Il-Konvenzjoni Distrettwali 1998 “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla” Tinsab fuq l-Għatba!
FL-ISTATI Uniti biss, 198 konvenzjoni huma ppjanati li jsiru minn Mejju sa Settembru. X’aktarx li waħda minn dawn il-laqgħat taʼ tlett ijiem se tkun f’xi belt mhux ’il bogħod minn fejn toqgħod. Fil-biċċa l-kbira tal-postijiet, il-programm se jibda kuljum—mill-Ġimgħa sal-Ħadd—fid-9.30 a.m. bil-mużika.
Il-programm tal-Ġimgħa filgħodu se jagħti prominenza lil rapporti dwar il-progress taʼ l-ippridkar tas-Saltna f’diversi partijiet tad-dinja. U t-tema għall-konvenzjoni se tiġi enfasizzata mill-indirizz tal-qofol, “Ir-Rahan taʼ Kristu—it-Triq t’Alla għas-Salvazzjoni.”
Wara nofsinhar is-simposju, “Ġenituri—Deffsu f’Qalb Uliedkom it-Triq t’Alla,” se jipprovdi suġġerimenti fuq kif tqanqal uħud iżgħar biex iħobbu u jaqdu lil Jehovah. Il-programm taʼ wara nofsinhar se jikkonkludi bit-taħdita “Hemm Ħajja wara l-Mewt?”
Il-programm tas-Sibt filgħodu jagħti prominenza speċjali lix-xogħol taʼ li jsiru dixxipli mix-Xhieda taʼ Jehovah maqsum fi tliet partijiet suċċessivi, “Ngħinu lin-Nies Jaqbdu t-Triq għall-Ħajja,” “L-Isfida biex Nilħqu n-Nies,” u “Ngħallmu lid-Dixxipli dak Kollu li Ordna Kristu.” Fil-konklużjoni tal-programm taʼ filgħodu, se jkun hemm provvediment biex jitgħammdu dixxipli ġodda.
L-ewwel taħdita s-Sibt wara nofsinhar, “Naqdu bil-Ħajja bla Tmiem Quddiem Għajnejna,” tinkuraġġina biex naħsbu bit-talb dwar ir-raġunijiet persunali tagħna għala naqdu lil Alla. It-taħditiet “Napprezzaw ‘Doni fil-Bnedmin,’ li Jgħallmu t-Triq t’Alla” u “Il-Personalità—Inżaʼ l-Qadima u Ilbes il-Ġdida” jippreżentaw eżaminar illuminanti vers b’vers t’Efesin kapitlu 4. Imbagħad se jiġi pprovdut twiddib Skritturali mill-aħjar fit-taħdita “Żomm Ruħek bla Tebgħa mid-Dinja” u fis-simposju taʼ tliet partijiet “Żgħażagħ—Segwu t-Triq t’Alla.” Il-programm taʼ wara nofsinhar se jikkonkludi bit-taħdita “Il-Ħallieq—il-Personalità Tiegħu u t-Toroq Tiegħu.”
Il-programm tal-Ħadd filgħodu joffri b’mod speċjali simposju fi tliet partijiet li se jiddiskuti l-kapitli taʼ l-aħħar tal-ktieb Bibliku t’Eżekjel kif ukoll l-applikar profetiku tagħhom. Il-programm taʼ filgħodu se jikkonkludi bi drama bil-kostumi bbażata fuq il-lealtà taʼ tliet żgħażagħ Ebrej. Il-punt prinċipali tal-konvenzjoni wara nofsinhar huwa t-taħdita pubblika, “L-Unika Triq għall-Ħajja taʼ Dejjem.”
Żgur li se tiġi mogħni spiritwalment billi tkun preżenti t-tlett ijiem kollha. Int kordjalment mistieden biex tiġi għal kull sessjoni, li m’għandniex xi ngħidu, se jsiru mingħajr tħallas. Għall-eqreb post għalik, ikkuntattja s-Sala tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah jew ikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.