LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 5/8 pp. 19-24
  • Minkejja l-Provi, it-Tama Tiegħi Baqgħet Qawwija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Minkejja l-Provi, it-Tama Tiegħi Baqgħet Qawwija
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mistoqsija fuq ir-​Reliġjon li Ħawditni
  • Tweġiba għall-​Mistoqsijiet Tiegħi
  • Mitfugħ il-​Ħabs Minħabba l-​Fidi Tiegħi
  • In-​Newtralità Tagħna taħt Prova
  • F’Kamp tax-​Xogħol
  • Vjaġġ Mimli Orrur
  • Miżmumin Ħajjin
  • It-​Tama Tiegħi Għadha Qawwija
  • Tgħallimt Nistrieħ fuq Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Għexna bis-Saħħa li Tana Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Inżommu l-Fidi taħt Ħakma Ħarxa Totalitarjana
    Stenbaħ!—2000
  • Bl-Għajnuna taʼ Ġeħova, Bqajna Ħajjin taħt Reġimi Totalitarji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 5/8 pp. 19-24

Minkejja l-​Provi, it-​Tama Tiegħi Baqgħet Qawwija

KIF RAKKONTAT MINN ANDREJ HANÁK

Is-​sena kienet l-​1943, u t-​Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-​aqwa tagħha. Peress li kont ħadt waqfa newtrali, intbgħatt il-​ħabs f’Budapest, l-​Ungerija. Hemmhekk, qassis Ortodoss bid-​daqna offrieli li jagħtini l-​Bibbja tiegħu jekk nagħtih il-​ħobż tiegħi għal tlett ijiem. Għalkemm kont mejjet bil-​ġuħ, jien konvint li għamilt għażla tajba.

KIENET sfida li żżomm kuxjenza Kristjana nadifa meta n-​Nazi ħadu l-​kontroll taʼ pajjiżna matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Bl-​istess mod, matul it-​tmexxija Komunista li ġiet wara u li damet iktar minn 40 sena, li taqdi lill-​Ħallieq tagħna Alla Jehovah mingħajr ma tikser il-​prinċipji Bibliċi, kien iebes.

Qabel ma niddeskrivi x’kien ifisser dakinhar lura li żżomm l-​integrità lejn Alla, ħalli ngħidilkom xi ħaġa żgħira dwari. Żgur li se ssibuh interessanti titgħallmu minn xiex kellhom jgħaddu x-​Xhieda taʼ Jehovah f’dawk is-​snin tal-​bidu. L-​ewwel, ħa nirrakkontalkom sitwazzjoni li għandha x’taqsam mar-​reliġjon u li lili ġagħlitni naħseb dwar ir-​reliġjonijiet prominenti taʼ fejn konna noqogħdu.

Mistoqsija fuq ir-​Reliġjon li Ħawditni

Jien twelidt fit-​3 taʼ Diċembru, 1922, f’Pácin, raħal Ungeriż qrib il-​fruntiera Slovakka. Dakinhar is-​Slovakja kienet il-​parti tal-​lvant taċ-​Ċekoslovakkja. Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, parti kbira miċ-​Ċekoslovakkja waqgħet taħt l-​Unjoni Sovjetika, u l-​fruntiera maʼ l-​Ukraina tmexxiet għal 30 kilometru ’l bogħod minn Pácin.

Jien kont it-​tieni wieħed minn ħamest itfal u l-​ġenituri tagħna kienu Kattoliċi Rumani devoti. Meta kelli 13-il sena ġrat xi ħaġa li ġagħlitni naħseb iktar bis-​serjetà dwar ir-​reliġjon. Kont mort m’ommi fuq pellegrinaġġ reliġjuż taʼ 80 kilometru għall-​villaġġ taʼ Máriapócs fl-​Ungerija. Morna bil-​mixi għax konna nemmnu li jekk nagħmlu hekk iktar naqilgħu grazzji. Fil-​pellegrinaġġ kien hemm kemm Kattoliċi Rumani u kemm Kattoliċi Griegi. Jien qabel kont naħseb li dawn iż-​żewġ knejjes kienu jagħmlu parti minn reliġjon Kattolika magħquda. Imma malajr indunajt li dan ma kienx minnu.

Ġara li l-​quddiesa tal-​Kattoliċi Griegi ġiet ċelebrata l-​ewwel. Għalhekk iddeċidejt li mmur għal dik. Iktar tard, meta ommi saret taf li kont mort hemm, tgħidx kemm gergret. Mifxul, staqsejtha: “X’differenza tagħmel liema quddies immorru? Mhux l-​istess ġisem taʼ Kristu qegħdin nirċievu lkoll ?”

Ommi ma setgħetx tweġibni u kulma qaltli kien: “Ibni, tagħmel dnub jekk tistaqsi mistoqsijiet bħal dawn.” Xorta waħda, dawk il-​mistoqsijiet baqgħu jberrnu ġo moħħi.

Tweġiba għall-​Mistoqsijiet Tiegħi

Meta kelli 17-il sena—ftit wara li bdiet it-​Tieni Gwerra Dinjija fl-​1939—mort noqgħod ftit kilometri ’l bogħod fi Streda nad Bodrogom, raħal żgħir li issa jinsab fil-​lvant tas-​Slovakja. Mort naħdem hemm bħala apprendist maʼ ħaddied lokali. Madankollu, fid-​dar tiegħu tgħallimt xi ħaġa iktar imprezzabbli milli kif nagħmel in-​nagħal għaż-​żwiemel u nifforma oġġetti oħra mill-​ħadid imdewweb.

Mária Pankovics, il-​mara tal-​ħaddied, kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah. B’hekk, matul il-​jum kont nitgħallem is-​sengħa taʼ ħaddied mingħand ir-​raġel tagħha, imma matul il-​lejl kont nistudja l-​Bibbja u nattendi l-​laqgħat max-​Xhieda lokali. Billi kont apprendist maʼ ħaddied, stajt napprezza iktar il-​kliem li jgħid Salm 12:7 (12:​6, NW): “Kliem il-​Mulej kliem safi, fidda mgħoddija min-​nar, sebaʼ darbiet imsoffija mit-​trab.” Kemm kienu sbieħ dawk l-​iljieli, neżamina kliem Jehovah u nsib it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet li kelli dwar il-​Bibbja!

Ma kontx irrealizzajt li dalwaqt ħafna, iktar ma kienet se tibda tiħrax it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​fidi ġdida tiegħi kienet se tgħaddi minn prova.

Mitfugħ il-​Ħabs Minħabba l-​Fidi Tiegħi

Ftit żmien wara li bħala apprendist mal-​ħaddied, il-​ġuvintur fl-​Ungerija ntbagħtu biex jieħdu sehem f’taħriġ militari. Imma jien iddeċidejt li nimxi fuq il-​prinċipju Bibliku misjub f’Isaija 2:​4, ‘biex ma nitgħallimx iżjed is-​sengħa tal-​gwerra.’ Minħabba d-​deċiżjoni tiegħi, ġejt mogħti għaxart ijiem il-​ħabs. Wara li ħriġt, komplejt nistudja l-​Bibbja. Imbagħad, nhar il-​15 taʼ Lulju, 1941, issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Jehovah permezz tal-​magħmudija taʼ l-​ilma.

Sadattant, il-​Ġermanja Nazista kienet invadiet lill-​Unjoni Sovjetika, u l-​Ewropa tal-​lvant kienet tinsab f’nofs gwerra. Il-​propaganda favur il-​gwerra żdiedet ħafna u n-​nazzjonaliżmu beda jinħass ġmielu. Imma x-​Xhieda taʼ Jehovah baqgħu newtrali, fi qbil mat-​twemmin sod tagħhom ibbażat mill-​Bibbja.

F’Awissu taʼ l-​1942 ġie organizzat attakk krudil kontrina. L-​awtoritajiet ħejjew għaxar postijiet fejn ġabru lix-​Xhieda, kbar u żgħar. Anki dawk li kienu għadhom ma tgħammdux imma li kienu magħrufin li kellhom kuntatt magħna ittieħdu f’dawn il-​postijiet. Jien sibt ruħi maʼ dawk li ttieħdu f’ħabs f’Sárospatak, belt madwar 20 kilometru ’l bogħod mir-​raħal tiegħi taʼ Pácin.

L-iżgħar priġunier fil-​ħabs kellu biss tliet xhur. Ġie mibgħut il-​ħabs flimkien maʼ ommu li kienet Xhud. X’ħin tlabniehom ftit ikel għall-​inqas għat-​tifel, il-​gwardjan wieġeb b’leħen iebes: “Ħallih jibki. Dak jgħinu biex isir Xhud b’saħħtu.” Tħassarnieha lil dik in-​naqra taʼ tarbija, imma ddispjaċiena wkoll x’ħin rajna kif qalb dak il-​gwardjan żagħżugħ setgħet tibbies daqshekk minħabba l-​propaganda nazzjonalistika.

Meta għaddewni ġuri, ġejt mogħti sentenza taʼ sentejn. Imbagħad ħaduni fil-​ħabs f’85 Margit Körút f’Budapest. Id-​daqs taċ-​ċelel kien erbaʼ metri b’sitta, u fihom kienu tefgħu bejn 50 sa 60 persuna. Għexna hemmhekk għal tmien xhur sħaħ mingħajr tojlit u mezzi biex ninħaslu. La stajna nieħdu doċċa jew banju, aħseb u ara kemm stajna naħslu ħwejjiġna. Kulħadd imtela bil-​qamel, u bil-​lejl, il-​baqq kien idur għall-​iġsma maħmuġin tagħna.

Kuljum kellna nqumu fl-​erbgħa taʼ fil-​għodu. Għall-​kolazzjon kienu jagħtuna biss kikkra żgħira kafè. F’nofsinhar konna nieklu l-​istess ammont taʼ soppa, ftit iktar minn nofs kwart ħobż flimkien maʼ ftit qamħ mitħun u magħġun bl-​ilma. Fil-​għaxija xejn ma kienu jagħtuna nieklu. Għalkemm kelli 20 sena u kont bniedem f’saħħti, biż-​żmien tant sirt dgħajjef li ma kellix saħħa nimxi. Il-​priġunieri bdew imutu bil-​ġuħ u bl-​infezzjonijiet.

F’dik il-​ħabta ġie priġunier ġdid fiċ-​ċella tagħna. Dan kien il-​qassis Ortodoss bid-​daqna li semmejt fil-​bidu. Lilu kienu ħallewh iżommha l-​Bibbja tiegħu. Kemm xtaqt naqraha! Imma meta tlabtu biex isellifhieli, ma riedx. Madankollu, iktar tard ġie fuqi u qalli: “Haw’ ġbin. Tistaʼ tiħodha l-​Bibbja. Inbigħhielek.”

“Tbigħhieli? U xi trid tagħha?” staqsejtu. “Jien m’għandix flus fuqi.”

Dak il-​ħin offrieli l-​Bibbja jekk nagħtih il-​ħobż tiegħi għal tlett ijiem. Kemm swieli taʼ ġid li partattlu! Għalkemm kont bil-​ġuħ fiżikament, irċivejt l-​ikel spiritwali li sostna lili kif ukoll lil ħaddieħor waqt il-​provi tagħna matul dawk iż-​żminijiet mimlijin inkwiet. Dik il-​Bibbja għadha għandi sa llum.—Mattew 4:4.

In-​Newtralità Tagħna taħt Prova

F’Ġunju taʼ l-​1943, ix-​Xhieda ġuvintur mill-​Ungerija kollha—konna madwar 160 ruħ—ittieħdu f’Jászberény, raħal qrib Budapest. Meta rrifjutajna li nilbsu l-​brieret tal-​militar u strixxa bit-​tliet kuluri tal-​bandiera maʼ dirgħajna, tefgħuna ġo vaguni tal-​merkanzija u ħaduna fl-​istazzjon tal-​ferrovija f’Budapest-Kőbánya. X’ħin wasalna, l-​uffiċjali militari bdew jgħajtulna b’isimna biex noħorġu minn ġol-​vaguni, wieħed wieħed, u ordnawlna biex nirrapportaw bħala suldati.

Ġejna kmandati biex ngħidu: “Heil Hitler,” li tfisser “Sliem għalik Hitler.” X’ħin kull Xhud irrifjuta li jagħmel hekk, kien jiġi msawwat bl-​aħrax. Fl-​aħħar, it-​turmentaturi xebgħu, u wieħed minnhom qal: “Ejja nsawtu wieħed taʼ l-​aħħar, imma dan mhux se joħroġ ħaj minn taħt idejna.”

Tibor Haffner, Xhud imdaħħal fiż-​żmien u wieħed mill-​antiki, kien kiseb kopja tal-​lista tax-​Xhieda li kien hemm abbord. Ġie fuqi u qalli minn taħt l-​ilsien: “Ħija, int imissek. Kun kuraġġuż! Afda f’Jehovah.” X’ħin qalli hekk għajtuli. Malli dhert fil-​bieb tal-​vagun, qaluli biex ninżel. “Dan ma fadallu xejn x’issawwat fih,” qal wieħed mis-​suldati. Imbagħad qalli: “Jekk tirrapporta kif qalulek, nirranġawlek biex tintbagħat fil-​kċina tħejji l-​ikel. Inkella tmut.”

“M’iniex se nagħmel xogħol militari,” weġibt. “Irrid immur lura fil-​vaguni fejn hemm ħuti.”

Wieħed mis-​suldati tħassarni, qabadni u reġaʼ tefagħni fil-​vagun. Peress li kont niżen inqas minn 40 kilo, ma sabiex bi tqila biex jagħmel hekk. Ħuna Haffner ġie ħdejja, poġġa dirgħajh madwar spallejja, mellisli wiċċi, u kkwotali Salm 20:2 (20:​1, NW): “Jisimgħek il-​Mulej fi żmien in-​niket; iħarsek l-​isem taʼ Alla taʼ Ġakobb!”

F’Kamp tax-​Xogħol

Wara dan poġġewna f’dgħajsa u ħaduna fuq ix-​Xmara Danubju għall-​Jugoslavja. F’Lulju taʼ l-​1943 wasalna fil-​kamp tax-​xogħol qrib il-​belt taʼ Bor, li kien fiha waħda mill-​akbar minjieri tar-​ram fl-​Ewropa. Maż-​żmien, il-​popolazzjoni fil-​kamp laħqet madwar 60,000 ruħ minn ħafna nazzjonalitajiet, inkluż xi 6,000 Lhudi u madwar 160 Xhud taʼ Jehovah.

Ix-Xhieda tpoġġew f’barrakka waħda kbira. F’nofs il-​kamra kien hemm l-​imwejjed u l-​bankijiet, u hemmhekk konna nagħmlu l-​laqgħat tagħna darbtejn fil-​ġimgħa. Konna nistudjaw ir-​rivisti tat-​Torri taʼ l-​Għassa li kienu jiddaħħlu bil-​moħbi fil-​kamp, u naqraw il-​Bibbja li kont partatt mar-​razzjon tal-​ħobż tiegħi. Konna wkoll inkantaw għanjiet u nitolbu flimkien.

Rajna li dejjem ikollna relazzjoni tajba maʼ priġunieri oħra, u dan swielna taʼ ġid. Wieħed minn ħutna kellu wġigħ qawwi fl-​imsaren, u l-​gwardjani ma kinux lesti li jġibulu l-​għajnuna. X’ħin beda jaqleb għall-​agħar, wieħed mill-​priġunieri Lhud, li kien tabib, qabel li joperah. Hu ta lill-​ħu xi ħaġa biex tilloppjah u għamel l-​operazzjoni b’manku taʼ mgħarfa limat għall-​ponta. Il-​ħu rkupra u wara l-​gwerra rritorna lejn daru.

Ix-xogħol fil-​minjieri kien iħallik bla saħħa, u ma kellniex biżżejjed x’nieklu. Żewġ aħwa rġiel mietu f’inċidenti waqt ix-​xogħol, u ieħor miet b’marda. F’Settembru taʼ l-​1944, hekk kif bdiet toqrob l-​armata Russa, ġie deċiż li jbattlu l-​kamp. Kieku ma rajtx b’għajnejja stess, ma kontx nemmen dak li ġara wara.

Vjaġġ Mimli Orrur

Wara vjaġġ taʼ ġimgħa li filiġna, wasalna f’Belgrad flimkien maʼ ħafna priġunieri Lhud oħra. Imbagħad bqajna mexjin għal iktar ġranet u sibna ruħna fir-​raħal taʼ Cservenka.

X’ħin wasalna f’Cservenka, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew ordnati biex jifformaw ringieli, ħamsa f’kull waħda. Imbagħad bdew jagħżlu Xhud minn kull żewġ ringieli. Bid-​dmugħ f’għajnejna, rajniehom jieħdu lil dawk l-​aħwa u ħsibna li kienu se joqtluhom. Imma wara ftit reġgħu ġew lura. X’kien ġara? Is-​suldati Ġermaniżi riduhom iħaffru xi oqbra, imma kmandant Ungeriż qalilhom li dawn kienu ilhom ġimgħa ma jieklu u kienu wisq dgħajfin biex jaħdmu.

Dik il-​lejla, is-​suldati qabdu lix-​Xhieda kollha u ħaduna fis-​sular taʼ fuq taʼ bini fejn kienu jnixxfu l-​brikks. Uffiċjal Ġermaniż qalilna: “Oqogħdu kwieti u ibqgħu hawn. Ġej lejl tal-​biżaʼ.” Imbagħad sakkar il-​bieb. Fi ftit minuti, smajna l-​għajat tas-​suldati: “Ħaffu! Ħaffu!” Imbagħad smajna l-​ħsejjes taʼ l-​isparar, u wara skiet li jwaħħax. Imbagħad erġajna smajna, “Ħaffu! Ħaffu!” u iktar sparar.

Minn ġos-​saqaf tal-​bini stajna naraw x’kien qed jiġri. Is-​suldati kienu qed iġibu gruppi taʼ tużżani taʼ priġunieri Lhud, iġagħluhom joqogħdu bil-​wieqfa fix-​xifer taʼ ħofra, u jisparawlhom. Imbagħad is-​suldati kienu jitfgħu granati taʼ l-​idejn fuq il-​gzuz taʼ iġsma. Sa sbieħ il-​jum kienu qatlu lill-​priġunieri Lhud kollha minbarra tmienja, u s-​suldati Ġermaniżi kienu ħarbu. L-​istat mentali u fiżiku tagħna kien diżastru. János Török u Ján Bali, li għadhom ħajjin sa llum, kienu fost ix-​Xhieda preżenti għal dak il-​qtil.

Miżmumin Ħajjin

Komplejna l-​vjaġġ tagħna lejn il-​punent u t-​tramuntana, bis-​suldati Ungeriżi għassa tagħna. Ordnawlna kemm-il darba biex nieħdu sehem f’attivitajiet militari, iżda rnexxielna nibqgħu newtrali u xorta bqajna ħajjin.

F’April taʼ l-​1945 sibna ruħna bejn l-​armati Ġermaniżi u l-​armati Russi fil-​belt taʼ Szombathely, ħdejn il-​fruntiera taʼ l-​Ungerija maʼ l-​Awstrija. Meta nstemgħet it-​twissija li kien ġej attakk mill-​ajru, kaptan Ungeriż, li kien il-​gwardja tagħna, staqsiena: “Nistaʼ niġi nsib kenn magħkom? Qed nara li Alla magħkom.” X’ħin waqfu l-​bombi, tlaqna mill-​belt bil-​mixi minn qalb iġsma mejta t’annimali u nies.

X’ħin ra li t-​tmiem tal-​gwerra kien qrib ħafna, dak l-​istess kaptan ġabarna flimkien u qalilna: “Grazzi talli rrispettajtuni. Għandi ftit te u zokkor għal kull wieħed minnkom. Għallinqas għandkom xi ħaġa.” Aħna rringrazzjajnieh tal-​mod uman li kien ittrattana bih.

Fi ftit ġranet, waslu r-​Russi u bdejna mexjin lura lejn djarna fi gruppi żgħar. Imma l-​problemi tagħna ma kinux waqfu hemm. Wara li wasalna f’Budapest, ġejna arrestati mir-​Russi u ordnati biex ningaġġaw f’armata oħra—din id-​darba l-​armata Sovjetika.

Il-bniedem li kien inkarigat minn dawn il-​proċeduri kien tabib mediku, uffiċjal Russu taʼ grad għoli. X’ħin dħalna fil-​kamra, aħna m’għarafniehx, imma hu għarafna. Dan kien magħna fil-​kamp tax-​xogħol f’Bor, u kien wieħed mill-​ftit Lhud li baqgħu ħajjin mill-​ġenoċidju tan-​Nazi. Malli rana, hu ordna lill-​gwardji: “Ħalluhom imorru d-​dar lil dawn it-​tmint irġiel.” Aħna rringrazzjajnieh, imma fuq kollox, irringrazzjajna lil Jehovah tal-​protezzjoni tiegħu.

It-​Tama Tiegħi Għadha Qawwija

Fl-​aħħar, nhar it-​30 t’April, 1945, wasalt id-​dar f’Pácin. Ftit żmien wara mort lura fid-​dar tal-​ħaddied fi Streda nad Bodrogom biex inkompli bħala apprendist. Il-​familja Pankovic kienet tatni ħafna—mhux talli tawni sengħa biex naqla l-​għajxien tiegħi imma iktar importanti minn hekk, tawni l-​veritajiet Bibliċi li biddluli ħajti. Issa kienu se jagħtuni xi ħaġa oħra. Fit-​23 taʼ Settembru, 1946, it-​tifla ħelwa tagħhom, Jolana, saret marti.

Jien u Jolana komplejna fl-​attività regulari tagħna taʼ l-​istudju tal-​Bibbja u l-​ippridkar. Imbagħad, fl-​1948, kellna barka oħra meta sirna l-​ġenituri tat-​tifel tagħna, Andrej. Madankollu, ma tantx domna ferħanin bil-​libertà reliġjuża li kellna. Il-​Komunisti ma damux ma ħadu f’idejhom lil pajjiżna, u bdiet mewġa oħra taʼ persekuzzjoni. Fl-​1951 reġgħu sejħuli biex nidħol fil-​militar, din id-​darba mill-​awtoritajiet Komunisti Ċekoslovakki. Reġgħet irrepetiet ruħha l-​istess storja: għaddewni ġuri, tawni sentenza taʼ ħabs, tefgħuni l-​ħabs, ħaduni bħal ilsir fil-​kampijiet tax-​xogħol, u ħallewni bil-​ġuħ. Imma bl-​għajnuna t’Alla bqajt ħaj din id-​darba wkoll. Bis-​saħħa t’amnestija, ġejt meħlus fl-​1952 u ngħaqadt mal-​familja tiegħi f’Ladmovce, fis-​Slovakja.

Minkejja l-​projbizzjoni fuq il-​ministeru Kristjan tagħna, li damet għal madwar 40 sena, bqajna għaddejjin bis-​servizz sagru tagħna. Mill-​1954 sa l-​1988, kelli l-​privileġġ li naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa. Fi tmiem il-​ġimgħa kont inżur lill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah u ninkuraġġixxi lill-​aħwa rġiel u nisa biex jibqgħu sodi fl-​integrità tagħhom. Imbagħad, matul il-​ġimgħa, kont ningħaqad mal-​familja tiegħi u nagħmel xogħol sekulari ħalli jkollna biex ngħixu. Matul dak iż-​żmien ħassejna d-​direzzjoni li jipprovdi Jehovah bl-​imħabba. Rajt kemm kien minnu l-​kliem tas-​salmista Bibliku meta qal: “Li ma kienx il-​Mulej magħna, meta qamu għalina n-​nies, ħajjin kienu jibilgħuna, meta nxtegħlu bl-​għadab għalina.”—Salm 124:​2, 3.

Maż-żmien, jien u Jolana kellna l-​pjaċir naraw lil Andrej jiżżewweġ u mbagħad isir indokratur Kristjan matur. Il-​mara tiegħu, Eliška, u ż-​żewġ uliedhom subien, Radim u Daniel, ukoll saru ministri Kristjani attivi. Imbagħad, fl-​1998, ġarrabt telfa kbira meta mietet il-​maħbuba tiegħi Jolana. Mill-​provi kollha li għaddejt minnhom, din hija l-​iktar waħda li qed insibha iebsa. Inħoss in-​nuqqas tagħha kuljum, imma nsib faraġ fit-​tama prezzjuża taʼ l-​irxoxt.—Ġwann 5:​28, 29.

Issa, fl-​età taʼ 79 sena, qed naqdi bħala anzjan fir-​raħal taʼ Slovenské Nové Mesto, fis-​Slovakja. Hawnhekk l-​akbar ferħ tiegħi huwa li naqsam mal-​ġirien tiegħi t-​tama prezzjuża li għandi mill-​Bibbja. X’ħin noqgħod nirrifletti fuq il-​passat, u dwar is-​60 sena u fuqhom li għamilt fis-​servizz taʼ Jehovah, ninsab konvint li bl-​għajnuna taʼ Jehovah nistgħu ngħaddu minn kull ostaklu u prova. Ix-​xewqa u t-​tama tiegħi jaqblu mal-​kliem taʼ Salm 86:12: “B’qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, u nsebbaħ ismek għal dejjem.”

[Stampa f’paġna 20]

Il-​Bibbja li rċivejt meta partattha mar-​razzjon tal-​ħobż tiegħi

[Stampa f’paġna 21]

Tibor Haffner inkuraġġieni waqt il-​provi tiegħi

[Stampa f’paġna 22]

Xhieda fil-​kamp tax-​xogħol f’Bor

[Stampa f’paġna 22]

Funeral taʼ Xhud fil-​kamp tax-​xogħol f’Bor bis-​suldati Ġermaniżi preżenti

[Stampi f’paġna 23]

János Török u Ján Bali (stampa żgħira), li wkoll kienu preżenti għall-​massakru

[Stampa f’paġna 23]

Jolana saret il-​mara tiegħi f’Settembru taʼ l-​1946

[Stampa f’paġna 24]

Flimkien maʼ ibni, il-​mara tiegħu, u n-​neputijiet tiegħi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja