“Mitfugħin il-Ħabs għall-Fidi Tagħhom”
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-POLONJA
IL-KLIEM Arbeit Macht Frei (Ix-Xogħol Jagħmlek Ħieles) għadu sa llum il-ġurnata miktub fuq il-bibien tal-ħadid tal-kamp tal-konċentrament f’Auschwitz fin-nofsinhar tal-Polonja, xi 60 kilometru mill-fruntiera Ċeka.a Madankollu, dan il-kliem jikkontradixxi dak li seħħ mill-maġġuranza taʼ dawk li daħlu minn dawk il-bibien bejn l-1940 u l-1945. Matul dawn is-snin, iktar minn miljun ruħ mietu f’Auschwitz taħt idejn in-Nazi. Però, individwi taʼ grupp minnhom setgħu ngħataw il-libertà tagħhom x’ħin riedu.
X’riedu jagħmlu dawn l-uħud biex jiksbu l-libertà tagħhom? Kwalunkwe ħabsi li kien wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova setaʼ jinħeles jekk jiffirma karta li kienet tistqarr li hu, jew hi, ma kienx se jibqaʼ jaqdi bħala Xhud. Ħafna xi ddeċidew? L-istorjografu István Deák jgħid li x-Xhieda “kienu simili għall-Kristjani tal-bidu li kienu jippreferu jinqatlu mill-iljuni milli jagħmlu offerta żgħira fuq l-artal taʼ xi imperatur Ruman.” Waqfa bħal din żgur jistħoqqilha li tiġi mfakkra, u hekk ġara.
Mill-21 taʼ Settembru, 2004, għal xahrejn, is-sala prinċipali tal-Mużew taʼ l-Istat t’Auschwitz-Birkenau ppreżentat esibizzjoni dedikata biss għax-Xhieda. L-esibizzjoni kellha t-tema xierqa “Mitfugħin il-Ħabs għall-Fidi Tagħhom—Ix-Xhieda taʼ Ġeħova u r-Reġim Nazist.” Din kien fiha wirja taʼ 27 tabella storika li wrew id-determinazzjoni soda tax-Xhieda biex iżommu n-newtralità Kristjana matul l-era Nazista.
Ħafna mill-viżitaturi tqanqlu meta qraw kopja taʼ ittra li ntbagħtet mill-ħabs minn Deliana Rademakers, li kienet mill-Olanda. Hi kitbet lill-familja tagħha: “Jien wegħedt li se nagħmel ir-rieda taʼ Ġeħova. . . . Kunu qalbiena u tibżgħux. Ġeħova hu magħna.” Fl-1942, Deliana ġiet deportata lejn Auschwitz, fejn mietet inqas minn tliet ġimgħat wara.
B’kollox kien hemm xi 400 Xhud f’Auschwitz. Tlieta minn dawk li salvaw kienu preżenti għall-inawgurazzjoni taʼ lesibizzjoni, fejn irrakkontaw l-esperjenzi tagħhom u wieġbu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Huma wrew l-istess kuraġġ li għenhom isalvaw mill-kundizzjonijiet fil-kamp.
Fil-ktieb tagħha Imprisoned for Their Faith—Jehovah’s Witnesses in Auschwitz Concentration Camp, ir-riċerkatriċi Teresa WontorCichy li taħdem fil-Mużew taʼ l-Istat kitbet: “Il-waqfa taʼ dan il-grupp żgħir influwenzat lill-ħabsin l-oħra b’mod pożittiv, u d-determinazzjoni tagħhom li wrew kuljum biex jibqgħu sodi saħħaħ lill-oħrajn biex ikunu konvinti li fi kwalunkwe kundizzjoni n-nies jistgħu jżommu lealment mal-prinċipji tagħhom.”
Il-fatt hu li l-ħabs u l-mewt m’humiex ġodda għas-segwaċi taʼ Ġesù Kristu, li hu stess kien ġie arrestat u maqtul għall-fidi tiegħu. (Luqa 22:54; 23:32, 33) Ġakbu, l-appostlu taʼ Ġesù, ukoll ġie maqtul. L-appostlu Pietru ntefaʼ l-ħabs, u l-appostlu Pawlu ġie msawwat u mitfugħ il-ħabs diversi drabi.—Atti 12:2, 5; 16:22-25; 2 Korintin 11:23.
B’mod simili, ix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Ewropa taw eżempju mill-aqwa taʼ fidi f’Alla matul is-snin 30 u 40. Hija xi ħaġa sabiħa li l-fidi taʼ dawn l-uħud saret rikonoxxuta f’Auschwitz.
[Nota taʼ taħt]
a Auschwitz kien fil-fatt magħmul minn tliet partijiet—Auschwitz I (il-kamp prinċipali), Auschwitz II (Birkenau), u Auschwitz III (Monowitz). Il-maġġuranza mill-kmamar tal-gass mistkerrha tant magħrufa kienu f’Birkenau.
[Stampa f’paġna 10]
Tlett irġiel li salvaw minn Auschwitz b’tabella li fiha t-titlu taʼ l-esibizzjoni
[Stampi f’paġna 11]
Deliana Rademakers, u ittra li kitbet meta kienet il-ħabs
[Sors]
Ritratti taʼ ġewwa: Zdjęcie: Archiwum Państwowego Muzeum Auschwitz-Birkenau
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 10]
It-Torri: Dzięki uprzejmości Państwowego Muzeum Auschwitz-Birkenau