Bijografija
Bl-Għajnuna taʼ Ġeħova, Bqajna Ħajjin taħt Reġimi Totalitarji
Kif rakkontata minn Henrỵk Dornik
JIEN twilidt fl-1926 lil ġenituri li kienu Kattoliċi devoti. Kienu jgħixu f’Ruda Slaska, raħal li fih kien hemm minjiera u kien jinsab viċin Katowice, fin-nofsinhar tal-Polonja. Huma għallmu lil uliedhom—ħija l-kbir, Bernard; ħuti l-bniet iż-żgħar, Róża u Edyta; u jien—biex jitolbu, jattendu l-knisja, u josservaw is-sagrament tal-qrar.
Il-Verità tal-Bibbja Tilħaq lil Darna
Ġurnata minnhom f’Jannar taʼ l-1937, meta kelli għaxar snin, missieri ġie lura d-dar ferħan se jtir. Hu ġab miegħu ktieb kbir u oħxon li kien kiseb mingħand ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Hu qal, “Tfal, araw x’għandi—l-Iskrittura Mqaddsa!” Qatt ma kont rajt il-Bibbja qabel.
Il-Knisja Kattolika kienet ilha teżerċita influwenza qawwija fuq in-nies f’Ruda Slaska u fl-inħawi fil-viċin. Il-membri tal-kleru kienu dħulin ħafna mas-sidien tal-minjiera u riedu ubbidjenza assoluta mill-ħaddiema tal-minjiera u mill-familji tagħhom. Jekk wieħed mill-ħaddiema ma kienx imur il-Quddiesa jew jirrifjuta li jmur iqerr, hu kien jitqies bħala wieħed li ma jemminx u kien jiġi mmarkat biex jitkeċċa mill-minjiera. Missieri ma damx ma esperjenza theddida simili minħabba li kien qed jissieħeb max-Xhieda taʼ Ġeħova. Madankollu, meta qassis ġie jżurna d-dar, missieri kixef l-ipokrisija reliġjuża tal-qassis quddiem kulħadd. Il-qassis imbarazzat ma riedx iktar inkwiet, allura missieri ma ġiex imkeċċi.
Minħabba li rajt dan il-konflitt mal-qassis, id-determinazzjoni tiegħi ġiet imsaħħa biex insir naf il-Bibbja. Maż-żmien sirt inħobb lil Ġeħova, u żviluppajt relazzjoni persunali miegħu. Ftit xhur wara l-konversazzjoni taʼ missieri mal-qassis, aħna attendejna t-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu, fejn missieri ġie mlaqqaʼ maʼ grupp taʼ xi 30 ruħ bil-kliem, “Dan wieħed mill-Ġonadabijiet.” Jien malajr sirt naf li l-“Ġonadabijiet” huma Kristjani b’tama għall-art u l-membri taʼ dan il-grupp kellhom jiżdiedu.a—2 Slaten 10:15-17.
“Ibni, Taf Xi Tfisser il-Magħmudija?”
Wara li aċċetta l-verità, missieri waqaf jixrob u sar raġel miżżewweġ u missier mill-aħjar. Minkejja dan, ommi m’aċċettatx it-twemmin reliġjuż tiegħu, u kienet tgħid li kienet tippreferi li hu jgħix kif kien qabel u jibqaʼ Kattoliku. Madankollu, wara li faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, hi nnotat li l-istess membri tal-kleru li kienu talbu biex il-Polonja jkollha rebħa kontra l-Ġermaniżi li kienu qed jinvadu l-pajjiż, issa kienu qed joffru talb taʼ radd il-ħajr għar-rebħiet taʼ Hitler! Iktar tard, fl-1941, ommi ngħaqdet magħna f’li naqdu lil Ġeħova.
Qabel dan, jien kont esprimejt ix-xewqa tiegħi li nissimbolizza d-dedikazzjoni tiegħi lil Alla bil-magħmudija fl-ilma, imma l-anzjani tal-kongregazzjoni ħasbu li kont għadni żgħir wisq. Qaluli biex nistenna. Però, eventwalment, fl-10 taʼ Diċembru, 1940, Konrad Grabowy (ħu li iktar tard miet lealment f’kamp tal-konċentrament) b’mod diskret staqsieni ftit mistoqsijiet f’appartament żgħir. Staqsieni ħames mistoqsijiet u mbagħad, sodisfatt bit-tweġibiet tiegħi, għammidni. Waħda mill-mistoqsijiet tiegħu kienet, “Ibni, taf xi tfisser il-magħmudija?” Oħra kienet, “Taf li issa peress li għaddejja gwerra, daqt se jkollok tiddeċiedi jekk hux se tkun leali lejn Hitler jew lejn Ġeħova, u d-deċiżjoni tiegħek tistaʼ tiswielek ħajtek?” Mingħajr tlaqliq, jien wiġibtu, “Iva naf.”
Tibda l-Persekuzzjoni
Konrad Grabowy għala staqsa mistoqsijiet daqshekk speċifiċi? L-armata Ġermaniża kienet invadiet il-Polonja fl-1939, u wara dan il-fidi u l-integrità tagħna ġew imġarrbin bl-aħrax. Kuljum, l-affarijiet saru iktar diffiċli hekk kif konna nisimgħu li Kristjani ħutna kienu qed jiġu arrestati, deportati, u mibgħutin il-ħabs jew f’kampijiet tal-konċentrament. Ma domniex ma ffaċċjajna provi simili aħna wkoll.
In-Nazi riedu jdawru l-ġenerazzjoni żagħżugħa—inkluż aħna l-erbat itfal—f’membri żelużi tat-Tielet Reich. Minħabba li ommi u missieri kienu rrifjutaw li jiffirmaw il-Volkslist (lista taʼ nies li kellhom jew li riedu jiksbu ċittadinanza Ġermaniża) diversi drabi, ittiħdilhom id-dritt legali li jrabbu lilna t-tfal. Missieri ntbagħat fil-kamp tal-konċentrament f’Auschwitz. Fi Frar taʼ l-1944 jien u ħija ttiħidna f’riformatorju fi Grodków (Grottkau), ħdejn Nysa, u ħutna l-bniet intbagħtu f’kunvent Kattoliku fi Czarnowąsy (Klosterbrück), ħdejn Opole. Il-mira kienet li jġagħluna niċħdu dak li l-awtoritajiet sejħulhom “l-ideat qarrieqa tal-ġenituri tagħna.” Lil ommi ħallewha d-dar waħedha.
Kull fil-għodu fil-bitħa tar-riformatorju, kienet tittellaʼ bandiera bl-iswastika fuqha u konna kmandati biex ngħollu idna l-leminija u nsellmu lill-bandiera filwaqt li ngħidu “Heil Hitler.” Kienet prova iebsa tal-fidi, imma jien u Bernard bqajna sodi fid-deċiżjoni tagħna li ma nagħmlux kompromess. B’riżultat taʼ dan, ġejna msawtin bl-aħrax minħabba mġiba “taʼ diżrispett.” Provi oħrajn biex iwaqqgħu l-moral tagħna wkoll fallew, u għalhekk is-suldati taʼ l-SS spiċċaw biex tawna proposta taʼ l-aħħar, “Jew tiffirmaw id-dikjarazzjoni taʼ lealtà lejn l-Istat Ġermaniż u tingħaqdu mal-Wehrmacht [l-armata Ġermaniża] jew se tintbagħtu f’kamp tal-konċentrament.”
F’Awissu taʼ l-1944 meta l-awtoritajiet uffiċjalment issuġġerew li nintbagħtu f’kamp tal-konċentrament, huma qalu: “Huwa impossibbli li nikkonvinċuhom jagħmlu xi ħaġa. It-tbatija tagħhom bħala martri tagħmilhom ferħanin. Il-waqfa ribelluża tagħhom hija taʼ theddida għar-riformatorju kollu kemm hu.” Għalkemm ma kelli ebda xewqa li nkun martri, il-fatt li batejt bil-kuraġġ u d-dinjità minħabba li bqajt leali lejn Ġeħova verament għamilni ferħan. (Atti 5:41) Żgur li ma kienx se jirnexxili nissaporti t-tbatijiet li kien se jkolli niffaċċja bis-saħħa tiegħi stess. Mill-banda l-oħra, talb ħerqan ressaqni eqreb lejn Ġeħova, u hu wera li kien Ajjutant taʼ min joqgħod fuqu.—Ebrej 13:6.
Fil-Kamp tal-Konċentrament
Ma domtx ma ttiħidt fil-kamp tal-konċentrament taʼ Gross-Rosen f’Silesia. Bħala ħabsi ngħatajt numru u trijanglu vjola, li identifikani bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Is-suldati taʼ l-SS tawni għażla. Stajt ninħeles mill-kamp u saħansitra nsir uffiċjal fl-armata Nazista b’kundizzjoni waħda. “Trid tiċħad l-ideat taʼ l-Istudenti tal-Bibbja, li huma kontra t-Tielet Reich.” Ħadd mill-ħabsin l-oħrajn ma ngħata offerta bħal din. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova biss ngħataw l-opportunità li jitilqu mill-kampijiet. Xorta waħda, jien—bħal eluf taʼ wħud oħrajn—irrifjutajt b’mod sod il-“privileġġ.” It-tweġiba tas-suldat kienet: “Ħares sew lejn dik iċ-ċumnija tal-krematorju. Erġaʼ kkunsidra l-offerta bis-serjetà, inkella se terġaʼ tikseb il-libertà tiegħek biss permezz taʼ dik iċ-ċumnija.” Għal darb’oħra rrifjutajt, u dak il-ħin imtlejt bil-“paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.”—Filippin 4:6, 7.
Jien tlabt biex inkun nistaʼ nikkuntattja lil sħabi fit-twemmin li kienu fil-kamp, u Ġeħova għamel dan possibbli. Fost dawn il-Kristjani sħabi kien hemm ħu leali jismu Gustaw Baumert, li ħa ħsiebi bit-tenerezza u bl-imħabba. Mingħajr ebda dubju, Ġeħova wera li kien “il-Missier taʼ kull ħniena tenera u l-Alla taʼ kull faraġ” għalija.—2 Korintin 1:3.
Wara ftit xhur, armati Russi li kienu resqin lejn il-pajjiż ġagħlu lin-Nazi jevakwaw il-kamp malajr. Hekk kif konna qed nippreparaw biex nitilqu, aħna l-aħwa rġiel—b’riskju għal ħajjitna—iddeċidejna li mmorru fil-kwartieri tan-nisa u naraw f’liema stat kienu xi 20 minn ħutna n-nisa spiritwali—fosthom Elsa Abt u Gertrud Ott.b X’ħin rawna, ġew jiġru jiltaqgħu magħna, u wara ftit kliem taʼ inkuraġġiment lil xulxin, huma kantaw flimkien l-għanja tas-Saltna li fiha hemm il-kliem: “Min fidil huwa, min hu leali, ma jibżax, le, mill-inkwiet.”c Ilkoll kemm aħna kellna d-dmugħ f’għajnejna.
Lejn il-Kamp li Jmiss
In-Nazi mlew vaguni tal-faħam vojta b’madwar 100 sa 150 minna l-ħabsin, mingħajr ikel jew ilma, u vvjaġġajna fil-ġlata u fix-xita li treżżħek. Batejna l-għatx u d-deni. Hekk kif il-ħabsin morda u eżawriti waqgħu maʼ l-art u mietu, il-vaguni saru inqas iffollati. Saqajja u l-ġogi tiegħi ntefħu tant li ma stajtx nibqaʼ bil-wieqfa. Wara li vvjaġġajna għal għaxart ijiem, il-ftit ħabsin li salvaw waslu fil-kamp penali taʼ Mittelbau-Dora f’Nordhausen, li jinsab viċin Weimar f’Thuringia. Ħaġa taʼ l-għaġeb hi li lanqas wieħed minn ħutna ma miet matul dak il-vjaġġ tal-biżaʼ.
Malli rkuprajt mill-vjaġġ faqqgħet epidemija tad-disenterija fil-kamp, u xi wħud mill-aħwa, inkluż jien, imradna. Intqalilna biex ma naċċettawx is-sopop li kienu jingħataw fil-kamp għal xi żmien u biex nieklu ħobż mixwi biss. Hekk għamilt u ma domtx ma fiqt. F’Marzu taʼ l-1945 smajna li l-Iskrittura għal dik is-sena kienet taʼ Mattew 28:19: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.” Milli jidher, il-bibien tal-kampijiet ma kellhomx idumu ma jinfetħu u l-aħbar tajba kienet se tkompli tiġi pridkata! Dan imliena bil-ferħ u bit-tama, ladarba konna ħsibna li t-tieni gwerra dinjija kienet se tilħaq il-quċċata tagħha f’Armageddon. Kemm saħħaħna b’mod taʼ l-għaġeb Ġeħova tul dawk iż-żminijiet diffiċli!
Ħelsien mill-Kampijiet!
Fl-1 t’April, 1945, il-forzi Alleati tefgħu l-bombi fuq il-kwartieri tas-suldati taʼ l-SS u l-kamp tagħna li kien fil-viċin. Ħafna nqatlu jew ġew feruti. L-għada, ġarrabna attakk taʼ ħafna bombi, u waqt dan l-attakk, splużjoni kbira għollietni.
Wieħed mill-aħwa, Fritz Ulrich, ġie jgħinni. Ħaffer fil-borġ ġebel, bit-tama li kont għadni ħaj. Fl-aħħar, hu sabni u kaxkarni ’l barra minn taħt it-terrapien. X’ħin erġajt ġejt f’sensija, irrealizzajt li kelli feriti serji f’wiċċi u f’ġismi u ma stajt nismaʼ xejn. Il-ħoss taʼ l-isplużjoni għamilli l-ħsara fit-tanbur taʼ widnejja. Ġarrabt problemi serji f’widnejja għal ħafna snin qabel ma fiequ kompletament.
Minn eluf taʼ ħabsin, ftit biss ħelsuha minn dawk il-bombi. Xi wħud minn ħutna mietu, fosthom l-għażiż Gustaw Baumert. Il-feriti li ġarrabt ikkaġunawli infezzjoni u magħha ġarrabt deni qawwi. Madankollu, it-truppi Alleati ma damux ma sabuna u ħelsuna. Sadanittant, l-iġsma taʼ ħabsin mejtin jew maqtulin li kienu qed jitherrew ikkaġunaw epidemija tat-tifu, u jien kont wieħed minn dawk li ntlaqtu. Flimkien mal-morda l-oħrajn, ittiħidt l-isptar. Minkejja l-isforzi ħerqanin tat-tobba, tlieta minna biss baqgħu ħajjin. Kemm kont grat li Ġeħova saħħaħni biex nibqaʼ leali tul dawk iż-żminijiet diffiċli! Kont grat ukoll li, fil-każ tiegħi, Ġeħova ra li kien xieraq li jsalvani mill-“wied mudlam” tal-mewt.—Salm 23:4.
Lura d-Dar fl-Aħħar!
Wara li l-Ġermaniżi ċedew, ridt nerġaʼ lura d-dar malajr kemm jistaʼ jkun, imma dan kien iktar diffiċli milli ħsibt. Rawni xi wħud li kienu membri taʼ l-Azzjoni Kattolika u li qabel kienu l-ħabs. Huma għajtu, “Oqtluh!” u waddbuni maʼ l-art u bdew jirfsuni. Ġie wieħed raġel u salvani minn taħt idejhom, imma domt ma rkuprajt, ladarba kont ferut u dgħajjef minħabba t-tifu. Madankollu, finalment irnexxieli mmur id-dar. Kemm kont ferħan li rġajt ngħaqadt maʼ familti! X’ħin rawni kienu se jtiru bil-ferħ, għax ħasbu li kont mejjet.
Ma domniex ma rġajna bdejna nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u ħafna wħud sinċieri li kienu qed ifittxu l-verità wieġbu b’mod pożittiv. Ngħatajt l-inkarigu li nipprovdi l-letteratura Biblika lill-kongregazzjonijiet. Flimkien m’aħwa oħrajn, kelli l-privileġġ li niltaqaʼ maʼ rappreżentanti mill-uffiċċju tal-fergħa tal-Ġermanja f’Weimar, u minn hemm ħadna magħna l-ewwel ħarġiet taʼ wara l-gwerra tat-Torri taʼ l-Għassa lura lejn il-Polonja. Minnufih ġew tradotti, tħejjew l-istensils, u ġew stampati l-kopji. Meta l-uffiċċju tagħna f’Lodz ħa f’idejh l-indokrar tax-xogħol fil-Polonja, il-letteratura Biblika bdiet tasal fil-kongregazzjonijiet fuq bażi regulari. Jien bdejt naqdi bħala pijunier speċjali, jew evanġelizzatur full-time, billi kont nippriedka fit-territorju kbir taʼ Silesia, li ħafna minnu sa dak iż-żmien kien sar parti mill-Polonja.
Madankollu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma damux ma reġgħu esperjenzaw il-persekuzzjoni, din id-darba mir-reġim Komunist ġdid fil-Polonja. Minħabba n-newtralità Kristjana tiegħi, fl-1948 ngħatajt is-sentenza taʼ sentejn ħabs. Meta kont hemm, stajt ngħin lil ħafna ħabsin oħrajn jersqu qrib lejn Alla. Wieħed minnhom ħa waqfa għall-verità u iktar tard iddedika lilu nnifsu lil Ġeħova u tgħammed.
Fl-1952 erġajt intbgħatt il-ħabs, din id-darba fuq akkuża li kont qed nispija għall-Istati Uniti! Hekk kif kont qed nistenna għall-proċess quddiem il-qorti, ġejt mitfugħ f’ċella waħdi u ġejt interrogat lejl u nhar. Madankollu, Ġeħova reġaʼ ħelisni minn idejn dawk li ppersegwitawni, u fis-snin taʼ wara, ma rġajtx esperjenzajt abbuż bħal dan.
X’Għenni Nissaporti
Hekk kif inħares lura lejn dawk is-snin kollha taʼ provi u tbatijiet, nistaʼ nidentifika xi sorsi ewlenin taʼ inkuraġġiment. L-ewwelnett, is-saħħa biex nissaporti ġiet mingħand Ġeħova u l-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Suppliki bil-ħerqa u fuq bażi regulari lill-“Alla taʼ kull faraġ” u studju tal-Kelma tiegħu kuljum għen lili u lil oħrajn biex nibqgħu ħajjin spiritwalment. Kopji miktubin bl-idejn tat-Torri taʼ l-Għassa wkoll ipprovdew ikel spiritwali tassew bżonnjuż. Fil-kampijiet tal-konċentrament, ġejt imsaħħaħ ħafna minn sħabi fit-twemmin li kienu lesti jagħtuni l-għajnuna tagħhom minn jeddhom.
Barka oħra mingħand Ġeħova kienet marti, Maria. Aħna żżewwiġna f’Ottubru taʼ l-1950 u iktar tard kellna tifla, Halina, li kibret biex tħobb u taqdi lil Ġeħova. Jien u Maria konna ilna miżżewġin 35 sena sakemm mietet wara ġlieda twila mal-mard. Il-mewt tagħha mlietni b’niket u wġigħ. Għalkemm għal xi żmien ħassejtni ‘mitfugħ maʼ l-art,’ ma ġejtx ‘meqrud.’ (2 Korintin 4:9) F’dawk iż-żminijiet diffiċli, sibt appoġġ fil-kumpanija taʼ binti l-għażiża, żewġha, u wliedha—in-neputijiet tiegħi—li lkoll qed jaqdu lil Ġeħova lealment.
Issa ilni naqdi fl-uffiċċju tal-fergħa fil-Polonja sa mill-1990. Sħubija kuljum mal-familja taʼ Betel meraviljuża hija barka kbira. Kultant is-saħħa batuta tiegħi ġġagħalni nħossni qisni xi ajkla dgħajfa li ma tantx tiflaħ ittir. Minkejja dan, inħares lejn il-futur b’fiduċja, u “ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli” sa llum il-ġurnata. (Salm 13:6b [13:6, NW]) Qed inħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta Ġeħova, l-Ajjutant tiegħi, se jħott il-ħsara kollha li rriżultat mill-ħakma oppressiva taʼ Satana.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Jannar, 1998, paġna 23, paragrafu 6.
b Ara l-bijografija t’Elsa Abt fil-ħarġa taʼ The Watchtower tal-15 t’April, 1980, paġni 12-15.
c Għanja numru 101 fil-ktieb taʼ l-għanjiet taʼ l-1928 intitolat Songs of Praise to Jehovah (Għanjiet taʼ Tifħir lil Ġeħova), pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Fil-ktieb taʼ l-għanjiet kurrenti, hija l-għanja numru 56.
[Stampa f’paġna 10]
Jien irċivejt dan in-numru u trijanglu vjola fil-kamp tal-konċentrament
[Stampa f’paġna 12]
Maʼ marti, Maria, fl-1980