LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 6/15 pp. 3-5
  • Hija l-Pjaneta Art Ikkundannata għall-Qerda?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hija l-Pjaneta Art Ikkundannata għall-Qerda?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Deskrizzjoni Ħajja taʼ “Jum il-​Kundanna”
  • L-​Immaniġġar Ħażin mill-​Bniedem Jiġi Mreġġaʼ lura
  • Dan Jistaʼ Jsir
  • Il-bniedem se jeqred l-art għalkollox?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Alla Jwiegħed li d-Dinja Mhux Se Tinqered
    Stenbaħ!—2023
  • Tmiem għar-Rovina
    Stenbaħ!—2000
  • Rigal Dejjiemi Mingħand il-Ħallieq
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 6/15 pp. 3-5

Hija l-​Pjaneta Art Ikkundannata għall-​Qerda?

IT-​TMIEM tas-​seklu 20 riesaq, u s-​seklu 21 wasal biex iżernaq. Issa li wasalna s’hawn, għadd li dejjem jikber taʼ nies li s-​soltu ftit li xejn jagħtu kas taʼ profeziji taʼ kundanna qegħdin iberrnu jekk waslitx biex isseħħ xi ġrajja taʼ importanza kbira li theżheż lid-​dinja.

Għandek mnejn innotajt xi artikli dwar dan fil-​gazzetti u r-​rivisti​—saħansitra kotba sħaħ dwar dan is-​suġġett. Għad irridu nistennew biex naraw b’liema żviluppi se jibda s-​seklu 21. Xi nies jirrimarkaw li hekk kif nilħqu t-​tmiem tas-​sena 2000 ikun hemm biss differenza taʼ sena (jew taʼ minuta, mill-​2000 sa l-​2001) u x’aktarx li dan mhux se jkollu konsegwenzi kbar. Ħafna nies huma iktar ikkonċernati dwar il-​futur imbiegħed taʼ din il-​pjaneta.

Profezija waħda li sirna nisimgħu biha iktar spiss illum hija dik li xi darba​—sew jekk fil-​futur qrib jew fil-​futur imbiegħed—il-​pjaneta Art infisha hija kkundannata biex tinqered għalkollox. Ikkunsidra biss xi ftit tbassiriet koroh bħal dawn.

Fil-ktieb tiegħu The End of the World​—The Science and Ethics of Human Extinction, li ġie ppubblikat għall-​ewwel darba fl-​1996, l-​awtur u filosfu John Leslie joffri tliet possibbiltajiet rigward kif tistaʼ tintemm il-​ħajja tal-​bniedem fuq l-​art. L-​ewwelnett jistaqsi: “Tistaʼ gwerra nukleari totali tfisser tmiem għar-​razza umana?” Imbagħad iżid: “Xêna iktar probabbli . . . tkun l-​estinzjoni permezz taʼ l-​effetti tar-​radjazzjoni: il-​kanċer, id-​dgħajfien tas-​sistema taʼ l-​immunità li għen biex jixtered il-​mard li jittieħed, jew l-​għadd kbir taʼ difetti mit-​twelid. Jistaʼ jkun ukoll li jmutu l-​mikro-organiżmi li huma importanti biex l-​ambjent jibqaʼ fi stat tajjeb.” It-​tielet possibbiltà li jippreżenta Mr. Leslie hi li l-​art tistaʼ tintlaqat minn kometa jew asterojdi: “Mill-​kometi u l-​asterojdijiet li minħabba l-​orbiti tagħhom xi darba jistgħu jaħbtu mad-​dinja, jidher li hemm madwar elfejn li għandhom dijametru li fih bejn kilometru u għaxar kilometri. Hemm ukoll għadd ferm iżgħar (li biex wieħed jikkalkulah irid bilfors jaqtaʼ) taʼ oħrajn li huma jerġaʼ akbar fid-​daqs, u għadd ferm akbar taʼ oħrajn iżgħar.”

