LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 11/1 pp. 24-28
  • Ħadna Deċiżjoni Soda Favur il-Ħakma t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħadna Deċiżjoni Soda Favur il-Ħakma t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Inħossu l-​Effetti taʼ Wġigħ tal-​Gwerra
  • Il-​Ħakma t’Alla Ssir Reali Għalina
  • Il-​Ministeru Jsir Parti minn Ħajjitna
  • In-​Newtralità Kristjana Tagħna Tgħaddi minn Prova
  • Nieħdu l-​Inkuraġġiment Meħtieġ
  • “Għedewwa taʼ l-​Istat”
  • Ix-​Xjuħija Ma Waqqfitnix
  • Tgħallimt Nistrieħ fuq Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Kif il-Ħolma Tiegħi Saret Realtà
    Stenbaħ!—2002
  • Minkejja l-Provi, it-Tama Tiegħi Baqgħet Qawwija
    Stenbaħ!—2002
  • Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 11/1 pp. 24-28

Bijografija

Ħadna Deċiżjoni Soda Favur il-​Ħakma t’Alla

KIF RAKKONTATA MINN MICHAL ŽOBRÁK

Wara xahar maqful f’ċella għalija waħdi, kaxkruni ’l barra biex niġi interrogat. F’kemm ilni ngħid, dak li kien qed jinterrogani sar aħmar nar u beda jgħajjat: “Intom spiji! Spiji Amerikani!” X’ġagħlu jirrabja daqshekk? Kien għadu kemm staqsieni x’kienet ir-​reliġjon tiegħi, u jien weġibtu: “Jien wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.”

DAN ġara ’l fuq minn 50 sena ilu. F’dak iż-​żmien, il-​pajjiż fejn kont noqgħod kien taħt il-​ħakma Komunista. Madankollu, ħafna qabel ma ġara dan konna diġà esperjenzajna oppożizzjoni taħraq għax-​xogħol Kristjan edukattiv tagħna.

Inħossu l-​Effetti taʼ Wġigħ tal-​Gwerra

Meta bdiet l-​ewwel gwerra dinjija fl-​1914, kelli tmien snin. Dak iż-​żmien, il-​villaġġ tiegħi, Zálužice, kien taħt il-​ħakma tal-​monarkija taʼ l-​Imperu Awstro-Ungeriż. Il-​gwerra mhux biss qalbet id-​dinja taʼ taħt fuq imma wkoll temmitli tfuliti ħabta u sabta. Missieri, li kien suldat, miet f’dik l-​ewwel sena stess tal-​gwerra. B’hekk, jien, ommi, u ż-​żewġ ħuti bniet iżgħar minni spiċċajna f’għaks kbir. Billi kont it-​tifel il-​kbir, malajr kelli nerfaʼ ħafna responsabbiltajiet mhux biss fir-​razzett żgħir tagħna imma wkoll fid-​dar. Sa minn età żgħira kont reliġjuż ħafna. Il-​ministru tal-​Knisja Riformata (Kalvinista) tagħna saħansitra qalli biex meta ma jkunx hemm hu nieħu postu u ngħallem lil sħabi taʼ l-​iskola minfloku.

Fl-​1918 intemmet il-​Gwerra l-​Kbira u stajna nieħdu r-​ruħ. L-​Imperu Awstro-Ungeriż kien waqaʼ u aħna sirna ċ-​ċittadini tar-​Repubblika taċ-​Ċekoslovakkja. Ftit wara, ħafna minn dawk li kienu emigraw lejn l-​Istati Uniti reġgħu ġew lura. Fosthom kien hemm Michal Petrík, li rritorna fir-​raħal tagħna fl-​1922. Meta żar lil waħda mill-​familji fl-​inħawi tagħna, jien u ommi konna mistidnin ukoll.

Il-​Ħakma t’Alla Ssir Reali Għalina

Michal kien Student tal-​Bibbja, bħalma kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien, u hu tkellem dwar suġġetti Bibliċi importanti li interessawni ħafna. L-​iktar suġġett li spikka fosthom kien il-​miġja tas-​Saltna taʼ Ġeħova. (Danjel 2:44) Meta qal li l-​Ħadd taʼ wara kien se jkun hemm laqgħa Kristjana fir-​raħal taʼ Záhor, kont determinat li mmur. Qomt fl–4:00 a.m. u mxejt madwar tmien kilometri s’għand kuġinuwi biex niddobba rota. Wara li sewwejt tajer li kien imniżżel, ivvjaġġajt 24 kilometru ieħor lejn Záhor. Ma kontx naf fejn kienet se ssir il-​laqgħa; għalhekk, qbadt triq u bdejt insuq bil-​mod. Imbagħad għaraft il-​kant t’għanja tas-​Saltna ġej minn waħda mid-​djar. Ħassejtni se ntir bil-​ferħ. Dħalt fid-​dar u spjegajt għala kont qiegħed hemmhekk. Il-​familja stidnitni ningħaqad magħha għall-​kolazzjon, u mbagħad mort magħhom il-​laqgħa. Għalkemm kelli 32 kilometru oħra xi nsuq u nimxi biex nerġaʼ lura d-​dar, xejn ma ħassejtni għajjien.—Isaija 40:31.

Bqajt affaxxinat bl-​ispjegazzjonijiet ċari u bbażati fuq il-​Bibbja li taw ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​prospett li ngawdi ħajja mimlija u sodisfaċenti taħt il-​ħakma t’Alla messli qalbi. (Salm 104:28) Kemm jien u kemm ommi ddeċidejna li nibagħtu ittra taʼ riżenja lill-​knisja tagħna. Dan qanqal għagħa sħiħa fir-​raħal tagħna. Kien hemm żmien meta xi wħud lanqas biss riedu jkellmuna, imma aħna kellna sħubija tajba mal-​ħafna Xhieda li kien hemm fl-​akkwati tagħna. (Mattew 5:11, 12) Ftit wara dan kollu, tgħammidt fix-​Xmara Uh.

Il-​Ministeru Jsir Parti minn Ħajjitna

Konna nieħdu kull opportunità biex nippridkaw dwar is-​Saltna taʼ Ġeħova. (Mattew 24:14) B’mod partikulari, konna nikkonċentraw fuq il-​kampanji taʼ l-​ippridkar organizzati sew li kienu jsiru nhar taʼ Ħadd. Lura f’dak iż-​żmien, il-​biċċa l-​kbira min-​nies kienu jħobbu jbakkru. Għaldaqstant, stajna nibdew nippridkaw kmieni. Iktar tard fil-​ġurnata, kien ikun hemm pjanata laqgħa pubblika. Ġeneralment, dawk li kienu jgħallmu minn fuq il-​Bibbja ma kinux iħejju x’se jgħidu kelma b’kelma, imma kienu jitkellmu b’mod spontanju. Kienu jaraw kemm ikun hemm nies interessati u jaddattaw skond l-​isfond reliġjuż tagħhom u s-​suġġetti li kienu jolqtuhom.

Il-​veritajiet Bibliċi li konna nippridkaw fetħu l-​għajnejn taʼ ħafna nies sinċieri. Ftit wara li tgħammidt, mort nippriedka fir-​raħal taʼ Trhovište. F’dar minnhom, tkellimt maʼ mara li kienet tassew dħulija u qalbha tajba, is-​Sinjura Zuzana Moskal. Hi u l-​familja tagħha kienu Kalvinisti, bħalma kont jien. Minkejja li kienet familjari mal-​Bibbja, hi kellha ħafna mistoqsijiet fuq il-​Bibbja li ma kellhiex tweġiba għalihom. Qattajna siegħa niddiskutu, u ħallejtilha l-​ktieb The Harp of God.a

Il-​familja Moskal mill-​ewwel inkludiet il-​qari taʼ dan il-​ktieb mal-​qari regulari tagħha tal-​Bibbja. Kien hemm iktar familji f’dak ir-​raħal li wrew interess u bdew jattendu l-​laqgħat tagħna. Il-​ministru Kalvinista tagħhom ħareġ twissija qawwija kontrina u kontra l-​letteratura tagħna. Imbagħad, xi wħud minn dawk li wrew interess issuġġerew lill-​ministru biex jiġi għal-​laqgħa tagħna u, f’dibattitu pubbliku, juri ċar li dak li konna qed ngħallmu ma kienx minnu.

Il-ministru ġie, imma ma kienx kapaċi jagħti prova waħda mill-​Bibbja biex jappoġġa t-​tagħlim tiegħu. Sabiex jiddefendi ruħu qal: “Ma nistgħux nemmnu kulma hemm fil-​Bibbja. Dik inkitbet min-​nies, u l-​mistoqsijiet reliġjużi jistgħu jiġu spjegati b’modi differenti.” Għal ħafna, dan kien dak li kienu qed jistennew. Xi wħud qalu lill-​ministru li jekk ma kienx jemmen fil-​Bibbja, ma kinux se jmorru iktar jisimgħu l-​priedki tiegħu. B’hekk, qatgħu kull rabta li kellhom mal-​Knisja Kalvinista, u madwar 30 ruħ minn dak ir-​raħal ħadu waqfa soda favur il-​verità tal-​Bibbja.

L-ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna sar parti minn ħajjitna. Għal din ir-​raġuni, bdejt infittex biex niżżewweġ sieħba minn familja b’saħħitha spiritwalment. Wieħed minn sħabi fil-​ministeru kien Ján Petruška, li kien tgħallem il-​verità fl-​Istati Uniti. Bintu, Mária, impressjonatni bil-​ħeġġa li kellha biex tagħti xiehda lil kulħadd, eżatt bħal missierha. Iżżewwiġna fl-​1936, u Mária kienet is-​sieħba leali tiegħi għal 50 sena sakemm mietet fl-​1986. Fl-​1938 twildilna l-​uniku tifel li kellna, Eduard. Imma f’dawk il-​jiem, feġġet gwerra oħra fl-​Ewropa. Kif kienet se teffettwa x-​xogħol tagħna?

In-​Newtralità Kristjana Tagħna Tgħaddi minn Prova

Meta faqqgħet it-​tieni gwerra dinjija, is-​Slovakkja, li kienet saret pajjiż għaliha, kienet taħt il-​ħakma tan-​Nazi. Madankollu, ma ttieħdet ebda azzjoni speċifika mill-​gvern kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova bħala organizzazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, kellna naħdmu bil-​moħbi u l-​letteratura tagħna kienet ċensurata. Minkejja dan, komplejna bl-​attivitajiet tagħna bil-​prudenza.—Mattew 10:16.

Hekk kif il-​gwerra kompliet tiħrax inqbadt bil-​lieva, għalkemm kont qbiżt il-​35 sena. Minħabba n-​newtralità Kristjana tiegħi, irrifjutajt li nieħu sehem fil-​gwerra. (Isaija 2:2-4) B’ferħ, sakemm l-​awtoritajiet iddeċidew x’jagħmlu bija, dawk kollha taʼ l-​età tiegħi nħelsu.

Aħna rrealizzajna li għal ħutna li kienu joqogħdu fil-​bliet kien ferm iktar diffiċli li jiksbu n-​neċessitajiet tal-​ħajja milli għalina li konna noqogħdu fil-​kampanja. Ridna naqsmu magħhom dak li kellna. (2 Korintin 8:14) Għalhekk, konna naqbdu kemm nifilħu nġorru prodotti taʼ l-​ikel u nivvjaġġaw 500 kilometru lejn Bratislava, in-​naħa l-​oħra tal-​pajjiż. Ir-​rabtiet taʼ ħbiberija u mħabba Kristjana li għamilna f’dawk is-​snin tal-​gwerra sostnewna fis-​snin ebsin taʼ wara.

Nieħdu l-​Inkuraġġiment Meħtieġ

Wara t-​tieni gwerra dinjija, is-​Slovakkja reġgħet saret parti miċ-​Ċekoslovakkja. Mill-​1946 sa l-​1948 ġew organizzati konvenzjonijiet nazzjonali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, daqqa fi Brno u daqqa fi Praga. Aħna li konna mil-​lvant tas-​Slovakkja vvjaġġajna b’ferroviji speċjali li kienu rranġati apposta għad-​delegati tal-​konvenzjoni. Wieħed setaʼ jsejħilhom il-​ferroviji li jkantaw, għax konna nkantaw tul it-​triq kollha.—Atti 16:25.

B’mod partikulari niftakar il-​konvenzjoni li saret fl-​1947 fi Brno, fejn kienu attendew tliet indokraturi Kristjani mill-​kwartieri ġenerali, fosthom Ħuna Nathan H. Knorr. Sabiex nirreklamaw it-​taħdita pubblika, ħafna minna qgħadna nduru l-​belt lebsin kartelluni kbar li kienu jipproklamaw it-​tema. It-​tifel tagħna, Eduard, li dak iż-​żmien kellu biss disaʼ snin, għamel geddum sa l-​art għax ma kienx ngħata kartellun x’jilbes. Għaldaqstant, l-​aħwa għamlu kartelluni żgħar mhux biss għalih imma wkoll għal ħafna tfal oħra. Dawn it-​tfal għamlu biċċa xogħol mill-​aqwa biex jirreklamaw it-​taħdita!

Fi Frar taʼ l-​1948, il-​Komunisti ħadu t-​tmexxija tal-​pajjiż taħt idejhom. Konna nafu li fi ftit żmien il-​gvern kien se jieħu passi biex iwaqqaf il-​ministeru tagħna. F’Settembru taʼ l-​1948, saret konvenzjoni fi Praga u lkoll konna ferħanin, għalkemm fl-​istess ħin imdejqin ukoll għax konna qed nistennew li l-​laqgħat pubbliċi tagħna jiġu projbiti għal darb’oħra, wara li konna ilna biss tliet snin niltaqgħu fil-​libertà. Qabel ma tlaqna mill-​konvenzjoni, għamilna riżoluzzjoni li parti minnha kienet tgħid: “Aħna, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova, li ltqajna flimkien . . . , determinati li nkomplu nkabbru dejjem iżjed dan is-​servizz taʼ ferħ, u li, bil-​grazzja tal-​Mulej, inkomplu fih kemm fi żmien favorevoli u kemm fi żmien taʼ inkwiet, u nkomplu nxandru l-​evanġelju tas-​saltna t’Alla b’żelu akbar.”

“Għedewwa taʼ l-​Istat”

Xahrejn biss wara l-​konvenzjoni fi Praga, il-​pulizija sigrieta daħlu għal għarrieda fid-​dar taʼ Betel viċin Praga. Huma ħatfu l-​proprjetà taħt idejhom, ikkonfiskaw il-​letteratura kollha li sabu, u arrestaw lil dawk kollha li kienu jaħdmu f’Betel u lil xi aħwa oħrajn. Imma l-​kbir kien għadu ġej.

Fil-​lejl taʼ bejn it-​3 u l-​4 taʼ Frar, 1952, il-​qawwiet tas-​sigurtà fittxew mal-​pajjiż kollu u arrestaw lil iktar minn 100 Xhud. Jien kont wieħed minnhom. Madwar it-​tlieta taʼ fil-​għodu, il-​pulizija qajmu lill-​familja tiegħi kollha. Mingħajr ebda spjegazzjoni, qaluli biex immur magħhom. Rabtuni, għattewli għajnejja, u għabbewni fil-​kaxxa taʼ trakk flimkien maʼ diversi wħud oħrajn. Imbagħad qafluni għalija waħdi.

Għadda xahar sħiħ mingħajr ma kellimni ħadd. L-​unika persuna li rajt kien l-​għassies li kien jimbottali daqsxejn taʼ ikla miżera minn ġo fetħa fil-​bieb. Imbagħad, ġejt imsejjaħ quddiem dak li kellu jinterrogani li semmejt fil-​bidu. Wara li għajjarni spija, kompla: “Ir-​reliġjon hija injoranza. Alla ma jeżistix! Ma nistgħux inħalluk tqarraq bil-​klassi tal-​ħaddiema tagħna. Jew se tispiċċa mgħallaq mill-​bojja jew inkella tqattaʼ għomrok il-​ħabs. U kieku kellu jiġi Alla tiegħek, noqtlu lilu wkoll!”

L-awtoritajiet kienu jafu li ma kien hemm ebda liġi li kienet tipprojbixxi l-​attivitajiet Kristjani tagħna. Għaldaqstant, riedu jispjegaw l-​attivitajiet tagħna b’tali mod li jidhru li qed jiksru l-​liġijiet eżistenti u jpinġuna bħala “għedewwa taʼ l-​Istat” u spiji barranin. Sabiex jagħmlu dan, riedu jkissru d-​determinazzjoni qawwija tagħna u jġagħluna “nammettu” akkużi foloz. Dak il-​lejl, wara li ġejt interrogat, ma ħallewnix norqod. F’temp taʼ ftit sigħat reġgħu interrogawni mill-​ġdid. Din id-​darba, min interrogani riedni niffirma stqarrija li kienet tgħid: “Bħala għadu tal-​Poplu Demokratiku taċ-​Ċekoslovakkja jien ma ngħaqadtx maʼ l-​[intrapriża kollettiva] għax kont qed nistenna lill-​Amerikani.” Meta rrifjutajt li niffirma gidba bħal din, bagħtuni f’ċella korrettiva.

Hemmhekk la ħallewni norqod, la nimtedd maʼ l-​art, u lanqas saħansitra noqgħod bil-​qiegħda. Stajt biss noqgħod bil-​wieqfa jew indur mal-​kamra. Meta ma flaħtx inżomm iktar fuq saqajja, intfajt fl-​art tal-​konkos. Imbagħad, ġew l-​għassiesa u reġgħu ħaduni fl-​uffiċċju taʼ l-​interrogazzjoni. “Se tiffirma issa?” staqsieni dak li interrogani. Meta rġajt irrifjutajt, fajjarli daqqa taʼ ħarta u beda ħiereġ id-​demm. Imbagħad dar igemgem fuq l-​għassiesa: “Dan irid joqtol lilu nnifsu. Araw li ma jagħmilx suwiċidju!” U reġgħu bagħtuni f’ċella għalija waħdi. F’sitt xhur, dawn il-​metodi taʼ interrogazzjoni ġew ripetuti diversi drabi. L-​ebda persważjoni ideoloġika jew attentati biex iġagħluni nirrikonoxxi li jien kont għadu taʼ l-​Istat ma naqqsuli d-​determinazzjoni tiegħi li nibqaʼ nżomm l-​integrità lejn Ġeħova.

Xi xahar qabel ma kien imissni nidher quddiem il-​qorti, ġie prosekutur minn Praga u interroga lil kull wieħed mit-​12-il Xhud li konna. Lili staqsieni: “X’tagħmel jekk l-​imperjalisti tal-​Punent jattakkaw lil pajjiżna?” “L-​istess bħalma għamilt meta dan il-​pajjiż attakka l-​Unjoni Sovjetika flimkien maʼ Hitler. La ġġilidt f’dak iż-​żmien u lanqas ma jien se niġġieled issa, għax jien Kristjan u newtrali.” Imbagħad qalli: “Aħna ma naċċettawhomx lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għandna bżonn is-​suldati f’każ t’attakk mill-​imperjalisti tal-​Punent, u għandna bżonn is-​suldati biex neħilsu l-​klassi tal-​ħaddiema tagħna fil-​Punent.”

Fl-24 taʼ Lulju, 1953, tellgħuna l-​qorti. Wieħed wara l-​ieħor sejħulna t-​12 quddiem il-​bord taʼ l-​imħallfin. Aħna ħadna l-​opportunità biex nagħtu xiehda dwar il-​fidi tagħna. Wara t-​tweġibiet tagħna għall-​akkużi foloz li sarulna, wieħed mill-​avukati qam u qal: “Kont preżenti f’din l-​awla diversi drabi. Ġeneralment [l-akkużati] jammettu, jindmu, u saħansitra jibku. Imma dawn l-​irġiel se joħorġu iktar b’saħħithom milli daħlu.” Imbagħad, lit-​12 li konna sabuna ħatjin li qed nikkonfoffaw kontra l-​Istat. Lili kkundannawni tliet snin ħabs u l-​proprjetà kollha tiegħi ngħatat lill-​Istat.

Ix-​Xjuħija Ma Waqqfitnix

Wara li rritornajt id-​dar, xorta bqajt sorveljat mill-​pulizija sigrieta. Minkejja dan, erġajt qbadt l-​attivitajiet teokratiċi tiegħi u ġejt fdat bl-​indokrar spiritwali tal-​kongregazzjoni tagħna. Għalkemm ħallewna ngħixu fid-​dar li kkonfiskawlna, legalment din reġgħet saret tagħna xi 40 sena wara, mal-​waqgħa tal-​Komuniżmu.

L-esperjenza tiegħi fil-​ħabs ma kinitx l-​aħħar waħda fil-​familja tiegħi. Wara li kont ilni biss tliet snin id-​dar, Eduard inqabad bil-​lieva. Minħabba l-​kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-​Bibbja, hu rrifjuta s-​servizz fl-​armata u weħel il-​ħabs. Snin wara, anki n-​neputi tiegħi Peter għadda mill-​istess esperjenza, avolja kellu saħħa batuta.

Fl-1989, ir-​reġim Komunista fiċ-​Ċekoslovakkja waqaʼ. Kemm fraħt li wara 40 sena taʼ projbizzjoni kont liberu li nippriedka minn dar għal dar! (Atti 20:20) Sakemm ippermettietli saħħti, ħadt pjaċir nagħmel dan it-​tip taʼ servizz. Issa li għandi 98 sena, saħħti m’għadhiex li kienet, imma ferħan li xorta waħda nistaʼ nagħti xiehda lin-​nies dwar il-​wegħdi glorjużi taʼ Ġeħova għall-​futur.

Nistaʼ ngħodd 12-il kap minn ħames pajjiżi differenti li ħakmu lil pajjiżi. Dawn kienu jinkludu dittaturi, presidenti, u re. Ħadd minnhom ma pprovda soluzzjoni dejjiema għall-​inkwiet kollu li fena n-​nies taħt il-​ħakma tagħhom. (Salm 146:3, 4) Jien grat lejn Ġeħova li ħallieni nsir nafu t’età żgħira. B’hekk, stajt napprezza s-​soluzzjoni tiegħu permezz tas-​Saltna Messjanika u nevita ħajja fiergħa ’l bogħod minn Alla. Ippridkajt l-​aqwa aħbar b’mod attiv għal iktar minn 75 sena, u din tatni skop f’ħajti, sodisfazzjon, u tama sabiħa taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. X’għandi bżonn iktar?b

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, imma issa m’għadux jiġi stampat.

b B’sogħba, is-​saħħa taʼ Ħuna Michal Žobrák ħallietu. Hu miet leali, fiduċjuż fit-​tama taʼ l-​irxoxt, waqt li dan l-​artiklu kien qed jitħejja biex jiġi pubblikat.

[Stampa f’paġna 26]

Ftit wara t-​tieġ tagħna

[Stampa f’paġna 26]

Maʼ Eduard fil-​bidu tas-​snin 40

[Stampa f’paġna 27]

Nirreklamaw il-​konvenzjoni fi Brno, fl-​1947

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja