Bijografija
Għexna bis-Saħħa li Tana Jehovah
KIF RAKKONTATA MINN ERZSÉBET HAFFNER
“Mhux se nħallihom jeżiljawk,” qalli Tibor Haffner meta sar jaf li kienu ordnawli nitlaq miċ-Ċekoslovakkja. Imbagħad żied jgħid: “Jekk taqbel, jien niżżewġek, u int tibqaʼ miegħi għal dejjem.”
FID-29 taʼ Jannar, 1938, ftit ġimgħat biss wara dik il-proposta li ma kontx qed nistennieha, iżżewwiġt lil Tibor, il-ħu Kristjan li ta xiehda lill-familja tiegħi għall-ewwel darba. Ma kinitx deċiżjoni faċli. Kont għadni kif għalaqt it-18-il sena, u bħala ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, ridt niddedika ż-żgħożija tiegħi għas-servizz t’Alla biss. Bkejt u tlabt, u kien biss meta kkalmajt li rrealizzajt kemm dak li kien offrieli Tibor kien iktar minn sempliċi ġest taʼ qalb tajba. Ħassejt ukoll li ridt ngħix maʼ dan ir-raġel li jħobbni ġenwinament.
Imma għala kont fil-periklu li niġi eżiljata? Fuq kollox, jien kont qed ngħix f’pajjiż li kien kburi bis-sistema demokratika u l-libertà reliġjuża tiegħu. Naħseb li issa wasal il-waqt li ngħidilkom iktar dwar l-istorja tiegħi.
Jien twilidt fis-26 taʼ Diċembru, 1919, fil-villaġġ taʼ Sajószentpéter, fl-Ungerija, xi 160 kilometru fil-lvant taʼ Budapest. Il-ġenituri tiegħi kienu Kattoliċi Griegi. B’sogħba, missieri miet qabel ma twilidt. Wara ftit, ommi żżewġet raġel armel b’erbat itfal, u morna noqogħdu f’Lučenec, belt mill-isbaħ f’dik li qabel kienet iċ-Ċekoslovakkja. F’dak iż-żmien, ma kinitx xi ħaġa faċli li tgħix maʼ familja tar-rispett. Bħala l-iżgħar waħda minn ħamest itfal, ħassejtni qisni barranija fil-familja. Is-sitwazzjoni ekonomika kienet diffiċli, u jien mhux biss kont imċaħħda mill-affarijiet materjali imma wkoll mill-attenzjoni u l-imħabba li l-ġenituri normalment jagħtu lit-tfal.
Min Jafha t-Tweġiba?
Meta kelli 16-il sena, kelli ħafna mistoqsijiet li kienu jinkwetawni. Kont qrajt b’interess kbir l-istorja taʼ l-ewwel gwerra dinjija, u bqajt skantata bil-qtil kollu li sar bejn il-ġnus ċivilizzati li kienu jgħidu li huma Kristjani. Barra minn hekk, madwari stajt nara li l-militariżmu kien qed jiżdied kullimkien. Xejn minn dan ma kien jaqbel maʼ dak li kont qed nitgħallem fil-knisja dwar l-imħabba għall-proxxmu.
Għalhekk, jien mort għand qassis Kattoliku Ruman u staqsejtu: “Liema kmand għandhom jobdu l-Kristjani—li jmorru għall-gwerra u joqtlu lil proxxmu tagħhom jew li jħobbuh?” Peress li ddejjaq bil-mistoqsija li għamiltlu, hu qalli li kien jgħallem dak li qalulu l-awtoritajiet taʼ fuqu. L-istess ġara meta żort ministru Kalvinista u mbagħad rabbi Lhudi. Ma ħadt ebda tweġiba, ħlief l-istagħġib tagħhom bil-mistoqsija mhux tas-soltu li għamiltilhom. Fl-aħħar mort inkellem ministru Luteran. Hu rrabja, imma qabel tlaqt qalli: “Jekk veru trid tkun taf xi ħaġa dwar dan, staqsi lix-Xhieda taʼ Jehovah.”
Ipprovajt insib lix-Xhieda imma ma rnexxilix. Ftit jiem wara, hekk kif kont ġejja lura mix-xogħol, rajt il-bieb tad-dar imbexxaq. Ġuvni gustuż kien qed jaqra mill-Bibbja lil ommi. F’daqqa waħda, għaddieli ħsieb minn rasi, ‘Dan żgur li Xhud taʼ Jehovah!’ Aħna stidinna lil dan ir-raġel, Tibor Haffner, biex jidħol ġewwa, u erġajt staqsejt il-mistoqsijiet tiegħi lilu. Minflok ma weġibni minn moħħu, hu wrieni x’tgħid il-Bibbja dwar x’jidentifika l-veri Kristjani, kif ukoll dwar iż-żmien li qed ngħixu fih.—Ġwanni 13:34, 35; 2 Timotju 3:1-5.
Ftit xhur wara, qabel m’għalaqt 17-il sena, tgħammidt. Ħassejt li kulħadd għandu jismaʼ b’dawn il-veritajiet prezzjużi li jien tant tħabatt biex sibthom. Bdejt nippriedka full-time, għalkemm dan ix-xogħol kien daqsxejn taʼ sfida fiċ-Ċekoslovakkja fl-aħħar tas-snin 30. Minkejja li x-xogħol tagħna kien reġistrat b’mod uffiċjali, aħna ffaċċjajna oppożizzjoni ħarxa mqanqla mill-membri tal-kleru.
Nibdew Induqu l-Persekuzzjoni
Ġurnata waħda fl-aħħar tas-sena 1937, kont qed nippriedka m’oħt Kristjana f’raħal qrib taʼ Lučenec. F’kemm ili ngħid, ġejna arrestati u mitfugħin il-ħabs. “Intom se tmutu hawn,” qalilna l-gwardjan hekk kif sabbat il-bieb taċ-ċella tagħna.
Sa fil-għaxija kellna erbgħa min-nies oħra magħna fiċ-ċella. Aħna bdejna nfarrġuhom u nagħtuhom xiehda. Huma kkalmaw, u qattajna l-lejl sħiħ naqsmu l-verità tal-Bibbja magħhom.
Fis-sitta taʼ l-għada fil-għodu, il-gwardjan għajjatli biex noħroġ miċ-ċella. Lil ħabibti għedtilha: “Nerġgħu niltaqgħu fis-Saltna t’Alla.” Tlabtha tgħid lill-familja tiegħi b’dak li ġrali jekk jirnexxilha ssalva. Għedt talba f’qalbi u mort mal-gwardjan. Hu ħadni fl-appartament tiegħu fl-inħawi tal-ħabs. “Irrid nistaqsik xi affarijiet,” qalli hu. “Il-bieraħ fil-għaxija int għedt li isem Alla hu Jehovah. Tistaʼ turini dan l-isem fil-Bibbja?” Kif bqajt skantata u x’serħan ħassejt! Hu ġab il-Bibbja tiegħu, u jien urejt l-isem Jehovah lilu u lil martu. Kellu ħafna iktar mistoqsijiet dwar is-suġġetti li ddiskutejna maʼ l-erbaʼ nisa matul il-lejl. X’ħin ħassu sodisfatt bit-tweġibiet, hu talab lil martu tipprepara l-kolazzjon għalija u għal ħabibti.
Jumejn wara, ġejna meħlusin, imma l-imħallef iddeċieda li peress li kont ċittadina Ungeriża, kelli nitlaq miċ-Ċekoslovakkja. Kien wara din il-ġrajja li Tibor Haffner talabni nsir martu. Aħna żżewwiġna, u jien mort ngħix fid-dar tal-ġenituri tiegħu.
Il-Persekuzzjoni Tiħrax
Aħna komplejna fix-xogħol taʼ l-ippridkar bħala koppja, għalkemm Tibor kellu wkoll xi xogħol taʼ l-organizzazzjoni x’jagħmel. Ftit jiem biss qabel ma s-suldati Ungeriżi mmarċjaw għal ġol-belt tagħna f’Novembru taʼ l-1938, twieled it-tifel tagħna Tibor, Jr. Fl-Ewropa, it-tieni gwerra dinjija kienet fix-xefaq. Parti kbira miċ-Ċekoslovakkja nħatfet mill-Ungerija, u għalhekk żdiedet il-persekuzzjoni fuq dawk ix-Xhieda taʼ Jehovah li kienu jgħixu fl-inħawi milquta.
Fl-10 t’Ottubru, 1942, Tibor telaq lejn Debrecen biex jiltaqaʼ maʼ xi aħwa. Madankollu, din id-darba ma ġiex lura. Iktar tard qalli x’kien ġara. Minflok l-aħwa, fuq il-pont fejn kellhom jiltaqgħu kien hemm xi pulizija lebsin taʼ ħaddiema. Huma kienu qed jistennew lil żewġi u lil Pál Nagypál, li kienu l-aħħar tnejn li waslu. Imbagħad il-pulizija ħaduhom l-għassa u sawtuhom bil-bsaten f’saqajhom mikxufin sakemm ħassewhom ħażin bl-uġigħ.
Imbagħad ordnawlhom jilbsu l-bwiez tagħhom u jqumu bil-wieqfa. Minkejja l-uġigħ, huma ġew sforzati jmorru fl-istazzjon tal-ferrovija. Il-pulizija ġabu raġel ieħor li tant kellu rasu nfaxxata li bilkemm setaʼ jara. Dan kien ħuna András Pilling, li kien ġie għal-laqgħa wkoll. Żewġi ttieħed bil-ferrovija lejn post fejn kienu qed jinżammu x-Xhieda f’Alag, qrib Budapest. Wieħed mill-gwardjani, li ra s-saqajn imtertqa taʼ Tibor, qal b’sarkażmu: “Kemm hawn min hu kattiv! Tinkwetax, issa aħna nfejquk.” Żewġ gwardjani oħra bdew isawtu lil Tibor f’saqajh, waqt li d-demm beda jtir maʼ kullimkien. Wara ftit minuti, hu ntilef minn sensih.
Fix-xahar taʼ wara, Tibor u iktar minn 60 aħwa oħra għaddew ġuri. L-aħwa András Bartha, Dénes Faluvégi, u János Konrád ngħataw is-sentenza tal-mewt bil-forka. Ħuna András Pilling ngħata s-sentenza tal-ħabs għal għomru waqt li żewġi ngħata s-sentenza taʼ 12-il sena ħabs. Għal liema raġuni? Il-prosekutur akkużahom bi tradiment kbir, ċaħda tas-servizz militari, spjunaġġ, u akkużahom ukoll li tebbgħu l-ġieħ tal-knisja mill-iktar qaddisa. Is-sentenzi għall-mewt iktar tard inbidlu f’sentenzi taʼ ħabs għal għomorhom.
Insegwi lil Żewġi
Jumejn wara li Tibor telaq għal-laqgħa f’Debrecen, jien qomt qabel is-sitta biex ngħaddi l-ħwejjeġ tagħna. F’daqqa waħda kien hemm taħbita qawwija fuq il-bieb. F’qalbi għedt, ‘Waslu.’ Sitt uffiċjali tal-pulizija daħlu ġewwa u informawni li kellhom il-permess jagħmlu tfittxija fid-dar. Kulmin kien fid-dar ġie arrestat u ttieħed lejn l-għassa tal-pulizija, inkluż it-tifel tagħna taʼ tliet snin. Dakinhar stess ġejna trasferiti lejn faċilità f’Pétervására, ġo l-Ungerija.
Wara li wasalna, qabadni d-deni u sseparawni mill-oħrajn li kienu fl-istess ċella. Meta fiqt, żewġ suldati kienu fiċ-ċella tiegħi jargumentaw dwari. “Irridu nisparawlha! Jien se nisparalha!” qal wieħed minnhom. Imma l-ieħor ried jiċċekkjali saħħti qabel ma jisparawli. Jien tlabthom bil-ħniena biex iħalluni ngħix. Fl-aħħar telqu miċ-ċella tiegħi, u rringrazzjajt lil Jehovah talli għenni.
Il-gwardjani kellhom mod speċjali kif jinterrogaw lil dak li jkun. Lili ordnawli nintefaʼ wiċċi ’l isfel maʼ l-art, poġġew il-kalzetti f’ħalqi, rabtuli idejja u saqajja, u bdew isawtuni bil-frosta sakemm ħarġuli d-demm. Waqfu biss meta wieħed mis-suldati qal li għeja u li ma felaħx ikompli. Huma staqsewni maʼ min kellu jiltaqaʼ żewġi dakinhar li ġie arrestat. Jien m’għedtilhomx, allura komplew isawtuni għal tlett ijiem. Fir-rabaʼ jum ħallewni mmur nieħu lit-tifel għand ommi. F’temp inġazzat, ġarrejt lit-tifel fuq dahri li kien kollu feriti, u mxejt xi 13-il kilometru sa l-istazzjon tal-ferrovija. Minn hemm bqajt sejra d-dar bil-ferrovija, imma dakinhar stess kelli nkun lura fil-kamp.
Ngħatajt is-sentenza taʼ sitt snin f’ħabs li kien jinsab ġo Budapest. Malli wasalt, sirt naf li anki Tibor kien hemm. Kemm fraħna meta tawna l-permess inkellmu lil xulxin, għalkemm dan stajna nagħmluh minn wara l-ħadid għal ftit minuti biss! It-tnejn li aħna ħassejna l-imħabba taʼ Jehovah u ssaħħaħna permezz taʼ dawn il-mumenti prezzjużi. Sakemm erġajna ltqajna, it-tnejn li aħna kellna nerġgħu ngħaddu minn provi tal-biżaʼ, u kemm-il darba ħlisna minn ħalq il-mewt bi żbrixx.
Minn Ħabs għall-Ieħor
B’kollox konna xi 80 oħt imrekknin ġo ċella waħda. Konna nixxennqu għal daqsxejn ikel spiritwali, imma kienet tidher xi ħaġa impossibbli li ndaħħlu ikel bħal dan fil-ħabs. Stajna niksbu xi ħaġa minn ġol-ħabs stess? Ħalli ngħidilkom x’għamilna. Jien offrejt li nsewwi l-kalzetti taʼ l-iskrivani tal-ħabs. F’waħda mill-kalzetti, poġġejt karta li fuqha staqsejt x’inhu n-numru tal-Bibbja fil-katalgu tal-librerija tal-ħabs. Biex nevita kull suspett, żidt żewġ titli taʼ kotba oħra.
L-għada rċivejt gods kalzetti oħra mingħand l-iskrivani. F’waħda minnhom kien hemm ir-risposta. Imbagħad tajt dawn in-numri lil wieħed mill-gwardjani u tlabtu l-kotba. Kemm fraħna meta tawna l-kotba, inkluż il-Bibbja! Il-kotba l-oħra konna nibdluhom kull ġimgħa, imma l-Bibbja żammejnieha. Meta l-gwardjan kien jistaqsi għaliha, aħna dejjem konna ngħidulu: “Dak ktieb kbir, u kulħadd irid jaqrah.” B’dan il-mod irnexxielna naqraw il-Bibbja.
Darba minnhom, wieħed uffiċjal stidinni mmur fl-uffiċċju tiegħu. Hu deher edukat iktar mis-soltu.
“Sinjura Haffner, għandi aħbar tajba għalik,” qalli hu. “Tistaʼ tmur id-dar. Forsi għada. Jekk hemm ferrovija, anki llum stess.”
“Kieku tajjeb,” għedtlu jien.
“Dażgur li tajjeb,” qalli hu. “Int għandek tifel, u naħseb li tixtieq trabbih.” Imbagħad żied jgħid, “Kulma trid tagħmel hu li tiffirma din l-ittra.”
“Dwar xiex inhi?” staqsejtu.
“Toqgħodx tinkwieta,” insista hu. “Kemm tiffirmaha, u tistaʼ titlaq.” Imbagħad qalli: “Malli tasal id-dar, tistaʼ tagħmel li trid. Imma issa trid tiffirma li m’intix se tibqaʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah.”
Jien ersaqt lura u rrifjutajt b’mod sod.
“Mela hawnhekk se tmut!” għajjat hu bir-rabja u bagħatni ’l barra.
F’Mejju taʼ l-1943, intbgħatt f’ħabs ieħor ġo Budapest u iktar tard lejn il-villaġġ taʼ Márianosztra, fejn għexna f’monasterju maʼ xi 70 soru. Minkejja l-ġuħ u diffikultajiet oħra, konna ħerqanin biex naqsmu t-tama tagħna magħhom. Waħda mis-sorijiet uriet interess sinċier fil-messaġġ tagħna u qalet: “Dan li qed tgħiduli hu meraviljuż. Qatt ma smajt ħaġa bħal din. Jekk jogħġobkom, għiduli iktar.” Aħna għednielha dwar id-dinja l-ġdida u l-ħajja meraviljuża fiha. Hekk kif konna qed nitkellmu, waslet il-madre superjura. Minnufih, is-soru li wriet interess ittieħdet ’l hemm, ġiet imneżżgħa, u ngħatat xebgħa sew bil-frosta. Meta rġajna rajnieha, hi talbitna bil-ħniena: “Jekk jogħġobkom, itolbu lil Jehovah li jsalvani u jiħodni ’l bogħod minn dan il-post. Irrid inkun waħda minnkom.”
Id-destinazzjoni li kien imiss kienet ħabs qadim f’Komárom, belt max-Xmara Danubju, xi 80 kilometru fil-punent taʼ Budapest. Il-kundizzjonijiet tal-ħajja f’dan il-post kienu tal-biżaʼ. Bħal ħafna aħwa nisa oħra, jien imradt sew bit-tifu, bdejt nirremetti d-demm u marritli saħħti. Ma kellna ebda mediċina, u jien ħsibt li kont wasalt biex immut. Imma mbagħad, l-uffiċjali bdew ifittxu lil xi ħadd li setaʼ jagħmel xogħol taʼ l-uffiċċju. L-aħwa nisa qalulhom bija. Għalhekk, tawni l-mediċina u fiqt.
Nerġaʼ Ningħaqad mal-Familja Tiegħi
Hekk kif l-armata Sovjetika bdiet tikkonkwista l-lvant, aħna ġejna sforzati mmorru fil-punent. Hemm wisq x’nirrakkonta kieku kelli nitkellem dwar l-orruri kollha li għaddejna minnhom. Kemm-il darba ffaċċjajt il-mewt, imma grazzi għall-protezzjoni taʼ Jehovah, irnexxieli nsalva. Meta spiċċat il-gwerra, konna fil-belt Ċeka taʼ Tábor, xi 80 kilometru ’l bogħod minn Praga. Domna tliet ġimgħat oħra biex jien u oħt żewġi Magdalena wasalna d-dar f’Lučenec, fit-30 taʼ Mejju, 1945.
Mill-bogħod stajt nara lill-kunjata u lill-għażiż ibni Tibor li kien fil-bitħa. Għajnejja mtlew bid-dmugħ, u għajjatt, “Tibike!” Hu ġera u qabeż għal fuqi. “Ma, m’intix se terġaʼ titlaq, hux?” Dan kien l-ewwel kliem li qalli, u qatt ma se ninsieh.
Jehovah kien ħanin maʼ żewġi Tibor ukoll. Minn ħabs f’Budapest, hu ntbagħat f’kamp tal-konċentrament ġewwa Bor, maʼ xi 160 ħu ieħor. Ħafna drabi ġew wiċċ imbwiċċ mal-mewt, imma bħala grupp, huma ġew protetti u baqgħu ħajjin. Tibor ġie lura d-dar fit-8 t’April 1945, xi xahar qabli.
Wara l-gwerra, xorta kellna bżonn is-saħħa taʼ Jehovah biex ngħaddu mill-provi kollha li ġarrabna fl-40 sena taʼ wara taħt il-ħakma Komunista fiċ-Ċekoslovakkja. Tibor reġaʼ ngħata sentenza twila l-ħabs, u jien kelli nieħu ħsieb lit-tifel tagħna mingħajru. Wara li nħeles, Tibor qeda bħala indokratur li jivvjaġġa. Matul l-40 sena tal-Komuniżmu, aħna użajna kull opportunità li sibna biex naqsmu l-fidi tagħna. Stajna ngħinu lil ħafna wħud jitgħallmu l-verità. Għalhekk huma saru t-tfal spiritwali tagħna.
Kemm fraħna meta ksibna l-libertà reliġjuża fl-1989! Is-sena taʼ wara, attendejna l-ewwel konvenzjoni f’pajjiżna wara ħafna żmien. Meta rajna eluf taʼ aħwa li żammew l-integrità tagħhom għal għaxriet sħaħ taʼ snin, konna nafu li Jehovah kien sors qawwi taʼ saħħa għalihom kollha.
Żewġi l-għażiż, Tibor, miet leali lejn Alla fl-14 t’Ottubru, 1993, u issa qed ngħix qrib it-tifel f’Žilina, fis-Slovakja. Ma tantx għadni b’saħħti fiżikament, imma għandi spirtu qawwi bis-saħħa taʼ Jehovah. Jien nemmen mingħajr l-iċken dubju li bis-saħħa tiegħu nistaʼ nissaporti kwalunkwe prova f’din is-sistema qadima. Iktar minn hekk, inħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta bil-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah, se nkun nistaʼ ngħix għal dejjem.
[Stampa f’paġna 20]
Ibni Tibor, Jr., (t’erbaʼ snin) li kelli nħallih warajja
[Stampa f’paġna 21]
Żewġi Tibor, m’aħwa oħra f’Bor
[Stampa f’paġna 22]
Maʼ Tibor u Magdalena, oħt ir-raġel, fl-1947, ġo Brno
[Stampi f’paġna 23]
Kemm-il darba ffaċċjajt il-mewt, imma grazzi għall-protezzjoni taʼ Jehovah, irnexxieli nsalva