Imsaħħa Matul Provi Terribbli
KIF IRRAKKONTAT MINN ÉVA JOSEFSSON
Xi wħud minna konna ltqajna fid-distrett taʼ Újpest f’Budapest, l-Ungerija, għal laqgħa qasira qabel ma noħorġu fil-ministeru Kristjan. Kienet is-sena 1939, ftit qabel ma bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija, u x-xogħol taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Jehovah kien ipprojbit fl-Ungerija. F’dak iż-żmien, min kien jieħu sehem f’li jgħallem il-Bibbja fil-pubbliku kien taʼ spiss jiġi arrestat.
PERESS li din kienet l-ewwel darba li kont se nieħu sehem f’din l-attività, mid-dehra kont nidher xi ftit ansjuża u pallida. Wieħed ħu Kristjan imdaħħal fiż-żmien dar fuqi u qalli: “Éva, qatt m’għandek għalfejn tibżaʼ. Li taqdi lil Jehovah huwa l-akbar unur li wieħed jistaʼ jkollu.” Dak il-kliem meqjus u li jqawwilek qalbek tgħidx kemm saħħaħni matul il-ħafna provi terribbli li għaddejt minnhom.
Trobbija Lhudija
Jien kont il-kbira minn ħamest itfal f’familja Lhudija. Ommi ma kinitx sodisfatta bil-Ġudaiżmu u bdiet teżamina reliġjonijiet oħrajn. Bis-saħħa t’hekk iltaqgħet maʼ Erzsébet Slézinger, mara Lhudija oħra li wkoll kienet qiegħda tfittex il-verità Biblika. Erzsébet laqqgħet lil ommi max-Xhieda taʼ Jehovah, u bħala riżultat, jien ukoll bdejt nuri interess kbir fit-tagħlim tal-Bibbja. Fi ftit żmien jien bdejt naqsam m’oħrajn dak li kont qed nitgħallem.
Meta għalaqt it-tmintax-il sena fis-sajf taʼ l-1941, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah permezz tal-magħmudija fix-Xmara Danubju. Ommi tgħammdet dak in-nhar ukoll, imma missieri ma kienx jaħsibha bħalna dwar din il-fidi Kristjana li konna ħaddanna. Ftit wara l-magħmudija tiegħi, għamilt pjanijiet biex insir pijuniera, jiġifieri, li nieħu sehem fil-ministeru full-time. Għaldaqstant, kelli bżonn rota, u għalhekk bdejt naħdem fil-laboratorju taʼ fabbrika kbira tat-tessuti.
Il-Bidu tal-Provi
In-Nazisti kienu ħadu kontroll taʼ l-Ungerija, u l-fabbrika fejn kont naħdem ġiet taħt tmexxija Ġermaniża. Jum wieħed il-ħaddiema kollha ġew imsejħin biex jidhru quddiem is-supervisors ħalli jaħilfu l-alleanza tagħhom man-Nazi. Intqalilna li min jonqos li jagħmel hekk kien se jbati konsegwenzi serji. Matul iċ-ċerimonja fejn riduna nsellmu lil Hitler, qgħadt hemmhekk bħala rispett, imma ma tajtx dik it-tislima li riedu. Dak in-nhar stess sejħuli fl-uffiċċju, tawni l-paga, u ġejt imkeċċija. Peress li kien diffiċli biex issib ix-xogħol, bdejt naħseb x’se jiġri mill-pjanijiet li kont għamilt biex insir pijuniera. Madankollu, l-għada sibt xogħol ġdid u saħansitra b’iktar paga.
Fl-aħħar stajt naqtaʼ xewqti li nkun pijuniera. Kelli diversi pijunieri li ħadmu sħab miegħi, u l-aħħar waħda li kelli kienet Juliska Asztalos. Konna nużaw biss il-Bibbja fil-ministeru, peress li ma kellniex letteratura x’noffru. Meta konna nsibu lil xi ħadd li juri interess, konna nagħmlulu żjajjar lura u nsellfuh il-letteratura.
Għal bosta drabi wara xulxin, jien u Juliska kien ikollna nsibu territorju ieħor fejn naħdmu. Dan għaliex ċertu qassis, malli sar jaf li konna qed inżuru ‘n-nagħaġ tiegħu,’ kien jagħmel avviż fil-knisja li jekk ix-Xhieda taʼ Jehovah jżuru lil xi ħadd, dan kellu jirrapportahom lilu jew lill-pulizija. Meta xi ħadd dħuli kien jgħidilna li sar xi avviż bħal dan, aħna konna mmorru f’territorju ieħor.
Darba waħda jien u Juliska żorna wieħed żagħżugħ li wera interess. Għamilna appuntament għal żjara lura biex insellfuh xi ħaġa x’jaqra. Imma meta rritornajna, kien hemm il-pulizija, u ġejna arrestati u meħudin fl-għassa tal-pulizija f’Dunavecse. Iż-żagħżugħ kien ġie wżat bħala lixka biex jaqbduna. Meta wasalna l-għassa, rajna li kien hemm qassis u indunajna li hu wkoll kien involut.
L-Agħar Prova Tiegħi
Waqt li kont fl-għassa, qaxxruli xagħri kollu, u kelli noqgħod bil-wieqfa għarwiena quddiem madwar tużżana pulizija. Dawn interrogawni u riedu jkunu jafu min kien il-mexxej tagħna fl-Ungerija. Jien spjegajtilhom li aħna ma kellna l-ebda mexxej ħlief lil Ġesù Kristu. Imbagħad sawtuni kemm felħu bil-lenbubi tagħhom, imma ma kxiftx lill-ħuti l-Kristjani.
Wara dan rabtuli saqajja flimkien u żammewli jdejja ’l fuq minn rasi u rabtuhomli wkoll. Imbagħad, wieħed wara l-ieħor, kollha stuprawni, minbarra pulizija wieħed. Tant rabtuni sew li sa tliet snin wara kien għad baqagħli l-marki fuq il-polzi taʼ jdejja. Daqs kemm kienu sawtuni bl-ikrah kellhom iżommuni fil-kantina għal ġimgħatejn sħaħ sakemm il-ġrieħi l-iktar gravi li kelli kienu fiequ xi ftit.
Perijodu taʼ Mistrieħ
Iktar tard ġejt mibgħuta f’ħabs f’Nagykanizsa, fejn kien hemm ħafna Xhieda taʼ Jehovah. Minkejja l-priġunerija tagħna, għaddejna sentejn relattivament sbieħ. Konna nagħmlu l-laqgħat tagħna kollha bil-moħbi, u konna niffunzjonaw qisna kważi kongregazzjoni. Kellna wkoll ħafna opportunitajiet biex nagħtu xiehda informali. Kien f’dan il-ħabs li ltqajt maʼ Olga Slézinger, oħt naturali taʼ Erzsébet Slézinger, il-mara li kienet introduċiet il-verità Biblika lili u lil ommi.
Sa l-1944, in-Nazisti fl-Ungerija kienu ddeterminati li jeliminaw lil-Lhud Ungeriżi, bl-istess mod li kienu qegħdin joqtluhom fi nħawi okkupati oħrajn. Jum wieħed dawn ġew għalija u għal Olga. Ġejna ppakkjati f’vaguni tal-ferrovija li jintużaw għat-trasport tal-bhejjem, u wara vjaġġ strapazzuż ħafna matul iċ-Ċekoslovakkja, wasalna fejn kellna naslu fin-Nofsinhar tal-Polonja—Auschwitz, il-kamp tal-mewt.
Is-Sopravivenza f’Auschwitz
Kont inħossni protetta meta kont inkun m’Olga. Hi kienet kapaċi tkun ċajtiera anki fl-iktar sitwazzjonijiet diffiċli. Meta wasalna f’Auschwitz, deherna quddiem l-infami Dr. Mengele, li xogħlu kien li jifred lill-uħud il-ġodda li kienu tajbin għax-xogħol minn dawk li ma kinux. Dawn taʼ l-aħħar kienu jintbagħtu fil-kmamar tal-gass. Meta kien imiss lilna, Mengele staqsa lil Olga, “Kemm għandek żmien?”
B’leħen sod, u b’dik it-tbissima fuq wiċċha, weġbitu, “20.” Fir-realtà hi kellha d-doppju. Imma Mengele daħakha u ħalliha tmur fuq in-naħa tal-lemin, u b’hekk baqgħet ħajja.
Il-priġunieri kollha f’Auschwitz kienu jiġu mmarkati b’simboli fuq il-ħwejjeġ tal-ħabs tagħhom—il-Lhud kellhom l-Istilla taʼ David, u x-Xhieda taʼ Jehovah kellhom it-trijanglu vjola. Meta ġew biex iħitu l-Istilla taʼ David fuq ħwejjiġna, aħna spjegajnielhom li konna Xhieda taʼ Jehovah u li ridna t-trijanglu vjola. Ridna hekk mhux għax konna nistħu mill-wirt Lhudi tagħna, imma għax issa konna sirna Xhieda taʼ Jehovah. Huma pprovaw jisforzawna biex naċċettaw l-emblema Lhudija billi tawna bis-sieq u sawtuna. Imma aħna żammejna sod sakemm aċċettawna bħala Xhieda taʼ Jehovah.
Maż-żmien, iltqajt m’oħti Elvira, li kienet tliet snin iżgħar minni. Is-sebaʼ membri tal-familja tagħna lkoll kemm huma kienu ttieħdu f’Auschwitz. Jien u Elvira biss konna ġejna meqjusin bħala tajbin għax-xogħol. Missieri, ommi, u t-tliet ħutna żgħar mietu fil-kmamar tal-gass. Elvira ma kinitx Xhud dakinhar, u ma konniex noqogħdu fl-istess parti tal-kamp. Hi baqgħet ħajja, emigrat lejn l-Istati Uniti, saret Xhud f’Pittsburgh, Pennsylvania, u żmien wara mietet hemm fl-1973.
Is-Sopravivenza f’Kampijiet Oħrajn
Fix-xitwa taʼ l-1944/45, il-Ġermaniżi ddeċidew li jevakwaw Auschwitz, peress li r-Russi kienu qed joqorbu. Għaldaqstant, ġejna meħudin f’Bergen-Belsen, fit-Tramuntana tal-Ġermanja. Ftit wara l-wasla tagħna, jien u Olga ġejna mibgħutin fi Braunschweig. Hawnhekk, aħna suppost kellna ngħinu biex inneħħu t-tifrik wara l-ibbombardjar intensiv mill-forzi Alleati. Jien u Olga ddiskutejna l-affari. Peress li ma konniex ċerti jekk dan ix-xogħol kienx se jikser in-newtralità tagħna, it-tnejn li aħna ddeċidejna li ma nagħmluhx.
Id-deċiżjoni tagħna qajmet għagħa mhux ħażin. Ġejna msawtin bi frosti tal-ġilda u mbagħad meħudin quddiem skwadra taʼ suldati biex jisparawlna. Tawna minuta ċans biex nerġgħu naħsbuha sew, u qalulna li jekk m’aħniex se nbiddlu fehmitna, kienu se jisparawlna. Aħna għednielhom li ma kellniex bżonn naħsbuha għax konna diġà ddeċidejna. Minkejja dan kollu, peress li l-kmandant tal-kamp ma kienx preżenti u hu kien l-uniku wieħed li setaʼ jagħti l-ordni taʼ l-eżekuzzjoni, il-qtil tagħna kellu jiġi pospost.
Sadattant ġejna mġegħlin noqogħdu bil-wieqfa fil-bitħa tal-kamp il-ġurnata kollha. Żewġ suldati armati kienu joqogħdu għassa magħna u kienu jinbidlu kull sagħtejn. Ma ġejniex mogħtijin ikel, u batejna ħafna minħabba l-kesħa, peress li kien Frar. Għaddiet ġimgħa sejrin hekk, imma l-kmandant ma deherx. Għalhekk, tefgħuna fil-kaxxa taʼ trakk, u b’sorpriża, erġajna sibna ruħna f’Bergen-Belsen.
Sa dakinhar jien u Olga konna ninsabu f’qagħda terribbli. Xagħri kien kważi waqagħli kollu u kelli deni taʼ żiemel. Kelli nagħmel sforz mill-akbar biex nagħmel xi ftit tax-xogħol. Is-soppa tal-kaboċċi donnha ilma u l-biċċa ħobż żgħira li kienu jagħtuna kuljum ma kinux biżżejjed. Imma bilfors kellna naħdmu għax min ma kienx jaħdem kien jinqatel. L-aħwa nisa Ġermaniżi li kienu jaħdmu miegħi fil-kċina għenuni biex nistejqer xi ftit. Meta kienu jaraw l-għassiesa ġejjin biex jagħmlu spezzjoni, l-aħwa kienu javżawni sabiex inkun nistaʼ mmur mal-bank tal-kċina, taʼ bir-ruħi għaddejja b’xogħli.
Jum wieħed Olga sempliċement ma kellhiex is-saħħa biex tmur fuq xogħolha, u wara dan ma rajnihiex iktar. Kont tlift ħabiba u kumpann kuraġġuża, waħda li kienet t’għajnuna kbira għalija matul dawk ix-xhur diffiċli fil-kampijiet. Bħala segwaċi midluka taʼ Sidna Ġesù Kristu, x’aktarx li hi rċeviet mill-ewwel ir-rigal tas-sejħa tagħha għas-sema.—Apokalissi 14:13.
Il-Ħelsien u Ħajti wara dan
Meta spiċċat il-gwerra f’Mejju taʼ l-1945 u ġejna meħlusin, tant kont debboli li ma stajtx nifraħ li sa fl-aħħar kien tneħħa minn fuqna l-madmad taʼ l-oppressuri; lanqas ma stajt ningħaqad mat-truppi li kienu qegħdin jieħdu lill-meħlusin lejn il-pajjiżi li kienu lesti li jilqgħuhom. Bqajt tliet xhur fi sptar sabiex nerġaʼ nieħu saħħti. Wara ġejt meħuda l-Isvezja, u din saret dari. Mill-ewwel, għamilt kuntatt maʼ ħuti l-Kristjani u maż-żmien erġajt bdejt naqdi fit-teżor prezzjuż tal-ministeru taʼ l-għalqa.
Fl-1949, iżżewwiġt lil Lennart Josefsson, li għal bosta snin kien qeda bħala indokratur li jivvjaġġa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Hu wkoll kien ittieħed priġunier matul it-Tieni Gwerra Dinjija minħabba li żamm sod fil-fidi tiegħu. Bdejna l-ħajja tagħna flimkien bħala pijunieri fl-1 taʼ Settembru, 1949, u ġejna inkarigati biex naqdu fir-raħal taʼ Borås. Matul l-ewwel snin li qattajna hemmhekk, konna nikkonduċu regolarment għaxar studji tal-Bibbja kull ġimgħa maʼ wħud interessati. B’ferħ stajna naraw li minn kongregazzjoni waħda f’Borås, kien hemm tlieta matul disaʼ snin, u issa hemm ħamsa.
Ma rnexxilix indum wisq bħala pijuniera għax fl-1950 twelditilna tifla, u sentejn wara, kellna tifel. B’hekk, kelli l-privileġġ mill-isbaħ li ngħallem lil uliedna l-verità prezzjuża li dak il-ħu grazzjuż fl-Ungerija kien għallimni meta kelli biss sittax-il sena, jiġifieri: “Li taqdi lil Jehovah huwa l-akbar unur li wieħed jistaʼ jkollu.”
Meta nħares lura lejn ħajti, nirrealizza li jien esperjenzajt kemm huwa minnu dak li kiteb id-dixxipli Ġakbu meta fakkarna dwar is-sabar taʼ Ġob: “Il-Mulej jaf jagħder, u hu ħanin bil-bosta.” (Ġakbu 5:11) Għalkemm jien ukoll ġarrabt provi terribbli, ġejt imbierka bil-kbir b’żewġt itfal, l-imseħbin tagħhom, u sitt neputijiet—ilkoll kemm huma adoraturi taʼ Jehovah. Barra minn dawn, għandi ħafna u ħafna wlied u neputijiet spiritwali, li xi wħud minnhom jaqdu bħala pijunieri u missjunarji. Issa l-akbar tama tiegħi hi li niltaqaʼ maʼ dawk il-maħbubin li reqdin fil-mewt u li ngħannaqhom meta joħorġu mill-oqbra tal-mafkar tagħhom.—Ġwann 5:28, 29.
[Stampa f’paġna 31]
Waqt il-ministeru fl-Isvezja wara t-Tieni Gwerra Dinjija
[Stampa f’paġna 31]
Flimkien mar-raġel tiegħi