LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 12/1 pp. 24-29
  • Fiduċjuża li Ġeħova Jieħu Ħsiebna bi Mħabba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fiduċjuża li Ġeħova Jieħu Ħsiebna bi Mħabba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Minn Taqlib għal Tirannija
  • Passiġġati Perikolużi
  • Qabduna!
  • Ħajti fl-​Eżilju
  • X’Nistaʼ Nagħtih lil Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Kemm Nixtieq Ikolli Fidi li ma Tonqoslix”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Bl-Għajnuna taʼ Ġeħova, Bqajna Ħajjin taħt Reġimi Totalitarji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Għalkemm Dgħajjef, Jien Setgħan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 12/1 pp. 24-29

Bijografija

Fiduċjuża li Ġeħova Jieħu Ħsiebna bi Mħabba

KIF RAKKONTATA MINN ANNA DENZ TURPIN

“Int ħlief tistaqsi ‘Għala’ ma tagħmilx!” qaltli ommi bi tbissima fuq wiċċha. Meta kont żgħira, lill-​ġenituri tiegħi kont nibbombardjahom bil-​mistoqsijiet. Imma ommi u missieri qatt ma rrabjaw miegħi minħabba l-​kurżità tiegħi taʼ tifla li kont. Minflok, għallmuni nirraġuna u nieħu d-​deċiżjonijiet waħdi bbażati fuq il-​kuxjenza tiegħi mħarrġa fuq il-​Bibbja. Kemm kellu jkun prezzjuż dak it-​taħriġ! Darba waħda meta kelli 14-il sena, in-​Nazi firduni mill-​għeżież ġenituri tiegħi, u qatt ma rġajt rajthom.

MISSIERI, Oskar Denz, u ommi, Anna Maria, kienu jgħixu f’Lörrach, belt Ġermaniża ħdejn il-​fruntiera Svizzera. Meta kienu żgħar, kienu attivi fil-​politika, u n-​nies fil-​komunità kienu jafuhom u jirrispettawhom. Imma fl-​1922, ftit wara li żżewġu, il-​ġenituri tiegħi biddlu l-​ħarsa tagħhom lejn il-​politika u l-​miri tagħhom fil-​ħajja. Ommi bdiet tistudja l-​Bibbja maʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin dakinhar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u kienet ferħana ħafna meta tgħallmet li s-​Saltna t’Alla se ġġib il-​paċi fuq l-​art. Missieri ma damx ma beda jistudja wkoll, u t-​tnejn li huma bdew jattendu l-​laqgħat taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja. Dik is-​sena missieri saħansitra ta lil ommi ktieb għall-​istudju tal-​Bibbja, The Harp of God, bħala rigal tal-​Milied. Jien ġejt fid-​dinja nhar il-​25 taʼ Marzu, 1923, u kont l-​unika tifla tagħhom.

Kemm għandi memorji sbieħ tal-​ħajja tagħna bħala familja—il-​passiġġati tagħna fis-​sajf fil-​ħemda tal-​foresta u l-​lezzjonijiet li kienet tagħtini ommi fix-​xogħol tad-​dar! Għadni nistaʼ nġibha quddiem għajnejja bil-​wieqfa fil-​kċina għassa mal-​koka żgħira tagħha. L-​iktar ħaġa importanti hi li l-​ġenituri għallmuni nħobb lil Alla Ġeħova u nafda fih.

Il-kongregazzjoni tagħna kienet magħmula minn madwar 40 predikatur bieżel tas-​Saltna. Ommi u missieri kellhom talent partikulari, li joħolqu opportunitajiet biex jitkellmu dwar is-​Saltna. Minħabba l-​attivitajiet tagħhom taʼ qabel fil-​komunità, kienu jħossuhom komdi m’oħrajn, u n-​nies kienu jilqgħuhom tajjeb. Meta għalaqt sebaʼ snin, jien ukoll ridt nippriedka minn bieb għal bieb. Fl-​ewwel ġurnata tiegħi, dik li kienet miegħi tatni xi letteratura, urietni dar, u mbagħad sempliċement qaltli, “Mur ara jekk iriduhomx dawn.” Fl-​1931 attendejna konvenzjoni taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja f’Basel, fl-​Isvizzera. Kien hawnhekk li l-​ġenituri tiegħi tgħammdu.

Minn Taqlib għal Tirannija

Il-​Ġermanja kienet għaddejja minn taqlib kbir dak iż-​żmien, u ħafna gruppi politiċi kienu jiġġieldu fit-​toroq. Lejl wieħed, qomt bl-​għajat li kien ġej mid-​dar tal-​ġirien. Żewġ subien adoloxxenti qatlu lil ħuhom b’furkettun tal-​biedja għax ma kinux jaqblu maʼ l-​ideat politiċi tiegħu. Il-​mibegħda lejn il-​Lhud ukoll kibret ferm. Fl-​iskola waħda tifla kellha toqgħod bil-​wieqfa waħedha f’rokna sempliċement għax kienet Lhudija. Tgħidx kemm iddispjaċieni għaliha. Mur għidli li dalwaqt kont se niskopri x’jiġifieri li tkun mibgħud u mwarrab mis-​soċjetà.

Fit-​30 taʼ Jannar, 1933, Adolf Hitler sar kanċillier tal-​Ġermanja. Minn xi żewġ blokkijiet ’il bogħod rajna lin-​Nazi jgħollu l-​bandiera taʼ l-​iswastika fuq il-​bini tal-​kunsill tal-​belt. Fl-​iskola l-​għalliema bl-​entużjażmu kollu għallmitna ngħidu t-​tislima “Heil Hitler!” Dakinhar wara nofsinhar għedt lil missieri dwar dan. Hu inkwieta daqsxejn. “Ma togħġobnix il-​biċċa,” qal hu. “‘Heil’ tfisser salvazzjoni. Jekk ngħidu ‘Heil Hitler,’ inkunu qed ngħidu li s-​salvazzjoni tiġi minnu minflok minn Ġeħova. Ma naħsibx li hu tajjeb, imma int iddeċiedi għalik x’għandek tagħmel.”

Sħabi taʼ l-​iskola bdew iwarrbuni għax iddeċidejt li ma ngħidx “Heil Hitler!” Xi subien saħansitra sawtuni meta l-​għalliema ma kinux qed iħarsu. Fl-​aħħar ma baqgħux jagħtuni fastidju, imma anki l-​ħbieb tiegħi qaluli li missierhom ma kienx iħallihom jilagħbu miegħi. Kont perikoluża wisq.

Xahrejn wara li ħadu l-​poter fil-​Ġermanja, in-​Nazi pprojbew lix-​Xhieda taʼ Ġeħova għax qisuhom taʼ periklu għall-​Istat. Is-​suldati Nazisti mħarrġin apposta fil-​vjolenza u l-​ħruxija għalqu l-​uffiċċju f’Magdeburg u pprojbew il-​laqgħat tagħna. Imma peress li konna ngħixu ħdejn il-​fruntiera, missieri kiseb permessi biex naqsmu n-​naħa l-​oħra għal Basel, fejn konna nattendu l-​laqgħat taʼ nhar taʼ Ħadd. Hu spiss kien jgħid kemm xtaq li ħutna fil-​Ġermanja setgħu jirċievu ikel spiritwali bħal dan biex jgħinhom jiffaċċjaw il-​futur bil-​kuraġġ.

Passiġġati Perikolużi

Wara li ngħalaq l-​uffiċċju taʼ Magdeburg, membru li qabel kien jaħdem hemm, Julius Riffel minn Lörrach, ġie lura f’din il-​belt biex jorganizza x-​xogħol taʼ l-​ippridkar fis-​sigriet. Missieri mill-​ewwel offra l-​għajnuna. Hu qagħad bil-​qiegħda miegħi u m’ommi ħalli jispjegalna li kien ftiehem li jgħin biex iġib il-​letteratura Biblika fil-​Ġermanja mill-​Isvizzera. Hu qal li dan kien se jkun perikoluż ferm u li setaʼ jiġi arrestat minn ħin għall-​ieħor. Ma ridniex inħossuna sforzati biex ninvolvu ruħna għax kien se jkun taʼ sogru kbir għalina wkoll. Minnufih, ommi qalet, “Jien għal miegħek.” It-​tnejn li huma ħarsu lejja, u jien għedt, “Jien għal magħkom ukoll!”

Il-mamà ħadmitli basket bil-​ganċ li bejn wieħed u ieħor kien daqs ir-​rivista Torri taʼ l-​Għassa. Kienet tpoġġili l-​letteratura f’fetħa fuq naħa minnhom tal-​basket u mbagħad tagħlaqha bil-​ganċ. Kienet għamlet xi bwiet moħbijin fil-​ħwejjeġ taʼ missieri u żewġ panċieri li fihom jien u hi stajna nġorru xi letteratura Biblika żgħira. Kull darba li kien jirnexxilna naslu sad-​dar b’dawn it-​teżori moħbija, konna nieħdu r-​ruħ u niżżu ħajr lil Ġeħova. Imbagħad il-​letteratura konna naħbuha fil-​kamra tal-​bejt.

Għall-ewwel, in-​Nazi ma ssuspettaw xejn fina. La kienu jagħmlulna mistoqsijiet u lanqas ma kienu jfittxulna fid-​dar. Madankollu, iddeċidejna li jkollna numru sigriet li jintuża biex iwissi lil ħutna spiritwali f’każ li jinqalaʼ xi ħaġa—4711, l-​isem taʼ fwieħa famuża. F’każ li kien isir perikoluż li jiġu għandna, konna nwissuhom—billi b’xi mod nużaw dak in-​numru. Missieri qalilhom ukoll biex iħarsu fit-​twieqi tagħna tas-​salott qabel ma jidħlu fil-​bini. Jekk it-​tieqa tax-​xellug tkun miftuħa, kien ifisser li nqalaʼ l-​inkwiet, u li kellhom iżommu ’l bogħod.

Fl-​1936 u l-​1937, il-​Gestapo arresta ħafna nies f’daqqa u tefaʼ eluf taʼ Xhieda fil-​ħabsijiet u l-​kampijiet tal-​konċentrament, fejn sofrew trattament mill-​iktar aħrax u sadistiku. L-​uffiċċju tal-​fergħa f’Bern, l-​Isvizzera, beda jiġbor rapporti, inkluż xi rapporti li ħarġu baxx baxx mill-​kampijiet, biex jinkludihom fi ktieb bl-​isem Kreuzzug gegen das Christentum (Kruċjata Kontra l-​Kristjanità), li kellu jikxef id-​delitti Nazisti. Aħna offrejna li nagħmlu l-​biċċa xogħol perikoluża li naqsmu l-​fruntiera bir-​rapporti sigrieti u niħduhom f’Basel. Kieku n-​Nazi kellhom jaqbduna b’dawk id-​dokumenti li kienu kontra l-​liġi, kienu jitfgħuna l-​ħabs mill-​ewwel. Jien u naqra dwar it-​turmenti li kienu qed iġarrbu ħutna kont ninfexx nibki. Madankollu, ma kontx nibżaʼ. Kelli fiduċja li Ġeħova u l-​ġenituri tiegħi, l-​aqwa ħbieb tiegħi, kienu se jieħdu ħsiebi.

Spiċċajt l-​iskola t’14-il sena u bdejt naħdem f’ħanut bħala skrivana. Ġeneralment, il-​vjaġġi tagħna biex inwasslu r-​rapporti sigrieti konna nagħmluhom nhar taʼ Sibt wara nofsinhar jew il-​Ħadd, meta missieri ma kienx ikun xogħol. Bejn wieħed u ieħor, konna mmorru kull ġimagħtejn. Konna qisna familja bħall-​oħrajn li kienet sejra passiġġata fi tmiem il-​ġimgħa, u għal kważi erbaʼ snin, l-​għassiesa taʼ ħdejn il-​fruntiera ma waqqfuniex jew ipprovaw ifittxulna xi ħaġa—sakemm kollox inbidel jum wieħed fi Frar taʼ l-​1938.

Qabduna!

Qatt ma ninsa l-​ħarsa fuq wiċċ missieri meta wasalna ħdejn Basel fejn konna se nieħdu dak li kien qed jistenniena, u rajna munzell kbir taʼ letteratura lest għalina. Peress li familja oħra li kienet tagħmel l-​istess bħalna kienet ġiet arrestata, aħna kellna iktar kotba xi nġorru. Ħdejn il-​fruntiera, uffiċjal tad-​dwana tana ħarsa suspettuża u ordna li jfittxulna fl-​affarijiet tagħna. Meta nstabu l-​kotba, hu mexxiena bl-​ixkubetta mmirata lejna għal ġo karozzi tal-​pulizija li kienu qed jistennewna. Meta l-​uffiċjali telqu bina, missieri għafasli idi u qalli baxx baxx: “Tkunx traditura. Tikxef lil ħadd!” “Le, m’iniex se nagħmel hekk,” żgurajtu jien. Meta wasalna lura f’Lörrach, ħadu lil missieri l-​għażiż. Il-​bieb tal-​ħabs ngħalaq warajh u qatt iktar ma rġajt rajtu.

Erbat irġiel tal-​Gestapo damu erbaʼ sigħat jinterrogawni, u riduni ngħidilhom l-​ismijiet u l-​indirizzi taʼ Xhieda oħrajn. Meta rrifjutajt, uffiċjal minnhom telgħulu u heddidni, “Għandna mezzi oħra biex inġagħluk titkellem!” Ma kxift xejn. Imbagħad ħadu lili u lil ommi lura d-​dar tagħna, u fittxew fid-​dar għall-​ewwel darba. Lil ommi arrestawha u lili bagħtuni għand iz-​zija biex inkun taħt il-​ħarsien tagħha, bla ma ntebħu li hi wkoll kienet Xhud. Għalkemm stajt immur għax-​xogħol, erbat irġiel tal-​Gestapo kienu jipparkjaw il-​karozza quddiem id-​dar u joqogħdu għassa għal kull mossa li nagħmel waqt li uffiċjal tal-​pulizija kien jagħmel ir-​ronda fuq il-​bankina.

Ftit jiem wara, madwar nofsinhar, jien ħriġt mid-​dar u rajt oħt żagħżugħa ġejja lejja fuq ir-​rota. Hi u riesqa, stajt nara li kienet se titfagħli biċċa karta. Malli lqajtha dort biex nara jekk l-​uffiċjali tal-​Gestapo kinux raw x’għamilt. Bqajt skantata kif dak il-​ħin eżatt ilkoll kemm huma kienu għollew rashom ’il fuq għax infaqgħu jidħqu b’xi ħaġa!

In-nota li tatni l-​oħt kienet tgħid li kelli mmur għand il-​ġenituri tagħha f’nofsinhar. Imma bil-​Gestapo għassa tiegħi, kif stajt inpoġġi lill-​ġenituri tagħha f’riskju li jeħlu huma wkoll? Ħarist lejn l-​erbaʼ uffiċjali tal-​Gestapo fil-​karozza u mbagħad lejn l-​uffiċjal tal-​pulizija li kien qed jagħmel ir-​ronda fit-​triq. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel, u tlabt lil Ġeħova bil-​ħrara għall-​għajnuna tiegħu. Fid-​daqqa u l-​ħin, l-​uffiċjal tal-​pulizija resaq lejn il-​karozza tal-​Gestapo u beda jkellem lill-​irġiel. Imbagħad rikeb, u telqu ’l hemm!

Dak il-​ħin eżatt, iz-​zija tfaċċat minn wara l-​kantuniera. Nofsinhar kien diġà daqq. Qrat in-​nota u ddeċidiet li kellna mmorru f’dik id-​dar kif kienu qalulna, għax issupponiet li l-​aħwa kienu ftiehmu li jiħduni l-​Isvizzera. Meta wasalna, il-​familja laqqgħetni maʼ raġel li ma kontx nafu, Heinrich Reiff. Hu qalli li kien ferħan li rnexxieli niżgiċċa qawwija u sħiħa u li kien ġie biex jgħinni naħrab lejn l-​Isvizzera. Qalli biex niltaqaʼ miegħu fil-​bosk nofs siegħa wara.

Ħajti fl-​Eżilju

Iltqajt maʼ Ħuna Reiff bid-​dmugħ nieżel minn għajnejja, b’qalbi maqsuma bil-​ħsieb li kont se nħalli lill-​ġenituri warajja. Kollox ġara f’daqqa. Wara xi mumenti t’ansjetà, aħna tħallatna maʼ grupp taʼ turisti u qsamna l-​fruntiera Svizzera qawwijin u sħaħ.

Meta wasalna fl-​uffiċċju tal-​fergħa ġewwa Bern, skoprejt li l-​aħwa kienu għamlu l-​arranġamenti biex inkun nistaʼ naħrab. B’qalb tajba, huma tawni post fejn noqgħod. Kont naħdem fil-​kċina, xogħol li ħadt pjaċir ħafna nagħmlu. Imma kemm kienet diffiċli l-​ħajja fl-​eżilju! Il-​ġenituri tiegħi kienu ngħataw sentejn ħabs kull wieħed u ma kontx naf x’se jsir minnhom. Kultant, kont inħoss li n-​niket u l-​ansjetà ma stajtx niflaħhom iktar, u kont nissakkar fil-​kamra tal-​banju u noqgħod nibki. Imma rnexxieli nżomm kuntatt bl-​ittri mal-​ġenituri tiegħi regolarment u huma kienu jinkuraġġuni biex nibqaʼ leali.

Imqanqla mill-​eżempju taʼ fidi tal-​ġenituri tiegħi, jien iddedikajt ħajti lil Ġeħova u tgħammidt fil-​25 taʼ Lulju, 1938. Wara sena f’Betel, mort naħdem f’Chanélaz, razzett li kienet xtrat il-​fergħa taʼ l-​Isvizzera biex tipprovdi l-​ikel għall-​familja taʼ Betel u tilqaʼ lill-​aħwa li kienu qed jaħarbu mill-​persekuzzjoni.

Meta l-​ġenituri tiegħi spiċċaw is-​sentenza tagħhom taʼ sentejn il-​ħabs fl-​1940, in-​Nazi offrew li jeħilsuhom jekk jiċħdu l-​fidi tagħhom. Huma żammew sod u ntbagħtu fil-​kampijiet tal-​konċentrament, missieri f’Dachau u ommi f’Ravensbrück. Fix-​xitwa taʼ l-​1941, ommi u xi aħwa nisa oħra fil-​kamp irrifjutaw li jagħmlu xi xogħol għall-​militar. Bħala kastig ġagħluhom joqogħdu bil-​wieqfa fil-​kesħa għal 3 ijiem u 3 iljieli, u wara sakkruhom f’ċelel mudlama u ħallewhom kważi mejtin bil-​ġuħ għal 40 jum. Imbagħad ngħataw is-​swat. Ommi mietet fil-​31 taʼ Jannar, 1942, tliet ġimgħat wara li ġiet imsawta bl-​aħrax.

Missieri ħaduh minn Dachau għal Mauthausen fl-​Awstrija. F’dan il-​kamp in-​Nazi kienu joqtlu lill-​ħabsin ftit ftit permezz tal-​ġuħ u x-​xogħol fiżiku taʼ moħqrija. Imma sitt xhur wara li mietet ommi, in-​Nazi qatlu lil missieri b’metodu differenti—bl-​esperimenti mediċi. It-​tobba tal-​kamp, li kienu jużaw lill-​ħabsin bħall-​annimali taʼ l-​esperimenti, infettawhom apposta bit-​tuberkulosi. Wara, il-​ħabsin kienu jingħataw injezzjoni f’qalbhom li toqtolhom. Id-​dokument uffiċjali jgħid li missieri miet minħabba li “l-​muskolu taʼ qalbu kien dgħajjef.” Kellu 43 sena. Kellhom jgħaddu x-​xhur biex insir naf bil-​qtil krudili kollu li kien isir. Meta niftakar fl-​għeżież ġenituri għajnejja għadhom jimtlewli bid-​dmugħ. Madankollu, dakinhar sibt il-​faraġ mill-​fatt li kont naf li ommi u missieri, li kellhom it-​tama taʼ ħajja fis-​sema, jinsabu fil-​ħarsien taʼ Ġeħova, u għadni sa llum nitfarraġ b’dan il-​ħsieb.

Wara t-​tieni gwerra dinjija, kelli l-​privileġġ li nattendi l-​11-il klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) fi New York. X’ferħ li tkun mgħaddas fi studju taʼ l-​Iskrittura għal ħames xhur! Meta ggradwajt fl-​1948 intbgħatt l-​Isvizzera biex naqdi bħala missjunarja. Ftit wara ltqajt maʼ James L. Turpin, ħu leali li ggradwa mill-​ħames klassi taʼ Gilgħad. Meta ġie stabbilit l-​ewwel uffiċċju tal-​fergħa fit-​Turkija, hu kien jaqdi bħala l-​indokratur tiegħu. Iżżewwiġna f’Marzu taʼ l-​1951, u ftit wara sirna nafu li konna se nsiru ġenituri! Morna ngħixu l-​Istati Uniti u bintna, Marlene, ġiet fid-​dinja f’Diċembru taʼ dik is-​sena.

Matul is-​snin, Jim u jien esperjenzajna ferħ kbir fis-​servizz tagħna tas-​Saltna. Għandi memorji sbieħ taʼ studenta waħda tal-​Bibbja, żagħżugħa Ċiniża jisimha Penny, li kienet tħobb wisq tistudja l-​Bibbja. Hi tgħammdet u iktar tard iżżewġet lil Guy Pierce, li issa jaqdi fil-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Uħud għeżież bħal dawn għenu biex jimlew il-​vojt li kelli minħabba t-​telfa tal-​ġenituri tiegħi.

Kmieni fis-​sena 2004, l-​aħwa f’Lörrach, fejn trabbew il-​ġenituri tiegħi, bnew Sala tas-​Saltna ġdida fi Triq Stich. Bħala rikonoxximent għal dak li kienu għamlu x-​Xhieda taʼ Ġeħova, il-​kunsill tal-​belt iddeċieda li jibdel l-​isem tat-​triq għal Denzstraße (Triq Denz) f’ġieħ il-​ġenituri tiegħi. Il-​gazzetta lokali, Badische Zeitung, taħt it-​titlu “B’Tifkira tal-​Koppja Maqtula Denz: Isem Ġdid taʼ Triq,” qalet li l-​ġenituri tiegħi “nqatlu f’kamp tal-​konċentrament matul it-​Tielet Reich minħabba l-​fidi tagħhom.” Din l-​azzjoni mill-​kunsill tal-​belt ma kinitx mistennija imma ħadt gost ħafna biha.

Missieri kien jgħid li għandna nippjanaw bil-​quddiem bħallikieku Armageddon mhux ġejja matul ħajjitna imma għandna ngħixu daqslikieku ġejja għada—parir prezzjuż li dejjem ipprovajt napplikah. M’huwiex dejjem faċli li nibbilanċja l-​paċenzja u l-​ħerqa, speċjalment minħabba l-​effetti koroh tax-​xjuħija li issa jżommuni d-​dar. Madankollu, qatt ma ddubitajt il-​wegħda taʼ Ġeħova lill-​qaddejja leali kollha tiegħu: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha . . . Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 29]

KLIEM PREZZJUŻ MILL-​IMGĦODDI

Waħda mara minn raħal ftit ’il bogħod minn Lörrach żaret dan il-​post fis-​snin 80. Dak iż-​żmien, in-​nies tal-​post kienu qed iġibu xi affarijiet li ma ridux f’post pubbliku fejn ħaddieħor setaʼ jarahom u jagħżel dak li jixtieq jieħu. Din il-​mara sabet kaxxa tal-​ħjata u ħaditha d-​dar. Iktar tard, f’qiegħ il-​kaxxa, sabet xi ritratti taʼ tifla żgħira u ittri miktubin fuq il-​karti tal-​kampijiet tal-​konċentrament. L-​ittri interessawha ħafna u xtaqet tkun taf min kienet din it-​tifla bil-​malji.

Darba waħda fis-​sena 2000, il-​mara rat artiklu fil-​gazzetta dwar wirja storika f’Lörrach. L-​artiklu ddeskriva l-​istorja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova matul is-​snin tan-​Nazi, inkluż il-​familja tagħna. Fih kien hemm ritratti tiegħi meta kont żgħira. Meta rat ix-​xebh, il-​mara kkuntattjat lill-​ġurnalista u qaltilha dwar l-​ittri—42 waħda b’kollox! Ftit ġimgħat wara, kienu f’idejja. Dawn kienu miktubin mill-​ġenituri tiegħi stess li kienu dejjem jistaqsu liz-​zija dwari. L-​imħabba tagħhom għalija qatt ma battiet. Hija ħaġa taʼ l-​għaġeb li dawn l-​ittri baqgħu jeżistu u tfaċċaw mill-​ġdid wara iktar minn 60 sena!

[Stampi f’paġna 25]

Il-​familja tagħna tant ferħana ġiet mifruda meta Hitler telaʼ fil-​poter

[Sors]

Hitler: U.S. Army photo

[Stampi f’paġna 26]

1. L-​uffiċċju taʼ Magdeburg

2. Il-​Gestapo arresta lil eluf taʼ Xhieda

[Stampa f’paġna 28]

Jien u Jim sibna ferħ kbir fis-​servizz tagħna tas-​Saltna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja