LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 9/1 pp. 24-28
  • Tgħallimt Nistrieħ fuq Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallimt Nistrieħ fuq Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Bidu taʼ Provi Ħorox
  • Il-​Kwistjoni taʼ Kompromess
  • Tiżdied il-​Persekuzzjoni
  • Ħaduna lejn il-​Lvant —Imbagħad Ħrabna
  • Libertà imma Iktar Traġedji
  • Il-​libertà sa fl-​Aħħar!
  • Minkejja l-Provi, it-Tama Tiegħi Baqgħet Qawwija
    Stenbaħ!—2002
  • Ħadna Deċiżjoni Soda Favur il-Ħakma t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Inżomm Sħiħ Bħala Suldat taʼ Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 9/1 pp. 24-28

Tgħallimt Nistrieħ fuq Jehovah

KIF IRRAKKONTAT MINN JÀN KORPA-ONDO

Kienet is-​sena 1942, u jien kont qed niġi mgħasses minn suldati Ungeriżi qrib Kursk, ir-​Russja. Konna priġunieri tat-​tliet potenzi, dawk tal-​Ġermanja, taʼ l-​Italja u tal-​Ġappun, li kienu qegħdin f’battalja mar-​Russi matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Il-​qabar tiegħi kien diġà mħaffer, u kelli għaxar minuti ċans biex niddeċiedi jekk niffirmax dokument li kien jgħid li jien ma kontx għadni wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Qabel ma nirrakkonta x’ġara wara, ħa ngħidilkom kif sibt ruħi f’dak il-​post.

JIEN twelidt fl-​1904 fir-​raħal żgħir taʼ Zahor, li issa jagħmel parti mis-​Slovakkja tal-​Lvant. Wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, Zahor sar parti mill-​pajjiż il-​ġdid taċ-​Ċekoslovakkja. Ir-​raħal tagħna kien fih madwar 200 dar u żewġ knejjes, waħda Griega Kattolika u l-​oħra Kalvinista.

Avolja kont nattendi l-​knisja Kalvinista, kont ngħix ħajja mingħajr ebda rażna morali. Mhux ’il bogħod minni kien jgħix wieħed raġel li kien differenti ħafna minni. Jum wieħed qabad konversazzjoni miegħi u sellifni Bibbja. Kienet l-​ewwel darba li qbadt dak il-​ktieb b’idi. Sadanittant, fl-​1926, iżżewwiġt lil Barbora, u f’qasir żmien kellna żewġt itfal, Barbora u Ján.

Bdejt naqra l-​Bibbja, imma kien hemm ħafna affarijiet li ma stajtx nifhimhom. Għalhekk, mort għand il-​kappillan tiegħi u tlabtu jgħinni. “Il-​Bibbja hija għan-​nies li għandhom edukazzjoni għolja,” qalli, “lanqas biss għandek tipprova tifhimha.” Imbagħad stedinni biex nilgħab logħba karti miegħu.

Wara mort għand dak ir-​raġel li kien sellifni l-​Bibbja. Hu kien Student tal-​Bibbja, kif kienu jissejħu dak iż-​żmien ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Kien ferħan li setaʼ jgħinni, u wara ftit taż-​żmien għajnejja bdew jinfetħu. Waqqaft ix-​xorb eċċessiv u bdejt ngħix ħajja nadifa; saħansitra bdejt nitkellem m’oħrajn dwar Jehovah. Il-​verità tal-​Bibbja għamlet l-​għeruq f’Zahor fil-​bidu tas-​snin 20, u malajr ġie stabbilit grupp attiv taʼ Studenti tal-​Bibbja.

Minkejja dan, kien hemm oppożizzjoni reliġjuża ħarxa. Il-​qassis tar-​raħal dawwar il-​biċċa l-​kbira tal-​familja tiegħi kontrija, billi sostna li bdejt niġġennen. Imma jien beda jkolli skop f’ħajti, u kont riżolut fid-​deċiżjoni tiegħi li naqdi lil veru Alla, Jehovah. B’hekk, fl-​1930, issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah u tgħammidt.

Il-​Bidu taʼ Provi Ħorox

Fl-​1938, ir-​reġjun tagħna ġie taħt il-​ħakma taʼ l-​Ungerija, li żammet mal-​Ġermanja matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Sa dak iż-​żmien kellna madwar 50 Xhud fir-​raħal tagħna taʼ inqas minn elf ruħ. Komplejna nippridkaw avolja konna qed inpoġġu l-​ħajja u l-​libertà tagħna fil-​periklu.

Fl-1940, sejħuli biex nidħol fl-​armata Ungeriża. X’kont se nagħmel? Sewwa, jien kont qrajthom il-​profeziji tal-​Bibbja dwar in-​nies li jbiddlu l-​armi tagħhom tal-​gwerra f’għodod tal-​paċi, u kont naf li, maż-​żmien, Alla kien se jneħħi l-​gwerer kollha minn fuq l-​art. (Salm 46:10 [Salm 46:9, NW]; Isaija 2:4) B’hekk, sirt nobgħodhom il-​gwerer, u ddeċidejt li ma nidħolx fl-​armata, jiġri x’jiġri.

Ġejt ikkundannat għal 14-il xahar ħabs u dawn qattajthom f’Pécs, l-​Ungerija. Kien hemm ħames Xhieda oħrajn fl-​istess ħabs, u apprezzajna l-​fatt li stajna nassoċjaw flimkien. Għal xi żmien, madankollu, qafluni f’ċella għalija waħdi bil-​ktajjen maʼ saqajja. Meta konna nirrifjutaw li nagħmlu xogħol f’konnessjoni mal-​gwerra, konna niġu msawtin. Ukoll, ġejna sforzati biex noqogħdu dritti bil-​wieqfa l-​ġurnata kollha, minbarra sagħtejn f’nofsinhar. Din il-​prova damet sejra għal xhur sħaħ. Madankollu, konna ferħanin għax kellna kuxjenza nadifa quddiem Alla tagħna.

Il-​Kwistjoni taʼ Kompromess

Jum wieħed ġie grupp taʼ 15-il qassis Kattoliku biex jipprovaw jikkonvinċuna kemm kien importanti li nagħtu sehemna fil-​gwerra billi nidħlu fl-​armata. Waqt id-​diskussjoni għednielhom: “Jekk tagħtuna prova mill-​Bibbja li r-​ruħ hija immortali u li jekk immutu fil-​gwerra se mmorru l-​ġenna, aħna nidħlu fl-​armata.” M’għandniex xi ngħidu, dan ma setgħux jagħmluh, u ma ridux ikomplu bid-​diskussjoni.

Fl-1941 għadda ż-​żmien tas-​sentenza tiegħi, u kont qed inħares ’il quddiem biex nerġaʼ ningħaqad mal-​familja tiegħi. Minflok, ħaduni marbut bil-​ktajjen f’bażi militari f’Sárospatak, l-​Ungerija. Meta wasalna, ġejt offrut opportunità biex jeħilsuni. “Kulma għandek tagħmel,” qaluli, “hu li tiffirma din il-​wegħda li se tħallas 200 pengö meta tasal id-​dar.”

“Kif jistaʼ jkun?” staqsejthom. “Għalxiex triduhom il-​flus?”

“Talli tħallas dawn il-​flus,” qaluli, “int se tirċievi ċertifikat li m’għaddejtx mit-​test mediku taʼ l-​armata.”

Issa kelli deċiżjoni diffiċli quddiemi. Għal iktar minn sena, kont sofrejt trattament kiefer; u kont qed negħja. Issa, jekk naqbel li nħallas ftit flus, kont nistaʼ ninħeles. “Ħa naħsibha ftit,” għedt minn taħt l-​ilsien.

X’deċiżjoni kont se nieħu? Kont qed naħseb dwar marti u wliedi. Sewwa, f’dak il-​perijodu rċevejt ittra mingħand ħu Kristjan li kienet inkuraġġanti. Hu kkwota Lhud 10:38, fejn l-​appostlu Pawlu jikkwota l-​kliem taʼ Jehovah: “‘Il-​bniedem ġust tiegħi jgħix bil-​fidi; imma jekk jerġaʼ lura jien ma nitgħaxxaqx bih.’” Ftit wara, fil-​kwartieri kellmuni żewġ uffiċjali Ungeriżi, u wieħed minnhom qalli: “Għadek lanqas taf kemm nirrispettawk talli qed iżżomm tant sod mal-​prinċipji tal-​Bibbja! Taqtax qalbek!”

L-għada mort għand dawk li offrewli l-​libertà tiegħi għal 200 pengö u għedtilhom: “Ladarba Jehovah ppermetta li neħel il-​ħabs, hu se jieħu ħsieb ukoll li jeħlisni. M’iniex se nħallas biex ninħeles.” Għalhekk, ġejt ikkundannat għal għaxar snin ħabs. Imma dak ma kienx l-​aħħar attentat biex iġagħluni nagħmel xi kompromess. Il-​qorti offriet li taħfirli jekk naqbel li naqdi fl-​armata għal xahrejn biss, u lanqas biss kelli bżonn inġorr arma fuqi! Jien irrifjutajt dik l-​offerta wkoll, u beda ż-​żmien tiegħi fil-​ħabs.

Tiżdied il-​Persekuzzjoni

Reġgħu ħaduni fil-​ħabs taʼ Pécs. Din id-​darba t-​tortura kienet saħansitra iktar ħarxa. Rabtuli jdejja wara dahri, u ħallewni mdendel minnhom għal madwar sagħtejn. B’riżultat taʼ dan, spallejja t-​tnejn ġew żlogati. Din it-​tortura ġiet irripetuta għal perijodu taʼ madwar sitt xhur. Nistaʼ nirringrazzja biss lil Jehovah li ma qtajtx qalbi.

Fl-1942 grupp minna​—priġunieri politiċi, Lhud, u 26 Xhud taʼ Jehovah—itteħidna lejn il-​belt taʼ Kursk f’parti okkupata mit-​truppi Ġermaniżi. Tawna f’idejn il-​Ġermaniżi, u dawn qabbdu lill-​priġunieri jġorru l-​ikel, l-​armi, u l-​ħwejjeġ lis-​suldati fuq il-​fruntiera. Aħna x-​Xhieda rrifjutajnieh dan ix-​xogħol minħabba li kien imur kontra n-​newtralità Kristjana tagħna. B’riżultat taʼ dan, ġejna meħudin lura għand l-​Ungeriżi.

Eventwalment, tefgħuna fil-​ħabs lokali taʼ Kursk. Kienu jsawtuna tliet darbiet kuljum b’lembubi tal-​lakstu għal diversi ġranet. Lili tawni daqqa fuq ngħasi u waqajt maʼ l-​art. Hekk kif kont qed niġi msawwat, ħsibt, ‘Il-​mewt m’hijiex daqshekk diffiċli.’ Ġismi kien donnu raqadli għalkollox, u għalhekk ma stajt inħoss xejn. Għal tlett ijiem sħaħ ma tawna assolutament xejn x’nieklu. Imbagħad ħaduna l-​qorti, u sitta minna ġew ikkundannati għall-​mewt. Meta esegwew il-​kundanna, kien għad baqaʼ 20 minna.

Il-provi tal-​fidi li esperjenzajt matul dawk il-​jiem f’Kursk f’Ottubru taʼ l-​1942 kienu l-​agħar li qatt iffaċċjajt. Is-​sentimenti tagħna esprimiehom tajjeb is-​Sultan Ġosafat tal-​qedem meta l-​poplu tiegħu ffaċċja ċirkustanzi impossibbli: “Għax aħna ma għandniex saħħa quddiem din il-​kotra hekk kbira li ġejja kontra tagħna, u aħna ma nafux x’għandna nagħmlu; imma għajnejna huma fik!”—2 Kronaki 20:12.

L-għoxrin li konna tteħidna barra biex inħaffru l-​qabar tagħna, u konna qed niġu mgħassin minn 18-il suldat Ungeriż. Meta spiċċajna nħaffru, qalulna li kellna għaxar minuti ċans biex niffirmaw dokument, li parti minnu kien jgħid: “It-​tagħlim tax-​Xhieda taʼ Jehovah huwa ħażin. Jien mhux se nibqaʼ nemmen fih jew nappoġġah. Jien se niġġieled għal pajjiżi, l-​Ungerija . . . Bil-​firma tiegħi jien nikkonferma li se ningħaqad mal-​Knisja Kattolika Rumana.”

Wara l-​għaxar minuti ġiet l-​ordni: “Duru lejn il-​lemin! Immarċjaw lejn il-​qabar!” Imbagħad, il-​kmand: “L-​ewwel u t-​tielet, inżlu fil-​ħofra!” Dawn it-​tnejn reġgħu ngħatawlhom għaxar minuti oħra biex jiddeċiedu jekk jiffirmawx id-​dokument. Wieħed mis-​suldati talabhom: “Iċħdu l-​fidi tagħkom u oħorġu mill-​qabar!” Ħadd minnhom ma lissen kelma. Imbagħad l-​uffiċjal inkarigat sparalhom it-​tnejn.

“X’se nagħmlu bl-​oħrajn?” staqsa wieħed mis-​suldati lill-​uffiċjal inkarigat.

“Orbothom,” wieġbu. “Issa nittorturawhom ftit ieħor u nisparawlhom għada fis-​sitta taʼ fil-​għodu.”

F’daqqa waħda tgħidx kemm bżajt, mhux għax kont se mmut, imma li ma nkunx kapaċi nissaporti t-​tortura u nagħmel xi kompromess. Għalhekk, imxejt pass ’il quddiem u għedt: “Sinjur, aħna nqasna l-​istess bħal ħutna li għadek kif sparajtilhom. Għax ma tisparax għalina wkoll?”

Imma m’għamlux hekk. Rabtuna b’idejna wara daharna. Imbagħad dendluna minn idejna. Meta konna nintilfu minn sensina, kienu jitfgħulna l-​ilma. L-​uġigħ kien terribbli għax il-​piż taʼ ġisimna żlogalna spallejna. Din it-​tortura damet sejra għal madwar tliet sigħat. Imbagħad, f’daqqa waħda, ġiet ordni biex ma jisparawlhomx iktar lix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Ħaduna lejn il-​Lvant —Imbagħad Ħrabna

Tliet ġimgħat wara mmarċjajna għal ftit ġranet sakemm wasalna ħdejn ix-​xatt tax-​Xmara Don. Dawk inkarigati qalulna li mhux se jiħduna lura ħajjin. Matul il-​ġurnata, kienu jagħtuna xogħol bla ebda skop, dak li nħaffru gandotti u nerġgħu nimlewhom. Fil-​għaxija, kellna daqsxejn tal-​libertà biex induru xi ftit.

Minn kif stajt naraha jien, kien hemm żewġ possibbiltajiet. Jew immutu hemmhekk, jew naħarbu mill-​Ġermaniżi u nagħtu ruħna f’idejn ir-​Russi. Tlieta minna biss iddeċidejna li nipprovaw naħarbu billi naqsmu x-​Xmara Don li kienet iffriżata. Fit-​12 taʼ Diċembru, 1942, tlabna lil Jehovah u tlaqna. Wasalna fuq il-​fruntiera Russa u immedjatament ġejna mitfugħin ġo kamp tal-​ħabs maʼ madwar 35,000 priġunier. Sar-​rebbiegħa, baqgħu ħajjin madwar 2,300 priġunier biss. Il-​kumplament mietu bil-​ġuħ.

Libertà imma Iktar Traġedji

Salvajt mill-​kumplament tal-​gwerra, inkluż ix-​xhur taʼ wara li spiċċat, bħala priġunier Russu. Fl-​aħħar, f’Novembru taʼ l-​1945, irnexxieli mmur lura d-​dar f’Zahor. Ir-​razzett tagħna kien fi stat ħażin, u għalhekk kelli nerġaʼ nibda mill-​bidu. Marti u wliedi ħadmu fir-​razzett matul il-​gwerra, imma f’Ottubru taʼ l-​1944, malli ġew ir-​Russi, ittieħdu lejn il-​Lvant. Kienu serqulna kulma kellna.

Agħar minn hekk, meta rritornajt id-​dar, marti kienet marida ħafna. Fi Frar taʼ l-​1946, mietet. Kellha biss 38 sena. Kellna verament ftit żmien biex ingawdu lil xulxin mill-​ġdid wara iktar minn ħames snin twal u diffiċli taʼ separazzjoni.

Sibt il-​faraġ fost ħuti spiritwali, billi kont nattendi għal-​laqgħat u nieħu sehem fil-​ministeru minn dar għal dar. Fl-​1947, irnexxieli nissellef ftit flus biex nivvjaġġa lejn Brno, vjaġġ taʼ madwar 400 kilometru, biex nattendi konvenzjoni. Hemmhekk fost ħuti Kristjani, inkluż Nathan H. Knorr, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society, ksibt tant faraġ u inkuraġġiment.

Ma tantx gawdejnieha għal żmien twil il-​libertà tagħna taʼ wara l-​gwerra. Fl-​1948, il-​Komunisti bdew jaħqruna. Fl-​1952, ħafna mill-​aħwa rġiel li kienu qed imexxu x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah fiċ-​Ċekoslovakkja ġew arrestati, u jien ġejt fdat bir-​responsabbiltà taʼ li nieħu ħsieb il-​kongregazzjonijiet. Fl-​1954, jien ukoll ġejt arrestat, u ġejt ikkundannat għal erbaʼ snin ħabs. Ibni, Ján, u ibnu Juraj ukoll ġew mitfugħin il-​ħabs minħabba li żammew in-​newtralità Kristjana tagħhom. Qattajt sentejn fl-​istat penitenzjali taʼ Pankrác ġewwa Praga. Fl-​1956, ġiet iddikjarata amnestija u ġejt meħlus.

Il-​libertà sa fl-​Aħħar!

Fl-​aħħar, fl-​1989, il-​Komuniżmu ma baqax jiddomina fiċ-​Ċekoslovakkja, u x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġie rreġistrat legalment. B’hekk, kellna l-​libertà li niltaqgħu flimkien u nippridkaw fil-​beraħ. Sa dak iż-​żmien f’Zahor kien hemm mal-​mitt Xhud, u dan kien ifisser li madwar 1 minn kull 10 fir-​raħal kien Xhud. Ftit tas-​snin ilu, bnejna Sala tas-​Saltna spazjuża u sabiħa f’Zahor, li tesaʼ madwar 200 ruħ.

Saħħti ma tantx għadha tajba, u għalhekk l-​aħwa jwassluni s-​Sala tas-​Saltna. Nieħu gost immur u nieħu pjaċir nikkummenta fl-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa. Jien speċjalment ferħan li nara rappreżentanti minn tliet ġenerazzjonijiet mill-​familja tiegħi jaqdu lil Jehovah, inkluż diversi neputijiet. Wieħed minn dawn kien jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fiċ-​Ċekoslovakkja sakemm ma setax jibqaʼ f’dak l-​inkarigu minħabba r-​responsabbiltajiet tal-​familja tiegħu.

Kemm jien grat lejn Jehovah talli saħħaħni matul il-​ħafna żminijiet taʼ provi tiegħi. Dak li sostnieni kien li żammejt l-​attenzjoni ffokata fuqu​—‘daqs kemm kieku kont qiegħed nara lil Alla li ma jidhirx.’ (Lhud 11:27) Iva, ħassejt l-​id setgħana tiegħu li ħelsitni. Għalhekk, saħansitra issa, inkompli nipprova li nkun preżenti għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u nieħu sehem f’li niddikjara lil ismu fil-​ministeru pubbliku sakemm inkun niflaħ.

[Stampa f’paġna 25]

Is-​Sala tas-​Saltna f’Zahor

[Stampa f’paġna 26]

Napprezza l-​privileġġ li nikkummenta fl-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja