Bijografija
Għalkemm Dgħajjef, Jien Setgħan
KIF RAKKONTATA MINN LEOPOLD ENGLEITNER
L-uffiċjal taʼ l-SS ħareġ il-pistola, għamilha maʼ rasi, u staqsieni: “Lest biex tmut? Se nisparalek għaliex tassew m’hemmx tama għalik.” “Jien lest,” għedtlu, waqt li pprovajt inżomm leħni sod. Qawwejt qalbi, għalaqt għajnejja, u stennejtu jisparali, imma ma ġara xejn. “Int baħnan wisq anki biex tmut!” għajjat hu, u neħħa l-pistola minn maʼ rasi. Kif spiċċajt f’din is-sitwazzjoni bla tama?
TWILIDT fit-23 taʼ Lulju, 1905, f’Aigen-Voglhub, raħal imkennen bejn l-Alpi Awstrijaċi. Kont it-tifel il-kbir taʼ ħaddiem fl-impjant taʼ l-isserrar taʼ l-injam u taʼ bint bidwi lokali. Il-ġenituri tiegħi kienu nies foqra li jaħdmu iebes. L-ewwel snin taʼ ħajti qattajthom f’Bad Ischl, ħdejn Salzburg, fost xenarji t’għadajjar mill-isbaħ u muntanji taʼ l-għaġeb.
Bħala tifel, spiss kont naħseb dwar l-inġustizzji tal-ħajja, mhux biss minħabba li l-familja tiegħi kienet fqira imma wkoll minħabba li sofrejt peress li twilidt bix-xewka taʼ dahri mgħawġa. L-uġigħ li kont inħoss f’dahri minħabba din il-marda ma kienx iħallini nieqaf dritt. L-iskola, ma kinux iħalluni nieħu sehem fil-ġinnastika, u għalhekk sirt il-mira taʼ ħafna twaqqigħ għaċ-ċajt minn sħabi tal-klassi.
Fl-aħħar taʼ l-ewwel gwerra dinjija, meta kont għadni kif għalaqt l-14-il sena, iddeċidejt li wasal iż-żmien li nfittex fejn naħdem sabiex ma nibqax ngħix fil-faqar. Dejjem kont inkun mejjet bil-ġuħ tant li kont inkun muġugħ, u kont inħossni iktar dgħajjef minħabba li ġieli kien jaqbadni deni qawwi bl-influwenza Spanjola, li minħabba fiha ħafna wħud kienu mietu. Meta kont nitlobhom biex naħdem għalihom, il-biċċa l-kbira mill-bdiewa kienu jgħiduli: “X’nistgħu qatt nagħmlu b’xi ħadd merħi bħalek?” Madankollu, bidwi qalbu tajba aċċetta li jħaddimni.
Nitgħaxxaq bl-Imħabba t’Alla
Avolja ommi kienet Kattolika devota, rari kont immur il-knisja, prinċipalment minħabba li missieri kien tolleranti dwar il-kwistjoni. Ngħid għalija, il-qima lill-idoli, li kienet prattika komuni ħafna fil-Knisja Kattolika Rumana, kienet iddejjaqni.
Darba minnhom, f’Ottubru taʼ l-1931, ħabib tiegħi talabni mmur miegħu f’laqgħa reliġjuża miżmuma mill-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufa x-Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-żmien. Hemmhekk, tawni t-tweġibiet mill-Bibbja għal mistoqsijiet importanti bħal: Alla jieħu gost bil-qima lill-idoli? (Eżodu 20:4, 5) Jeżisti infern tan-nar? (Koħèlet 9:5) Il-mejtin se jiġu rxoxtati?—Ġwanni 5:28, 29.
L-iktar li laqatni kien il-fatt li Alla ma jaqbilx mal-gwerer tal-bnedmin li jxerrdu ħafna demm, anki jekk dawn jgħidu li jiġġilduhom f’Ismu. Tgħallimt li “Alla hu mħabba” u li għandu isem grandjuż, Ġeħova. (1 Ġwanni 4:8; Salm 83:19 [83:18, NW]) Kemm fraħt meta sirt naf li permezz tas-Saltna taʼ Ġeħova, il-bnedmin se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem bil-ferħ f’ġenna mifruxa mad-dinja kollha! Tgħallimt ukoll dwar il-prospett meraviljuż disponibbli għal xi bnedmin imperfetti li ssejħu minn Alla biex ikollhom sehem maʼ Ġesù fis-Saltna tas-sema t’Alla. Kont lest nagħmel kollox għal dik is-Saltna. Allura, f’Mejju taʼ l-1932, tgħammidt u sirt wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Dak il-pass kien jeħtieġ il-kuraġġ, meta tqis in-nuqqas taʼ tolleranza reliġjuża li kienet dominanti fl-Awstrija li kienet strettament Kattolika dak iż-żmien.
Niffaċċja l-Mibegħda u l-Oppożizzjoni
Il-ġenituri tiegħi baqgħu xxokkjati meta tlaqt mill-knisja, u l-qassis malajr xandar l-aħbar minn fuq il-pulptu. Il-ġirien kienu jobżqu fl-art quddiemi biex juru li huma rrabjati għalija. Minkejja dan, kont determinat li ningħaqad mal-ministri full-time, u bdejt naqdi bħala pijunier f’Jannar taʼ l-1934.
Is-sitwazzjoni politika bdiet issir dejjem iktar inkwetanti minħabba l-influwenza qawwija li kien qed jikseb il-partit Nazista fil-provinċja tagħna. Matul iż-żmien li qattajt naqdi bħala pijunier fil-Wied taʼ Enns fi Styria, il-pulizija kienu dejjem jiġru warajja, u kelli nkun ‘għaqli bħas-sriep.’ (Mattew 10:16) Mill-1934 sa l-1938, il-persekuzzjoni kienet parti mir-rutina taʼ kuljum taʼ ħajti. Għalkemm ma kellix xogħol, ma ħallewnix nirreġistra, u ngħatajt sentenza taʼ diversi perijodi qosra u erbaʼ perijodi twal fil-ħabs minħabba l-attività tiegħi taʼ l-ippridkar.
Is-Suldati taʼ Hitler Jokkupaw l-Awstrija
F’Marzu taʼ l-1938, is-suldati taʼ Hitler immarċjaw għal ġo l-Awstrija. Fi ftit jiem, iktar minn 90,000 ruħ—xi 2 fil-mija mill-adulti tal-popolazzjoni—ġew arrestati u mibgħuta f’ħabsijiet u kampijiet tal-konċentrament, akkużati li jopponu r-reġim tan-Nazi. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova sa ċerti punt kienu preparati għal dak li kien ġej. Fis-sajf taʼ l-1937, diversi membri taʼ l-ewwel kongregazzjoni li kont nissieħeb magħha kienu għamlu l-vjaġġ taʼ 350 kilometru lejn Praga fuq ir-rota sabiex jattendu konvenzjoni internazzjonali. Hemmhekk semgħu bil-ħruxijiet li għaddew minnhom sħabna fit-twemmin fil-Ġermanja. Kien jidher ċar li issa kien imiss lilna.
Minn dakinhar li s-suldati taʼ Hitler daħlu fl-Awstrija, il-laqgħat u l-attività taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Ġeħova kellhom bilfors isiru bil-moħbi. Għalkemm il-letteratura mill-Bibbja bdiet tgħaddi bil-moħbi mill-fruntiera Svizzera, ma kienx hemm biżżejjed letteratura biex jintlaħaq kulħadd. Għalhekk, sħabna l-Kristjani minn Vjenna kienu jipproduċu l-letteratura bil-moħbi. Spiss kont naqdi bħala pustier, billi nwassal il-letteratura lix-Xhieda.
Lejn Kamp tal-Konċentrament
Fl-4 t’April taʼ l-1939, jien u tliet Kristjani sħabi ġejna arrestati mill-Gestapo waqt li konna qed nosservaw it-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu f’Bad Ischl. Ħaduna lkoll bil-karozza fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija taʼ l- Istat f’Linz. Din kienet l-ewwel darba li rkibt karozza, imma kont inkwetat wisq biex nieħu gost. F’Linz, għaddejt minn diversi interrogazzjonijiet tal-biżaʼ, imma ma ċħadtx il-fidi tiegħi. Ħames xhur wara, ħaduni quddiem l-imħallef li kien qed jinterrogani fl-Awstrija taʼ Fuq. B’sorpriża, il-proċeduri kriminali kontrija twaqqfu; però t-tiġrib tiegħi ma waqafx hemm. Sadanittant, it-tlieta l-oħra ntbagħtu f’kampijiet tal-konċentrament, fejn mietu waqt li baqgħu leali sa l-aħħar.
Arrestawni, u fil-5 t’Ottubru, 1939, avżawni li kienu se jiħduni lejn il-kamp tal-konċentrament taʼ Buchenwald fil-Ġermanja. Ferrovija speċjali kienet qed tistenna lilna l-ħabsin fl-istazzjon f’Linz. Il-vaguni kien fihom ċelel għal tnejn min-nies. Ir-raġel li kien fiċ-ċella miegħi ma kien ħadd ħlief dak li darba kien il-gvernatur taʼ l-Awstrija taʼ Fuq, Dr. Heinrich Gleissner.
Jien u Dr. Gleissner bdejna konversazzjoni interessanti. Hu kien sinċerament interessat fil-kundizzjoni mwiegħra tiegħi u baqaʼ xxokkjat li anki meta kien fil-gvern hu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ffaċċjaw għadd kbir taʼ problemi legali fil-provinċja tiegħu. Ħassu dispjaċut u qalli: “Sur Engleitner, ma nistax insewwi l-ħsara li saret, però nixtieq nitlob maħfra. Milli jidher il-gvern tagħna hu ħati li ma mexiex b’ġustizzja. Jekk qatt xi darba tkun fil-bżonn, se nkun tassew kuntent ngħinek bl-aħjar mod possibbli.” Wara l-gwerra rġajna ltqajna. Hu għenni nikseb il-pensjoni mill-gvern li tingħata lill-vittmi tan-Nazi.
“Se Nisparalek”
Fid-9 t’Ottubru, 1939, wasalt fil-kamp tal-konċentrament taʼ Buchenwald. Ftit wara dan, il-gwardjan tal-ħabs ġie informat li kien hemm Xhud fost dawk li għadhom jaslu, u jien sirt il-mira tiegħu. Hu sawwatni bla ħniena. Imbagħad, meta rrealizza li ma setax iġagħalni niċħad il-fidi tiegħi, hu qal: “Se nisparalek, Engleitner. Imma qabel, se nħallik tikteb ittra biex issellem lill-ġenituri tiegħek.” Ħsibt dwar il-kliem taʼ faraġ li stajt niktbilhom, imma kulmeta kont nagħmel il-pinna mal-karta, kien jagħtini daqqa mal-minkeb u jġagħalni nħażżeż. Hu beda jiddieħaq: “X’baħnan! Lanqas biss jaf jikteb żewġ linji dritti. Imma dan ma jwaqqfux milli jaqra l-Bibbja, hux?”
Imbagħad, il-gwardjan ħareġ il-pistola, għamilhieli maʼ rasi, u ġagħalni nemmen li kien se jisparali, bħalma semmejt fil-bidu taʼ din l-istorja. Imbagħad, hu deffisni f’ċella żgħira u mimlija żżejjed. Kelli nagħmel il-lejl bil-wieqfa. Imma xorta ma stajtx norqod, peress li ġismi kollu kien muġugħ. “X’ħela li tmut għal reliġjon banali!” kien l-uniku “faraġ” li tawni dawk li kienu fiċ-ċella miegħi. Dr. Gleissner kien fiċ-ċella taʼ ħdejja. Hu semaʼ x’kien ġara u b’mod imħasseb qal, “Il-persekuzzjoni tal-Kristjani reġgħet qed titfaċċa bil-kefrija tagħha!”
Fis-sajf taʼ l-1940, il-ħabsin kollha ġew ordnati jirrapportaw għax-xogħol fil-barrieri nhar taʼ Ħadd, avolja ġeneralment il-Ħadd ma konniex naħdmu. Dan għamluh biex ipattuha lil xi ħabsin li fil-ħarsa tagħhom għamlu xi “għemil ħażin.” Ġejna ordnati nġorru ġebel kbir mill-barriera għall-kamp. Żewġ ħabsin kienu qed jipprovaw ipoġġu ġebla kbira fuq dahri, u jien kważi waqajt bil-piż tagħha. Madankollu, Arthur Rödl, il-Lagerführer (gwardjan tal-kamp) li kulħadd kien jibżaʼ minnu, b’sorpriża ġie jgħinni. Meta ra l-isforzi li kont qed nagħmel b’tant uġigħ biex inġorr il-ġebla, hu qalli: “Qatt ma se tasal sal-kamp b’dik il-ġebla fuq dahrek! Niżżilha issa!” Dan kien kmand li tassew ħadt pjaċir nobdih. Imbagħad, Rödl urieni ġebla li kienet ħafna iżgħar, u qalli: “Iġbor dik, u ġibha sal-kamp. Hija eħfef biex iġġorrha!” Wara, ħares lejn dak li kien fuqna, u ordnalu: “Ħalli lill-Istudenti tal-Bibbja jmorru lura fil-kwartieri tagħhom. Ħadmu biżżejjed għal-lum!”
Fi tmiem kull ġurnata xogħol, dejjem kont nifraħ bis-sħubija tal-familja spiritwali tiegħi. Kellna l-arranġamenti biex inqassmu l-ikel spiritwali. Ħu kien jikteb vers mill-Bibbja fuq biċċa karta u jgħaddiha lill-oħrajn. Ukoll, irnexxielna ndaħħlu Bibbja bil-moħbi fil-kamp. Inqasmet biċċiet f’kotba differenti. Għal tliet xhur lili fdawli l-ktieb taʼ Ġob. Ħbejtu fil-kalzetti. Ir-rakkont taʼ Ġob għenni nibqaʼ leali.
Fl-aħħar, fis-7 taʼ Marzu, 1941, ngħaqadt maʼ grupp kbir li ttieħed lejn il-kamp tal-konċentrament taʼ Niederhagen. Kuljum saħħti bdiet tmur għall-agħar. Darba minnhom, jien u żewġ aħwa oħra ġejna ordnati nippakkjaw l-għodda ġol-kaxxi. Wara li għamilna dan, morna maʼ grupp ieħor taʼ ħabsin lura lejn il-kwartieri. Raġel taʼ l-SS innota li jien ma kontx qed illaħħaq maʼ l-oħrajn. Tant irrabja li tani daqqa taʼ sieq f’dahri bil-ħruxija u bil-ħasda, u għamilli ġrieħi gravi. L-uġigħ kien insopportabbli, imma minkejja l-uġigħ, l-għada mort naħdem.
Ninħeles b’Sorpriża
F’April taʼ l-1943, il-kamp taʼ Niederhagen fl-aħħar ġie evakwat. Wara dan, ittrasferewni lejn Ravensbrück, il-kamp fejn il-ħabsin kienu jinqatlu b’mod sistematiku. Imbagħad, f’Ġunju taʼ l-1943, b’sorpriża offrewli l-opportunità li jeħilsuni mill-kamp tal-konċentrament. Din id-darba, ma talbunix niċħad il-fidi tiegħi. Ridt biss naċċetta li nagħmel xogħol forzat ġo razzett għall-bqija taʼ ħajti. Kont lest nagħmel dan biex naħrab mill-orruri tal-kamp. Mort għand it-tabib tal-kamp biex jeżaminani għall-aħħar darba. It-tabib kien sorpriż meta rani. “Ma rridx nemmen li għadek wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova!” esklama hu. “Hekk hu, Sur Tabib,” weġibtu jien. “Mela f’dak il-każ ma narax għala għandi nħallik titlaq. Mill-banda l-oħra, nieħdu r-ruħ jekk neħilsu minn kreatura miżera bħalek.”
Ma kienx qed jesaġera bid-deskrizzjoni tiegħu. Saħħti kienet tassew f’kundizzjoni miżerabbli. Parti mill-ġilda tiegħi kienet mikula mill-qamel, id-daqqiet ħallewni trux minn widna waħda, u ġismi kollu kien miksi bil-ġrieħi kollhom materja. Wara 46 xahar taʼ ċaħda, ġuħ li ma jispiċċa qatt, u xogħol forzat, kont niżen biss 28 kilo. F’dan l-istat, ħallewni nitlaq minn Ravensbrück fil-15 taʼ Lulju, 1943.
Bagħtuni lura fir-raħal tiegħi bil-ferrovija mingħajr gwardjan biex iwassalni, u rrapportajt fil-kwartieri ġenerali tal-Gestapo f’Linz. L-uffiċjal tal-Gestapo tani l-karti tal-libertà tiegħi u wissieni: “Jekk qed taħseb li se neħilsuk biex tkompli tirsisti fl-attività sigrieta tiegħek, għandek żball kbir! Miskin int jekk naqbduk tippriedka.”
Fl-aħħar wasalt id-dar! Ommi ma bidlitli xejn f’kamarti minn meta ġejt arrestat l-ewwel darba fl-4 t’April, 1939. Anki l-Bibbja tiegħi kienet għadha miftuħa fuq il-komodina! Inżilt fuq irkopptejja u għedt talba minn qalbi taʼ radd il-ħajr.
Malajr ġejt inkarigat naħdem ġo razzett fil-muntanji. Il-bidwi, ħabib taʼ tfuliti, saħansitra ħallasni paga żgħira, għalkemm ma kienx obbligat jagħmel hekk. Qabel il-gwerra, dan il-ħabib kien tani permess naħbi xi letteratura mill-Bibbja fil-proprjetà tiegħu. Kont tassew ferħan li stajt nuża din il-ħażna żgħira taʼ letteratura sabiex nikseb is-saħħa spiritwali. Il-bżonnijiet kollha tiegħi kienu sodisfati, u kont determinat li nistenna l-gwerra tispiċċa fir-razzett.
Nistaħba fil-Muntanji
Però, dawk il-ġranet kalmi taʼ ħelsien ma tantx damu. F’nofs Awissu taʼ l-1943, ordnawli nirrapporta lil tabib militari għal eżami mediku. Għall-ewwel, hu ddikjara li ma kontx niflaħ għas-servizz attiv minħabba l-kundizzjoni ħażina taʼ dahri. Però, ġimgħa wara l-istess tabib reġaʼ eżamina dak li ra u kiteb: “Jistaʼ jidħol fis-servizz attiv fuq quddiem tal-battalja.” L-armata ma kinitx taf fejn jien għal xi żmien, imma fis-17 t’April, 1945, ftit qabel ma spiċċat il-gwerra, fl-aħħar sabitni. Ġejt magħżul għas-servizz fuq quddiem tal-battalja.
Bi ftit ikel u ħwejjeġ u Bibbja, ipprovajt nistaħba fil-muntanji fil-qrib. Għall-ewwel, stajt norqod barra, imma t-temp inbidel għall-agħar, u niżlet xi nofs metru borra. Ixxarrabt għasra. Irnexxieli nasal f’kabina fil-muntanji li kienet tinsab xi 1,200 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Interter bil-bard, xgħelt in-nar u rnexxieli nżomm ruħi sħun u nnixxef ħwejġi. Bla saħħa, irqadt fuq bank quddiem in-nar. Ma domtx ma qomt minħabba wġigħ kbir. Kont qed nieħu n-nar! Tgerbibt maʼ l-art biex nitfi n-nar. Dahri kien miksi bl-infafet.
B’riskju kbir, erġajt żgiċċajt lejn ir-razzett fil-muntanja qabel ma dalam, imma mart il-bidwi tant beżgħet li bagħtitni ’l hemm, għaliex qaltli li kien hemm min qed jikkaċċjani. Allura mort għand il-ġenituri tiegħi. Għall-ewwel, il-ġenituri tiegħi beżgħu jdaħħluni, imma fl-aħħar ħallewni norqod fil-kamra tal-bejt, u ommi dewwietli l-ġrieħi. Madankollu, wara jumejn, il-ġenituri tiegħi tant bdew jibżgħu li ddeċidew li jkun aħjar jekk nerġaʼ mmur nistaħba fil-muntanji.
Fil-5 taʼ Mejju, 1945, qajjimni ħoss qawwi. Rajt xi ajruplani taʼ l-Alleati jittajru fil-baxx. F’dak il-mument indunajt li r-reġim taʼ Hitler kien waqaʼ! L-ispirtu taʼ Ġeħova kien saħħaħni biex nissaporti prova inkredibbli. Esperjenzajt kemm hu minnu l-kliem imniżżel f’Salm 55:23 (55:22, NW), li tant farraġni fil-bidu tal-prova. Jien xħett it-tagħbija tiegħi fuq Ġeħova, u għalkemm kont dgħajjef fiżikament, hu għenni hekk kif imxejt fil-“wied mudlam.”—Salm 23:4.
Il-Qawwa taʼ Ġeħova “Tintgħamel Perfetta fid-Dgħjufija”
Wara l-gwerra, l-affarijiet ftit ftit bdew jiġu lura għan-normal. Għall-ewwel, sieħbi krieni biex naħdem fir-razzett tiegħu fuq il-muntanja. Kien biss wara li ndaħlet l-armata Amerikana f’April taʼ l-1946 li nħlist mill-obbligu tiegħi biex nagħmel xogħol forzat fil-biedja għall-bqija taʼ ħajti.
Fl-aħħar tal-gwerra, l-aħwa Kristjani f’Bad Ischl u l-inħawi taʼ madwar bdew jagħmlu l-laqgħat regolarment. Huma bdew jippridkaw b’żelu mġedded. Ġejt offrut naħdem bħala għassies bil-lejl f’fabbrika, u għalhekk stajt inkompli naqdi bħala pijunier. Maż-żmien, issetiljajt fl-inħawi taʼ St. Wolfgang, u fl-1949, iżżewwiġt lil Theresia Kurz, li kellha tifla minn żwieġ taʼ qabel. Għamilna 32 sena flimkien sakemm l-għażiża marti mietet fl-1981. Domt nieħu ħsiebha iktar minn sebaʼ snin.
Wara l-mewt taʼ Theresia, erġajt bdejt naqdi fis-servizz taʼ pijunier, li għenni negħleb il-vojt kbir li ħassejt. Bħalissa qed naqdi bħala pijunier u anzjan fil-kongregazzjoni taʼ Bad Ischl. Peress li ma nistaʼ mmur imkien mingħajr is-siġġu tar-roti, jien noffri l-letteratura tal-Bibbja u nitkellem man-nies dwar it-tama tas-Saltna fil-ġnien taʼ Bad Ischl jew quddiem id-dar tiegħi. Id-diskussjonijiet Bibliċi mill-aqwa li jkolli huma sors taʼ ferħ kbir għalija.
Meta nħares lura, nistaʼ nikkonferma li l-esperjenzi tal-biżaʼ li kelli ngħaddi minnhom ma mlewnix bl-imrar. M’għandniex xi ngħidu, kien hemm żmien meta ħassejtni mnikket għall-aħħar minħabba l-provi. Però, ir-relazzjoni kollha mħabba m’Alla Ġeħova għenitni negħleb dawn iż-żminijiet koroh. It-twissija tal-Mulej lil Pawlu, “Il-qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-dgħjufija,” kienet tassew minnha f’ħajti wkoll. Issa li għandi kważi 100 sena, nistaʼ ningħaqad maʼ l-appostlu Pawlu billi ngħid: “Nitgħaxxaq bid-dgħjufijiet, bl-insulti, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet u d-diffikultajiet, għal Kristu. Għax meta nkun dgħajjef, inkun setgħan.”—2 Korintin 12:9, 10.
[Stampi f’paġna 25]
Arrestat mill-Gestapo, f’April 1939
Dokumenti tal-Gestapo bl-akkużi, Mejju 1939
[Sors]
Iż-żewġ stampi: Privatarchiv; B. Rammerstorfer
[Stampa f’paġna 26]
Il-muntanji fil-qrib ipprovdewli rifuġju
[Sors tal-Istampa f’paġna 23]
Foto Hofer, Bad Ischl, Austria