeterminati li Nsegwu l-Mod taʼ Ħajja t’Alla
Il-Konvenzjonijiet “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” kellhom wisq x’joffru lil dawk li jridu jaqdu ’l Alla! Delegata waħda ddeskriviet il-konvenzjoni bħala “perijodu taʼ l-għaġeb taʼ istruzzjoni, inkuraġġiment, u tidwil.”
DELEGAT ieħor qal li “kien hemm wisq xi tgawdi, x’tirrifletti fuqu, u x’tassorbi.” Ejjew issa nikkunsidraw il-programm innifsu.
Ġesù Kristu—It-Triq, il-Verità u l-Ħajja
Din kienet it-tema taʼ l-ewwel jum tal-konvenzjoni. (Ġwann 14:6) L-ewwel taħdita spjegat l-iskop li għalih inġbarna flimkien għall-konvenzjoni: biex nitgħallmu iżjed dwar l-aqwa mod taʼ ħajja possibbli, il-mod taʼ ħajja t’Alla. Jehovah jgħallem lill-poplu tiegħu kif jimxi fi triqatu. Dan jagħmlu permezz tal-Bibbja, “l-irsir leali u diskret,” u l-ispirtu qaddis. (Mattew 24:45-47, New World Translation; Luqa 4:1; 2 Timotju 3:16) Xi privileġġ hu li s-Sovran taʼ l-Univers jistruwina!
Fi qbil mat-tema tal-jum, l-indirizz tal-qofol kien “Ir-Rahan taʼ Kristu—it-Triq t’Alla għas-Salvazzjoni.” Huwa vitali li nirrikonoxxu l-irwol li għandu Ġesù Kristu fl-iskop taʼ Jehovah, biex nikkonformaw mal-mod taʼ ħajja t’Alla. Il-kelliemi qal: “Mingħajr is-sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz tal-fidwa, ebda bniedem, huma x’inhuma t-twemmin jew ix-xogħlijiet tiegħu, ma jistaʼ jirċievi l-ħajja taʼ dejjem mingħand Alla.” Imbagħad ikkwota Ġwann 3:16, li jgħid: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Jeħtieġ li naslu għal għarfien eżatt tal-verità biex inkunu qed neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li Kristu ħallas bħala prezz tal-fidwa. Jinvolvi wkoll li niddedikaw ħajjitna lil Jehovah, li nissimbolizzaw dan bil-magħmudija taʼ l-ilma, u li ngħixu fi qbil maʼ l-eżempju li pprovdielna Ġesù Kristu.—1 Pietru 2:21.
Is-sessjoni taʼ wara nofsinhar bdiet bit-taħdita intitolata “It-Triq taʼ l-Imħabba Qatt Ma Tfalli.” Din inkludiet diskussjoni vers b’vers tad-deskrizzjoni li tqanqal taʼ Pawlu dwar l-imħabba, iddokumentata fl-1 Korintin 13:4-8. L-udjenza ġiet imfakkra li mħabba li tissagrifika lilha nfisha hija fattur li jidentifika l-Kristjanità u li mħabba għal Alla u għall-proxxmu huma fatturi essenzjali taʼ qima approvata minn Jehovah.
Imbagħad kien hemm is-simposju maqsum fi tliet partijiet li kien intitolat “Ġenituri—Naqqxu f’Qalb Uliedkom it-Triq t’Alla.” Il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom jaqdu lil Alla billi jagħtu eżempju tajjeb fil-qari u fl-istudju tal-Kelma tiegħu. Jistgħu jnaqqxu l-verità f’uliedhom permezz taʼ studju regulari tal-familja, billi jfassluh biex jilħaq il-ħtiġijiet tal-familja. Huwa importanti wkoll li jgħinu lit-tfal jinvolvu ruħhom f’attivitajiet kongregazzjonali u fil-ministeru taʼ l-għalqa. Għalkemm it-trobbija taʼ tfal li jibżgħu minn Alla f’din id-dinja mill-agħar hija sfida, jekk dan isir se jġib premjijiet kbar.
Wara s-simposju kien hemm it-taħdita “Ħalli lil Jehovah Jsawrek għal Użu Onorabbli.” Bħalma fuħħari jsawwar reċipjent tal-fuħħar, hekk ukoll Alla jsawwar lil dawk li jixtiequ jaqduh. (Rumani 9:20, 21) Dan jagħmlu billi jipprovdi pariri fil-Kelma tiegħu u permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu. Jehovah se jgħinna nużaw l-abbiltajiet tagħna sa l-iktar estent possibbli jekk nagħmlu lilna nfusna disponibbli, inwieġbu għal opportunitajiet, u nkunu lesti li nħalluh jidderieġi l-passi tagħna.
Imbagħad segwa porzjon eċċitanti tal-programm—“Is-Servizz fl-Għalqa Missjunarja.” Hemm 2,390 individwu li huma kkunsidrati li għandhom l-istatus taʼ missjunarju u li bħalissa qegħdin jaqdu madwar l-art kollha f’148 pajjiż. Huma jagħtu eżempju mill-aħjar taʼ lealtà u żelu u huma grati ferm għall-privileġġ li għandhom li jaqdu fl-għalqa barranija. Matul din il-parti tal-programm tal-konvenzjonijiet internazzjonali, il-missjunarji tkellmu dwar l-isfidi u l-ferħ tal-ħajja missjunarja.
L-aħħar taħdita taʼ l-ewwel jum kienet intitolata “Hemm Ħajja wara l-Mewt?” Din il-mistoqsija ħawdet lill-umanità għal millennji sħaħ. Nies f’kull soċjetà rriflettew fuq is-suġġett. U m’aħniex neqsin minn l-hekk imsejħin tweġibiet. Dawn ivarjaw daqs kemm huma varji l-użanzi u r-reliġjonijiet taʼ dawk li jippreżentawhom. Madankollu, in-nies għandhom bżonn jitgħallmu l-verità.
Fi qbil maʼ dan, il-kelliemi ħabbar il-ħruġ tal-browxer kollu kuluri, li fih 32 paġna, X’Jiġrilna meta Mmutu? Dan il-browxer jispjega l-oriġini tat-tagħlim taʼ l-immortalità tar-ruħ u juri kif il-konċett sar ċentrali għal kważi r-reliġjonijiet kollha tad-dinja llum. B’mod ċar u li jappella, dan jeżamina x’tgħid il-Bibbja dwar ir-ruħ, għala mmutu, u x’jiġrilna mal-mewt. Il-browxer jispjega wkoll liema tama hemm għall-mejtin u għall-ħajjin. X’barka se tkun din il-pubblikazzjoni għal dawk minn kullimkien li qed ifittxu l-verità!
Qisu Sewwa kif Iġġibu Ruħkom
Kemm kienet addattata din it-tema għat-tieni jum tal-konvenzjoni! (Efesin 5:15) Il-programm taʼ fil-għodu ffoka fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar u taʼ li nagħmlu dixxipli. Wara diskussjoni taʼ l-iskrittura tal-ġurnata, il-programm kompla bit-taħdita “Ngħinu lin-Nies Jaqbdu t-Triq għall-Ħajja.” Huwa importanti li jkollna attitudni pożittiva biex inwettqu dan ix-xogħol urġenti, billi nirrikonoxxu li għandna kemm il-privileġġ u kemm id-dmir li naqsmu l-verità m’oħrajn. Fl-ewwel seklu E.K, il-maġġuranza tan-nies irrifjutaw il-Kelma t’Alla. Madankollu, minkejja l-oppożizzjoni, kien hemm xi wħud ‘li kienu disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem u saru jemmnu.’ (Atti 13:48, 50, NW; Atti 14:1-5) Is-sitwazzjoni hija simili llum. Għalkemm ħafna jirrifjutaw il-verità tal-Bibbja, aħna nkomplu nfittxu lil dawk li se jwieġbu favorevolment.—Mattew 10:11-13.
It-taħdita taʼ wara ddiskutiet l-isfida biex nilħqu lil ħaddieħor bil-messaġġ tal-ħajja. Minħabba li qed tiżdied id-diffikultà biex insibu lin-nies id-dar, jinħtieġ li nagħmlu dan bir-reqqa u b’kull mezz possibbli jekk irridu nilħqu kemm jistaʼ jkun nies bil-messaġġ tas-Saltna. F’ħafna pajjiżi, il-pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba jiksbu riżultati mill-aħjar permezz taʼ l-għoti taʼ xiehda bit-telefon u billi jippridkaw f’territorju tan-negozju, u b’hekk jilħqu lil dawk li kieku jkun diffiċli li tikkuntattjahom.
It-taħdita intitolata “Ngħallmu lid-Dixxipli dak Kollu li Ordna Kristu” ffokat fuq l-importanza li nsiru tas-sengħa fil-ministeru tagħna. L-abbiltà tagħna biex ngħallmu titjieb hekk kif nitgħallmu minn oħrajn u napplikaw it-taħriġ eċċellenti li nirċievu fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. Hekk kif insiru tas-sengħa fit-tagħlim tagħna, se nsibu iktar ferħ u sodisfazzjon fix-xogħol li għandna biex ngħinu lin-nies jitgħallmu l-verità tal-Bibbja.
Is-sessjoni taʼ fil-għodu spiċċat b’taħdita dwar is-sinjifikat tad-dedikazzjoni u l-magħmudija. Wieħed mill-punti li għamel il-kelliemi kien li jekk nafdaw f’Alla kompletament u nfittxu bil-ħerqa li nagħmlu r-rieda tiegħu, hu se jberikna u jsostnina. Ir-raġel l-għaref kiteb: “Fih [f’Alla] aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:6) Il-magħmudija kollha ferħ, hi nfisha kienet waħda mill-affarijiet prinċipali tal-konvenzjoni li wriet li ħafna kienu bdew jikkonformaw ruħhom mal-mod taʼ ħajja t’Alla.
Wara waqfa għall-ikel, is-sessjoni taʼ wara nofsinhar bdiet bit-taħdita “Naqdu bil-Ħajja bla Tmiem Quddiem Għajnejna.” L-iskop t’Alla li jkollu bnedmin ubbidjenti jaqduh għal dejjem fuq l-art se jitwettaq. Kemm huwa xieraq, allura, li niffokaw il-ħsibijiet, il-pjanijiet, u t-tamiet tagħna fuq li naqdu lil Jehovah bl-eternità quddiem għajnejna! Waqt li rridu nżommu “l-Jum taʼ Alla” sewwa f’moħħna, huwa vitali li niftakru li l-għan tagħna huwa li naqdu għall-eternità. (2 Pietru 3:12) Il-fatt li ma nafux iż-żmien eżatt meta Ġesù se jesegwixxi l-vendetta t’Alla jżommna viġilanti u jagħtina opportunità kuljum biex nagħtu prova li naqdu lil Jehovah b’motivi mhux egoistiċi.
Iż-żewġ taħditiet taʼ wara eżaminaw ir-4 kapitlu taʼ l-ittra taʼ Pawlu lill-Efesin. Fost l-affarijiet li kkunsidrajna kien hemm il-barka li għandna taʼ ‘doni fi bnedmin,’ irġiel ikkwalifikati spiritwalment maħturin bl-ispirtu qaddis. Dawn l-anzjani jipprovdu pariri u direzzjoni għall-benefiċċju spiritwali tagħna. L-ittra ispirata taʼ Pawlu tħeġġeġ ukoll lill-Kristjani biex jilbsu “l-bniedem il-ġdid.” (Efesin 4:8, 24) Personalità li ġejja minn Alla tinkludi kwalitajiet bħalma huma l-ħniena, it-tjieba, l-umiltà, il-ħlewwa, is-sabar, u l-imħabba.—Kolossin 3:12-14.
Biex inqisu sewwa kif inġibu ruħna rridu nżommu lilna nfusna bla tebgħa mid-dinja—is-suġġett tat-taħdita li kien imiss. Jinħtieġ il-bilanċ biex nagħżlu divertiment, attivitajiet soċjali, u miri materjalistiċi. Billi napplikaw il-parir f’Ġakbu 1:27 biex nibqgħu bla tebgħa mid-dinja, aħna ngawdu waqfa nadifa quddiem Alla u kuxjenza nadifa. Nistgħu ngħixu wkoll ħajjiet bi skop u se nitbierku bil-paċi, bi prosperità spiritwali, u b’imseħbin meraviljużi.
Imbagħad kellna simposju fi tliet partijiet intitolat “Żgħażagħ—Segwu t-Triq t’Alla.” Billi jafu li Alla jħobbhom u japprezza l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw il-qima pura, iż-żgħażagħ għandhom iħarrġu l-fakultajiet perċettivi tagħhom biex jaqduh fedelment. Mod wieħed kif niżviluppaw il-fakultajiet perċettivi huwa billi naqraw il-Kelma t’Alla kuljum u nimmeditaw fuqha. Jekk nagħmlu hekk, nistgħu nsiru nafu t-triqat taʼ Jehovah. (Salm 119:9-11) Il-fakultajiet perċettivi niżviluppawhom ukoll billi naċċettaw pariri maturi mingħand il-ġenituri, l-anzjani, u l-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà. Permezz taʼ l-użu tal-fakultajiet perċettivi tagħhom bil-mod it-tajjeb, iż-żgħażagħ jirreżistu l-preokkupazzjoni b’affarijiet materjali, diskors maħmuġ, u eċċessi fir-rikreazzjoni li jikkaratterizzaw lil din id-dinja mbiegħda minn Alla. Billi jsegwu l-mod taʼ ħajja t’Alla, kemm iż-żgħażagħ u kemm ix-xjuħ jistgħu jgawdu suċċess veru.
L-aħħar taħdita tal-jum kienet “Il-Ħallieq—Il-Personalità Tiegħu u Triqatu.” Wara li ġibdilna l-attenzjoni lejn il-fatt li hemm miljuni taʼ nies li ma jafux lill-Ħallieq, il-kelliemi qal: “Sinjifikat veru fil-ħajja hu marbut maʼ li wieħed ikun jaf lill-Ħallieq, Alla persunali tagħna; li wieħed jirrikonoxxi l-personalità tiegħu; u li wieħed jikkoopera maʼ triqatu. . . . Hemm fatti dwar id-dinja tagħna u dwarna li tistaʼ tużahom biex tgħin lin-nies jaċċettaw lill-Ħallieq u jsibu sinjifikat f’konnessjoni miegħu.” Il-kelliemi mbagħad iddiskuta l-evidenza li tipponta lejn l-eżistenza taʼ Ħallieq għaref kollu mħabba. Il-quċċata tat-taħdita kien il-ħruġ taʼ ktieb ġdid—Is There a Creator Who Cares About You? (Hemm Ħallieq li Jimpurtah Minnek?)
“Din Hi t-Triq; Għaddi Minnha”
Din kienet it-tema tat-tielet jum tal-konvenzjoni. (Isaija 30:21) Il-programm beda b’simposju eċċitanti taʼ tliet taħditiet, li ffokaw fuq il-viżjoni taʼ Eżekjel dwar it-tempju. Din il-viżjoni għandha sinjifikat kbir għall-poplu t’Alla llum, peress li għandha x’taqsam mal-qima pura fi żmienna. Ħjiel biex nifhmu l-viżjoni huwa dan: It-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah jirrappreżenta l-arranġament tiegħu għall-qima pura. Waqt li l-fatturi tal-viżjoni ġew diskussi, is-semmiegħa rriflettew dwar l-attività tagħhom biex jappoġġaw ix-xogħol li jsir mill-indokraturi kollhom imħabba tal-fdal midluk u mill-membri prospettivi tal-klassi tal-prinċep.
Iktar tard fil-għodu, kien hemm drama Biblika ħajja b’kast taʼ parteċipanti lebsin il-kostum. Id-drama kienet intitolata “Familji—Agħmlu l-Qari tal-Bibbja Kuljum il-Mod taʼ Ħajja Tagħkom!” Din tat stampa tal-fidi u l-kuraġġ tat-tliet Ebrej li rrifjutaw li jinżlu jmilu quddiem l-istatwa tad-deheb imwaqqfa mis-Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja. L-għan tad-drama kien li juri li mhux biss il-Bibbja hija ktieb antik taʼ l-istorja imma l-pariri tagħha huma tassew taʼ benefiċċju kemm għaż-żgħar u kemm għall-kbar illum.
Is-sessjoni taʼ wara nofsinhar kienet il-waqt għat-taħdita pubblika “L-Unika Triq li Tagħti għall-Ħajja taʼ Dejjem.” Wara li ttraċċa l-istorja tal-waqgħa tal-bniedem fid-dnub u l-mewt, il-kelliemi kkonkluda b’dan il-kliem li jqanqal il-ħsieb: “Il-vers Bibliku tat-tema għal dan il-jum tal-konvenzjoni kien Isaija kapitlu 30, vers 21, li jgħid: “Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug.’ Kif nisimgħuh dan il-leħen? Billi nagħtu widen għall-Kelma t’Alla, il-Bibbja Mqaddsa, u billi nsegwu d-direzzjoni li l-Istruttur Grandjuż tagħna, Alla Jehovah, jipprovdi permezz tagħha u permezz taʼ l-organizzazzjoni Kristjana tiegħu taʼ żmienna. Tabilħaqq, li nagħmlu dan huwa l-unika triq li tagħti għall-ħajja taʼ dejjem.”
Wara sommarju taʼ l-artiklu taʼ l-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa għal dik il-ġimgħa kien hemm l-aħħar taħdita, intitolata “Ibqaʼ Miexi fit-Triq taʼ Jehovah.” F’parti minnha, kien hemm reviżjoni tal-punti ewlenin tal-programm. Il-kelliemi mbagħad ippreżenta riżoluzzjoni li esprimiet id-determinazzjoni tagħna li nkomplu nimxu fit-triq t’Alla.
Ir-riżoluzzjoni ntemmet b’dan il-kliem li jqanqal: “Aħna . . . konvinti illi li ngħixu mal-prinċipji, il-pariri, u t-twissijiet Skritturali se jirriżulta li jkun l-aqwa mod taʼ ħajja llum u jqiegħed pedament mill-aħjar għall-futur, sabiex inkunu nistgħu naqbdu qabda soda fuq il-ħajja vera. Fuq kollox, nagħmlu din ir-riżoluzzjoni għaliex inħobbu lil Alla Jehovah b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna, u b’saħħitna kollha!” Kulmin kien preżenti afferma l-qbil tiegħu b’għajta qawwija fl-affermattiv!
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
Hemm Ħallieq li Jimpurtah Minnek?
Il-ktieb il-ġdid li għandu dan it-titlu (Is There a Creator Who Cares About You?) jippreżenta evidenza konvinċenti dwar l-eżistenza tal-Ħallieq, Jehovah, u jiddiskuti l-kwalitajiet tiegħu. Huwa mfassal partikolarment għal dawk li għandhom livell għoli t’edukazzjoni fi kwistjonijiet sekulari imma li ma jemmnux f’Alla. Dan il-ktieb taʼ 192 paġna se jqawwi wkoll il-fidi taʼ individwi li diġà jemmnu f’Alla, billi jibnilhom l-apprezzament għall-personalità tiegħu u triqatu.
Is There a Creator Who Cares About You? ma jassumix li l-qarrej jemmen f’Alla. Minflok, jiddiskuti kif skoperti u konċetti xjentifiċi reċenti ferm jixhdu li jeżisti Ħallieq. Fost il-kapitli hemm dawk intitolati “What Can Add Meaning to Your Life?” (X’Jistaʼ Jagħmel lil Ħajtek Iktar Sinjifikanti?), “How Did Our Universe Get Here?—The Controversy” (L-Univers Tagħna kif Ġie?—Il-Kontroversja), u “How Unique You Are!” (Kemm Int Uniku!). Kapitli oħrajn jikkunsidraw għala nistgħu nkunu żguri li l-Bibbja hija ispirata divinament. Il-ktieb il-ġdid jagħti wkoll ħarsa ġenerali dwar il-Bibbja, li tirrivela l-personalità u t-triqat tal-Ħallieq. Dan il-ktieb mhux biss jiddiskuti għala Alla ilu jippermetti daqstant sofferenza, imma wkoll jispjega kif se jtemmha għal dejjem.
[Stampi f’paġna 7]
Tgħammdu ħafna
[Stampi f’paġna 7]
Il-ħruġ tal-browxer il-ġdid tħabbar minn A. D. Schroeder, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah
[Stampi f’paġni 8, 9]
Drama li tqanqal inkuraġġiet il-qari tal-Bibbja kuljum