Deskrizzjoni Ħajja taʼ “Jum il-​Kundanna”

Jew ikkunsidra xjenzat ieħor, Paul Davies, li huwa professur fil-​University of Adelaide, l-​Awstralja. Hu ġie deskritt mill-​Washington Times bħala “l-​aqwa kittieb dwar ix-​xjenza li jeżisti fiż-​żewġ naħat taʼ l-​Atlantiku.” Fl-​1994, hu kiteb The Last Three Minutes, li ġie msejjaħ “il-​mudell li minnu oriġinaw il-​kotba kollha li nkitbu dwar jum il-​kundanna.” L-​ewwel kapitlu taʼ dan il-​ktieb jismu “Doomsday” (Jum il-​Kundanna), u jiddeskrivi xêna immaġinarja taʼ x’jistaʼ jiġri kieku xi kometa kellha taħbat mal-​pjaneta Art. Aqra parti mid-​deskrizzjoni tiegħu li tkessaħlek demmek:

“Il-​pjaneta titheżheż bil-​forza t’għaxart elef terremot. Blast taʼ pressjoni qawwija t’arja li ġie mqanqal minħabba l-​impatt jinfirex maʼ wiċċ il-​globu kollu, waqt li jiċċattja l-​bini kollu, u jitħan kulma jsib quddiemu. Il-​wita madwar is-​sît taʼ l-​impatt togħla f’ċirku taʼ muntanji likwidi għoljin diversi kilometri, u l-​qalba taʼ l-​art tiġi esposta f’ħofra taʼ 150 kilometru minn naħa s’oħra. Kolonna enormi taʼ terrapien tinfirex fl-​atmosfera, u din tgħatti x-​xemx għall-​pjaneta kollha. Issa minflok id-​dawl tax-​xemx hemm id-​dija li tgħammex u li tkexkex taʼ biljun meteorite, li jixwu l-​art taʼ taħt bis-​sħana tikwi tagħhom, waqt li materjal li ġie mqanqal itir lura mill-​ispazju għal ġo l-​atmosfera.”

Il-Professur Davies ikompli billi jgħaqqad din ix-​xêna immaġinarja mat-​tbassir li l-​kometa Swift-Tuttle se taħbat mad-​dinja. Hu jżid it-​twissija li għalkemm ġrajja bħal din m’hijiex probabbli li tiġri fil-​futur qrib, fl-​opinjoni tiegħu “xi darba jew oħra l-​kometa Swift-Tuttle, jew xi ħaġa bħalha, żgur li se taħbat mad-​dinja.” Il-​konklużjoni tiegħu hija bbażata fuq kalkoli li jissuġġerixxu li 10,000 oġġett li għandhom dijametru taʼ nofs kilometru jew iktar iduru fuq orbiti li jaħbtu maʼ l-​Art.

Temmen li prospett tal-​biżaʼ bħal dan huwa reali? Għadd sorprendenti taʼ nies hekk jemmnu. Imma jwarrbu kull tħassib minn moħħhom billi jassiguraw lilhom infushom li dan mhux se jiġri fi żmienhom. Iżda l-​pjaneta Art għala għandha qatt tinqered​—issa jew f’xi millennju ieħor? Ċertament, m’hijiex l-​art infisha li hija l-​kaġun prinċipali taʼ l-​inkwiet għall-​abitanti tagħha, bnedmin jew annimali. Pjuttost, m’huwiex il-​bniedem innifsu li hu responsabbli għall-​biċċa l-​kbira tal-​problemi taʼ dan is-​seklu 20, inkluża l-​possibbiltà li ‘jeqred l-​art’ kompletament?—Apokalissi 11:18.

L-​Immaniġġar Ħażin mill-​Bniedem Jiġi Mreġġaʼ lura

Xi ngħidu għall-​possibbiltà li hija iktar probabbli li tiġri, li l-​bniedem innifsu jistaʼ totalment jirrovina jew jagħmel ħerba mill-​art bl-​immaniġġar ħażin u r-​regħba tiegħu? M’hemm ebda dubju li partijiet kbar taʼ l-​art diġà nqerdu permezz tat-​tqaċċit eċċessiv tas-​siġar tal-​foresti, tniġġis bla kontroll taʼ l-​atmosfera, u l-​ikkontaminar taʼ l-​ilmijiet. Dan ġie miġbur tajjeb fi ftit kliem xi 25 sena ilu mill-​awturi Barbara Ward u René Dubos fil-​ktieb tagħhom Only One Earth: “M’għandniex xi ngħidu, it-​tliet oqsma vasti taʼ tniġġis li rridu neżaminaw​—l-​arja, l-​ilma, u l-​ħamrija—​jifformaw it-​tliet elementi prinċipali tal-​ħajja fuq il-​pjaneta tagħna.” U s-​sitwazzjoni bażikament ma nbidlitx għall-​aħjar minn dak iż-​żmien ’l hawn, mhux hekk?

Meta nikkunsidraw il-​possibbiltà li l-​bniedem jirrovina jew jeqred l-​art minħabba l-​bluha tiegħu stess, nistgħu nqawwu qalbna billi nikkunsidraw il-​qawwiet meraviljużi li l-​pjaneta Art għandha biex tirkupra u tirriġenera lilha nfisha. Billi ddeskriva din il-​kapaċità tant taʼ l-​għaġeb taʼ rkuprar, René Dubos jagħmel dawn l-​osservazzjonijiet inkuraġġanti fi ktieb ieħor, The Resilience of Ecosystems:

“Ħafna nies jibżgħu li issa huwa tard wisq biex insiru konxji tad-​deġenerazzjoni taʼ l-​ambjent għaliex ħafna mill-​ħsara li diġà saret lis-​sistemi ekoloġiċi ma tistax titraġġaʼ lura. Fl-​opinjoni tiegħi, dan il-​pessimiżmu m’huwiex iġġustifikat għax is-​sistemi ekoloġiċi għandhom qawwa enormi li jirkupraw minn esperjenzi trawmatiċi.

“Is-​sistemi ekoloġiċi għandhom diversi mekkaniżmi li bihom jistgħu jfejqu lilhom infushom. . . . Dawn jagħmluha possibbli għas-​sistemi ekoloġiċi biex jegħlbu l-​effett taʼ tfixkil sempliċement billi jerġgħu jistabbilixxu progressivament l-​istat oriġinali taʼ ekwilibriju ekoloġiku.”

Dan Jistaʼ Jsir

Eżempju li jispikka taʼ dan fi snin reċenti huwa t-​tindif li qed isir gradwalment fit-​Thames, ix-​xmara tant magħrufa taʼ Londra. Il-​ktieb The Thames Transformed, taʼ Jeffery Harrison u Peter Grant, jiddokumenta din il-​biċċa xogħol rimarkevoli li turi dak li jistaʼ jsir meta l-​bnedmin jaħdmu flimkien għall-​ġid taʼ kulħadd. Id-​Duka taʼ Edinburgh, tal-​Britannja, kiteb fl-​introduzzjoni tiegħu taʼ dan il-​ktieb: “Fl-​aħħar għandna storja taʼ suċċess fuq skala tant kbira li taʼ min jippubblikaha, anki jekk hemm iċ-​ċans li tistaʼ tinkuraġġixxi lil xi nies biex jassumu li l-​problemi li għandhom x’jaqsmu mal-​konservazzjoni m’humiex daqshekk gravi daqskemm ġagħluhom jaħsbu. . . . Ilkoll kemm huma jistgħu jqawwu qalbhom b’dak li twettaq fit-​Thames. L-​aħbar tajba hi li dan jistaʼ jsir u l-​proġetti tagħhom ukoll jistgħu jirnexxu.”

Fil-kapitlu “The Great Clean-Up” (It-Tindifa l-​Kbira), Harrison u Grant jiktbu b’mod entużjastiku dwar dak li twettaq f’dawn l-​aħħar 50 sena: “Għall-​ewwel darba fid-​dinja, xmara tant imniġġsa u wżata ħafna fl-​industrija ġiet irrestawrata sal-​punt li għadd kbir taʼ tjur taʼ l-​ilma u ħut reġgħu bdew jgħixu hemmhekk. Il-​fatt li saret trasformazzjoni bħal din b’tant ħeffa, f’sitwazzjoni li għall-​ewwel kienet tidher verament bla tama, huwa taʼ inkuraġġiment għal saħansitra l-​iktar konservazzjonist tan-​natura pessimist li jeżisti.”

Imbagħad, huma jiddeskrivu t-​trasformazzjoni: “L-​istat tax-​xmara baqaʼ jiddeterjora matul is-​snin, sa ma ħa dik li forsi kienet l-​aħħar daqqa taʼ ħarta li waslet fit-​Tieni Gwerra Dinjija, meta s-​sistemi u l-​fosos tad-​drenaġġ ġarrbu ħsara jew ġew meqrudin. Matul is-​snin 40 u s-​snin 50 it-​Thames kienet tinsab fl-​agħar stat li qatt kienet fih. Ix-​xmara kienet xejn inqas minn fossa tad-​drenaġġ mikxufa; l-​ilma kellu kulur sewdieni, ma kien fih ebda ossiġnu, u fix-​xhur tas-​Sajf l-​intiena li kienet toħroġ mit-​Thames kienet tinxtamm minn ħafna nħawi. . . . Il-​ħut li darba kienu ferm abbundanti hemmhekk kienu fl-​aħħar sparixxew, ħlief xi ftit sallur li setgħu jibqgħu ħajjin grazzi għall-​abbiltà tagħhom li jieħdu n-​nifs direttament mill-​wiċċ tax-​xmara. L-​għasafar li kienu jgħixu fl-​inħawi tan-​naħa taʼ ġewwa, fejn hemm il-​bini, bejn Londra u Woolwich spiċċaw biex baqaʼ biss ftit papri tal-​barr u ċinji muti, u dawn baqgħu ħajjin għax kienu jieklu dak li kien jaqaʼ mill-​imħażen tal-​qamħ u mhux għax kellhom provvista naturali taʼ ikel. . . . Min, dak iż-​żmien, kien se jemmen li kollox kien dalwaqt se jiġi mreġġaʼ lura b’mod daqstant impressjonanti? Fi żmien għaxar snin dawk l-​istess inħawi tax-​xmara kellhom jiġu ttrasformati minn dak li jistaʼ jissejjaħ baħħ mingħajr għasafar għal refuġju taʼ ħafna speċi taʼ tajr taʼ l-​ilma, li jinkludu sa 10,000 għasfur salvaġġ li jistkennu hemmhekk fix-​xitwa u 12,000 għasfur li jimxu fl-​ilma u li għandhom saqajhom twal.”

M’għandniex xi ngħidu, dan jiddeskrivi biss trasformazzjoni waħda f’rokna żgħira waħda tal-​globu. Minkejja dan, nistgħu nitgħallmu ħafna minn dan l-​eżempju. Dan juri li l-​pjaneta Art m’għandhiex għalfejn tiġi kkunsidrata bħala li hi kkundannata minħabba l-​immaniġġar ħażin, ir-​regħba u n-​nuqqas taʼ ħsieb tal-​bniedem. Edukazzjoni xierqa u sforz minn kulħadd għall-​ġid taʼ l-​umanità jistgħu jgħinu lill-​art treġġaʼ lura saħansitra l-​ħsara estensiva li saret lill-​ekoloġija, lill-​ambjent u lill-​wiċċ taʼ l-​art tagħha. Imma xi ngħidu għall-​qerda li tistaʼ tiġi minn forzi barranin, bħal xi kometa jew asterojdi li tkun għaddejja?

L-artiklu li jmiss juri kif wieħed jistaʼ jikseb tweġiba sodisfaċenti għal din il-​mistoqsija tant ikkomplikata.

[Kumment f’paġna 5]

L-​edukazzjoni u sforz minn kulħadd jistgħu jgħinu lill-​art treġġaʼ lura saħansitra l-​ħsara estensiva li saritilha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja